2010-2019
B’Għaqal versus Każwali
April 2019 Konferenza Ġenerali


B’Għaqal versus Każwali

Hekk kif aktar ma jgħaddi ż-żmien l-influwenzi tad-dinja qed iħaddnu l-ħażen, aħna għandna nagħmlu l-almu tagħna biex b’diliġenza nibqgħu fermi fit-triq li twassalna mingħajr periklu lejn is-Salvatur tagħna.

Darba rajt tabella f’tieqa ta’ ħanut li kienet tgħid, “Ferħ,15-il dollaru.” Tant ħassejt kurżità ġo fija biex insir naf kemm stajt nixtri ferħ bi 15-il dollaru li dħalt ġewwa biex nara. Dak li sibt kienu ħafna oġġetti u suveniers li ma tantx kellhom valur — l-ebda wieħed minnhom ma stajt nara li seta’ possibbilment jġibli t-tip ta’ ferħ li kienet timplika t-tabella! Tul is-snin, ħsibt ħafna drabi dwar dik it-tabella u kemm faċilment nistgħu nfittxu l-ferħ f’oġġetti li ma tantx fihom valur jew li huma temporanji. Bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna mberkin li nafu kif u meta nistgħu nsibu l-veru ferħ. Nistgħu nsibuh jekk aħna ngħixu bir-reqqa l-evanġelju kif stabbilit mill-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, u billi nagħmlu l-almu tagħna biex insiru nixbhuh aktar.

Aħna għandna ħabib għażiż tagħna li kien inġinier tal-ferroviji. Darba waħda waqt li kien qed isuq il-ferrovija fir-rotta tiegħu, huwa lemaħ karozza quddiemu fuq il-linji. Huwa malajr irrealizza li dik il-karozza kienet tinsab imwaħħla mal-linji u ma setgħetx taqsam min-naħa għall-oħra. Immedjatament huwa poġġa l-ferrovija f’ modalità ta’ emerġenza, li wasslet biex ġew magħfusin il-brejkijiet fuq il-vaguni kollha, liema vaguni kienu jestendu sa tliet kwarti ta’ mil mill-magna, fejn kienu qed iġorru tagħbija ta’ 6,500 tunnellata. Ma kien hemm l-ebda ċans li l-ferrovija kien se jirnexxiela tieqaf qabel ma l-ewwel tkun laqtet il-karozza, u hekk ġara. Fortunatament għan-nies fil-karozza, huma semgħu l-ħoss tal-ferrovija ssaffar u ħarbu jiġru mill-karozza qabel l-impatt. Hekk kif l-inġinier tkellem mal-uffiċjal tal-pulizija li kien qed jinvestiga, marret fuqhom waħda mara rrabjata. Hija bdiet tgħajjat u tgħid li rat l-inċident kollu quddiemha u mbagħad bdiet tixhed li l-inġinier lanqas biss ipprova jilwi ftit il-ferrovija biex ma jolqotx il-karozza!

Ovvjament, li kieku l-inġinier seta’ jilwi f’daqqa l-ferrovija u joħroġ mil-linji biex jevita l-inċident, hu u l-ferrovija kollha kienu jispiċċaw jintilfu peress li jkunu ħarġu minn fuq il-linji, u l-ferrovija u min kien fiha kienu jispiċċaw verament ħażin. Fortunatament għalih, il-linji li fuqhom kienet għaddejja l-ferrovija tiegħu żammew lir-roti tal-ferrovija b’mod ferm, tant li baqgħet miexja ‘l quddiem lejn id-destinazzjoni tagħha minkejja l-ostaklu li huwa sab quddiemu. Fortunatament għalina, aħna wkoll ninsabu għaddejjin fuq linji bħal tal-ferrovija. Qed nirreferi għat-triq tal-patt li aħna kkommettejna ruħna għaliha meta tgħammidna bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Minkejja li xi kultant tul it-triq aħna nafu niltaqgħu ma xi ostakli, it-triq tal-patt iżżommna mexjin ‘il quddiem lejn id-destinazzjoni u l-premju etern tagħna jekk aħna nibqgħu fermi fit-triq it-tajba.

