2010-2019
Imħejjija biex Niksbu kull Ħaġa Meħtieġa
April 2019 Konferenza Ġenerali


Imħejjija biex Niksbu kull Ħaġa Meħtieġa

Il-barkiet niksbuhom hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex inwettqu r-responsabbiltà individwali tagħna li nitgħallmu u nħobbu l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.

Il-programmi u l-attivitajiet tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem qegħdin isiru dejjem aktar iċċentrati madwar id-dar u ssapportjati mill-Knisja, kif deher bil-ħafna tibdil li tħabbar fil-konferenzi ġenerali riċenti. Il-President Russell M. Nelson tana dan il-parir: “Dan għadu mhux kollox. … Araw li tieħdu l-vitamini tagħkom. Araw li tistrieħu biżżejjed. Iż-żmien li ġej huwa wieħed eċċitanti.”1

Jiena nitlob u nistieden l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu hekk kif aħna nikkunsidraw flimkien numru ta’ implikazzjonijiet bażiċi riżultat ta’ dan it-tibdil kontinwu fil-Knisja rrestawrata tal-Mulej.

Tagħlim tal-Evanġelju Ċċentrat Madwar id-Dar u Ssapportjat mill-Knisja

M’ilux jien u l-Presbiteru Craig C. Christensen konna ninsabu flimkien waqt konferenza għat-tmexxija tas-saċerdozju, u huwa uża żewġ mistoqsijiet sempliċi biex jenfasizza l-prinċipju li nsiru aktar iċċentrati madwar id-dar u ssapportjati mill-Knisja. Huwa ssuġġerixxa li nhar ta’ Ħadd minflok ma mmorru lura fi djarna wara l-laqgħat tal-Knisja u nistaqsu, “X’tgħallimna dwar is-Salvatur u l-evanġelju Tiegħu illum fil-knisja?” għandna nistaqsu fil-laqgħat tagħna tal-Knisja, “X’tgħallimna dwar is-Salvatur u l-evanġelju Tiegħu din il-ġimgħa fi djarna?” Il-qima xierqa ta’ jum is-Sabbath, il-kurrikulu l-ġdid u t-tibdil li sar fl-iskeda tal-laqgħa lkoll jgħinuna nitgħallmu l-evanġelju kemm fi djarna kif ukoll fil-knisja.

Kull membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għandu responsabbiltà individwali li jitgħallem u jgħix it-tagħlim tal-Mulej u li jirċievi permezz tal-awtorità xierqa l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni. M’għandniex nistennew il-Knisja, bħala organizzazzjoni, li tgħallimna jew tgħidilna dak kollu li jeħtieġ inkunu nafu u nagħmlu biex insiru dixxipli devoti u nibqgħu nirreżistu b’kuraġġ sat-tmiem.2 Pjuttost, ir-responsabbiltà personali tagħna hi li nitgħallmu dak li għandna nitgħallmu, ngħixu skont kif nafu li għandna ngħixu, u nsiru dak li jridna nsiru l-Imgħallem. U darna hija l-aqwa post biex fih nitgħallmu, ngħixu u nsiru dak li għandna nsiru.

Meta kien għadu tifel, Joseph Smith tgħallem dwar Alla mill-familja tiegħu. L-isforz tiegħu biex jiskopri x’inhi r-rieda ta’ Alla għalih wasslet biex Joseph beda jfittex il-verità fost bosta denominazzjoni Kristjani differenti, beda jixtarr l-iskrittura b’diliġenza u jitlob b’sinċerità lil Alla. Hekk kif it-tfajjel Joseph Smith mar lura d-dar mill-Masġar Sagru immedjatament wara d-dehra tal-Missier u l-Iben, l-ewwel li huwa tkellem kien ma’ ommu. Hekk kif huwa “straħ mal-fuklar, ommu staqsietu x’kien ġara. Joseph wieġeb, ‘Xejn, kollox sew—jien ninsab tajjeb.’ Imbagħad qal lil ommu, ‘Sirt naf għalija nnifsi.’”3 L-esperjenza ta’ Joseph tipprovdilna mudell mill-aqwa ta’ tagħlim li lkoll kemm aħna għandna nimitaw. Aħna wkoll jeħtieġ li nsiru nafu għalina nfusna.