Immaġni
Il-viżjoni ta’ Leħi tas-siġra tal-ħajja

Il-viżjoni tas-siġra tal-ħajja turina kif l-effett tal-każwalità jista’ ibiegħdna mit-triq tal-patt. Ikkunsidraw li l-bastun tal-ħadid u t-trejqa stretta u dejqa, jew it-triq tal-patt, kienu jwasslu direttament sas- siġra tal-ħajja, fejn il-barkiet kollha li jipprovdilna s-Salvatur tagħna u l-Att tal-Fidwa Tiegħu jinsabu disponibbli għall-fidili. Fil-viżjoni naraw ukoll xmara bl-ilma li tirrappreżenta l-ħmieġ tad-dinja. L-iskrittura tiddeskrivi li din ix-xmara li “kienet tgħaddi” minn mat-trejqa madankollu kienet twasslet “viċin” is-siġra, mhux sa ħdejha. Id-dinja hija mimlija distrazzjoni li tasal biex tqarraq saħansitra anke bil-magħżulin, twassalhom biex ikunu każwali bil-mod li huma jgħixu l-patti tagħhom—b’hekk twassalhom viċin is-siġra, iżda mhux sa ħdejha. Jekk aħna ma nkunux bil-għaqal u ngħixu l-patti tagħna b’eżattezza, l-isforzi każwali tagħna jistgħu eventwalment iwassluna f’toroq ipprojbiti jew biex ningħaqdu ma’ dawk li diġà jinsabu fil-bini kbir u spazjuż. Jekk ma noqogħdux attenti, aħna nafu anke nispiċċaw negħrqu fil-fond ta’ xmara kollha ħmieġ.1

Hemm mod bil-għaqal u mod każwali kif nagħmlu kull ħaġa, inkluż kif ngħixu l-evanġelju. Hekk kif aħna nikkunsidraw l-impenn tagħna lejn is-Salvatur, aħna qed inkunu bil-għaqal jew każwali? Minħabba n-natura mortali tagħna, ma nispiċċawx aħna nippruvaw xi kultant niġġustifikaw l-imġieba tagħna, u xi kultant nirreferu għall-għemejjel tagħna bħallikieku qegħdin bejn naħa u oħra, jew li qed iħalltu dak li hu tajjeb ma’ xi ħaġa li mhijiex daqstant tajba? Kull darba li aħna ngħidu, “madankollu,” “ħlief,” jew “iżda” meta napplikawhom għall-kunsill tal-mexxejja profeti tagħna jew meta nkunu rridu ngħixu l-evanġelju tagħna b’għaqal, aħna fil-fatt inkunu qed ngħidu, “Dak il-kunsill ma japplikax għalija.” Aħna nistgħu nippruvaw niġġustifikaw dak li rridu, iżda l-fatt hu, m’hemm l-ebda mod ġust kif aħna nistgħu nagħmlu l-ħażin!

It-tema taż-żgħażagħ għall-2019 hija meħuda minn Ġwanni 14:15 fejn il-Mulej jgħid, “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.” Jekk aħna nħobbuh daqs kemm ngħidu, nistgħu aħna nuru dik l-imħabba billi nkunu ftit aktar attenti kif ngħixu l-kmandamenti Tiegħu?

Li noqogħdu attenti kif ngħixu l-evanġelju ma jfissirx neċessarjament li nkunu formali jew arroganti. Li jfisser hu li naraw li ħsibijietna u l-imġieba tagħna jkunu xierqa biżżejjed għal nies li huma dixxipli ta’ Ġesù Kristu. Hekk kif aħna nixtarru d-differenza bejn b’ għaqal u każwali fil-mod kif ngħixu l-evanġelju, dawn li ġejjin huma xi ħsibijiet li nistgħu nikkunsidraw:

Aħna qegħdin noqogħdu attenti fil-mod kif inqimu f’Jum is-Sabbath u fil-tħejjija tagħna li kull ġimgħa nieħdu sehem fis-sagrament?

Nistgħu noqogħdu aktar attenti fit-talb tagħna u l-istudju tal-iskrittura jew nistgħu ningaġġaw ruħna b’mod aktar attiv f’ Ejja, Imxi Warajja—Għall-Individwi u l-Familji?

Qegħdin noqogħdu attenti fil-qima tagħna tat-tempju u qegħdin ngħixu bir-reqqa u deliberatament il-patti li aħna għamilna kemm fil-magħmudija kif ukoll fit-tempju? Qegħdin noqogħdu attenti fid-dehra tagħna u qed nilbsu b’mod modest, speċjalment f’postijiet u ċirkustanzi sagri? Qegħdin noqogħdu attenti kif aħna nilbsu l-ilbies sagru tat-tempju? Jew inkella l-moda tad-dinja qed tiddettalna attitudni aktar każwali?

Qegħdin noqogħdu attenti kif aħna nimministraw lil ħaddieħor u kif inwettqu s-sejħiet tagħna fil-Knisja, jew aħna indifferenti jew każwali fis-sejħa tagħna li nservu?

Qegħdin noqogħdu attenti jew qed inkunu każwali f’dak li naqraw u f’dak li naraw fuq it-TV u fuq l-apparat mobbli tagħna? Qegħdin noqogħdu attenti kif nitkellmu? Jew b’mod każwali nispiċċaw inħaddnu lingwaġġ goff u vulgari?

Il-pamflet Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ jikkonsisti fi standards li, meta nimxu warajhom bir-reqqa, iwasslulna barkiet meraviljużi u jgħinuna nibqgħu fit-triq tal-patt. Minkejja li nkiteb għall-benefiċċju taż-żgħażagħ, l-istandards li hemm fih ma jiskadux meta aħna nħallu l-programmi tal-Ġuvinturu tat-Tfajliet. Huma japplikaw għal kull wieħed u waħda minna, hi x’inhi l-età tagħna. Jekk aħna nagħtu ħarsa lejn dawn l-istandards malajr nindunaw b’modi oħra kif aħna nistgħu noqogħdu aktar attenti kif ngħixu l-evanġelju.

Aħna ma’għandniex inbaxxu l-istandards tagħna biex inkunu nistgħu niġu aċċettati mill-oħrajn jew biex ħaddieħor iħossu aktar komdu. Aħna dixxipli ta’ Ġesù Kristu, u b’hekk aħna għandna naraw kif nistgħu nelevaw lil ħaddieħor, ngħolluhom għal post ogħla u iktar qaddis fejn hemm huma wkoll ikunu jistgħu jgawdu minn barkiet akbar.

Jiena nistieden lil kull wieħed u waħda minna biex infittxu l-gwida tal-Ispirtu s-Santu ħalli nkunu nafu x’tibdil jeħtieġ li aħna nagħmlu f’ħajjitna biex b’għaqal inkunu aktar allinjati mal-patti tagħna. Jiena nitlobkom biex ma tkunux kritiċi ta’ oħrajn li jinsabu għaddejjin minn dan l-istess vjaġġ. “Il-ġudizzju hu tiegħi, jgħid il-Mulej.”2 Aħna lkoll ninsabu fil-proċess ta’ tkabbir u bidla.

L-istorja li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon dwar l-Amliċi li kienu jinsabu fi stat ta’ apostasija verament tinteressani. Bħala sinjaħ biex ħaddieħor jinnota li huma ma kinux aktar assoċjati ma’ Ġesù Kristu u mal-Knisja Tiegħu, huma għamlu ċerti marki ħomor mill-aktar distinti fuq moħħhom li kulħadd seta’ jarahom.3 B’mod oppost, u bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna kif nistgħu nimmarkaw lilna nfusna? Jista’ ħaddieħor jara faċilment l-immaġni Tiegħu fuq wiċċna u jinduna lil min aħna nirrappreżenta bil-mod li aħna nġibu ruħna?

Bħala poplu tal-patt, mhux mistenni minna li nibblendjaw mal-kumplament tad-dinja. Aħna ġejna msejħin bħala “poplu partikulari”4—x’ kumpliment! Hekk kif aktar ma jgħaddi ż-żmien l-influwenzi tad-dinja qed iħaddnu l-ħażen, aħna għandna nagħmlu l-almu tagħna biex b’diliġenza nibqgħu fermi fit-triq li twassalna mingħajr periklu lejn is-Salvatur tagħna, li twessa’ d-distanza bejn il-mod kif aħna ngħixu l-patti tagħna u l-influwenzi tad-dinja.

Hekk kif jiena nirrifletti dwar kif aħna nistgħu niksbu l-ferħ dejjiem, jien nirrealizza li xi kultant aħna nsibu lilna nfusna bejn naħa u oħra. Id-dalma ċpar hija inevitabbli hekk kif aħna nivvjaġġaw tul it-triq tagħna tal-patt. It-tentazzjoni u l-mod każwali jistgħu jikkawżawlna biex aħna b’mod sottili niddevjaw it-triq tagħna lejn id-dalma tad-dinja u ‘l bogħod mit-triq tal-patt. Għal mumenti meta jiġri dan, il-profeta għażiż tagħna, il-President Russell M. Nelson, talabna biex nerġgħu lura fit-triq tal-patt, kemm jista’ jkun malajr. Kemm jiena grata għad-don tal-indiema u għall-qawwa tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur tagħna.

Huwa impossibbli li ngħixu ħajja perfetta. Bniedem wieħed biss kien kapaċi jgħix b’ mod perfett waqt li kien qed jgħammar f’ din il-pjaneta telestjali. Dan kien Ġesù Kristu. Minkejja li aħna mhux perfetti, ħuti, aħna nistgħu nkunu denji: denji li nieħdu sehem fis-sagrament, denji tal-barkiet tat-tempju, u denji li nirċievu r-rivelazzjoni personali.

Is-Sultan Benjamin xehed dwar il-barkiet li jirċievu dawk li b’ għaqal jimxu wara s-Salvatur: “U barra minn hekk, jien nixtieq li intom tikkunsidraw l-istat imbierek u ta’ ferħ ta’ dawk li jżommu l-kmandamenti ta’ Alla. Għax araw, huma mberkin f’kull ħaġa, kemm temporali kif ukoll spiritwali; u jekk huma jibqgħu fidili sat-tmiem, huma jintlaqgħu fis-sema, fejn hemm huma jkunu jistgħu jgħammru ma’ Alla fi stat ta’ ferħ bla tmiem.”5

Nistgħu aħna nixtru l-ferħ bi 15 il-dollaru? Le, ma nistgħux. Ferħ profond u dejjiem niksbuh biss billi b’intenzjoni u b’għaqal ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.