L-għan ġenerali tal-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet hu li wliedu jsiru aktar jixbħuh. Minħabba f’hekk, Huwa jipprovdilna l-opportunitajiet essenzjali biex aħna nikbru u navvanzaw. L-impenn tagħna biex nitgħallmu u ngħixu skont il-verità huwa dejjem aktar importanti f’dinja li tinsab “f’konfużjoni”4 u aktar ma tmur aktar qed issir konfuża u ħażina. Aħna ma nistgħux nistennew sempliċiment li nattendu l-laqgħat tal-Knisja u nipparteċipaw f’ċerti programmi u b’daqshekk nirċievu l-edifikazzjoni u l-protezzjoni spiritwali kollha li twassalna biex “nibqgħu sodi f’jum il-ħażen.”5

“Il-ġenituri għandhom dmir sagru li jrabbu lil wliedhom fis-sewwa b’imħabba.”6 Il-mexxejja, l-għalliema u l-attivitajiet kollha spirati tal-Knisja jgħinu fl-isforz li jagħmlu l-individwi u l-familji biex jikbru spiritwalment. U minkejja li aħna lkoll neħtieġu l-għajnuna biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem fit-triq tal-patt, l-akbar responsabbiltà biex niżviluppaw il-qawwa u l-istamina spiritwali tinsab fuq kull wieħed u waħda minna.

Ftakru kif Nefi, bin il-profeta Leħi, xtaq jara, jisma’ u jsir jaf għalih innifsu permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-ħwejjeġ li missieru sar jaf fil-viżjoni tas-siġra tal-ħajja. Nefi, bla dubju kellu bżonn u ġie mbierek fiż-żogħżija tiegħu permezz tal-eżempju u t-tagħlim tal-“ġenituri twajbin” tiegħu.7 Madankollu, l-istess bħal Joseph Smith, huwa xtaq jitgħallem u jsir jaf għalih innifsu.

Jekk dak kollu li intom jew jien nafu dwar Ġesù Kristu u l-evanġelju rrestawrat Tiegħu hu skont dak li għallimna jew qalilna ħaddieħor, mela s-sisien tat-testimonjanza li għandna Tiegħu u tal-ħidma glorjuża Tiegħu tal-aħħar jiem huma mibnija fuq ir-ramel.8 Aħna ma nistgħux niddependu fuq id-dawl u l-għarfien tal-evanġelju jew inkella nisselfuh esklussivament mingħand nies oħra—anke dawk li aħna nħobbu u nafdaw.

B’mod sinifikanti, il-Profeta Joseph Smith għallem li kull Qaddisin tal-Aħħar Jiem jeħtieġ li jifhem għalih innifsu jew għaliha nnifisha “l-pjanijiet u l-għanijiet ta’ Alla għaliex aħna ġejna fid-dinja.”9

“Jekk aħna kellna naqraw u nippruvaw nifhmu dak kollu li nkiteb minn żmien Adam, fuq ir-relazzjoni tal-bniedem, fi stat futur, ma’ Alla u mal-anġli, ftit li xejn jirnexxielna nsiru nafu dwar dan. Li naqraw l-esperjenza ta’ ħaddieħor, jew ir-rivelazzjoni mogħtija lilhom, qatt ma jista’ jwassal biex aħna jkollna panorama komprensiva tal-vera kundizzjoni u relazzjoni tagħna ma’ Alla. L-għarfien ta’ dawk il-ħwejjeġ jista’ jinkiseb biss minn esperjenza permezz tal-ordinanzi ta’ Alla li ġew stabbiliti għal dak il-għan.10

Li aħna ngħinu biex iseħħ dan l-oġġettiv grandjuż spiritwali għall-individwi u l-familji huwa wieħed mir-raġunijiet fundamentali li l-programmi u l-attivitajiet tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem qed isiru aktar iċċentrati madwar id-dar u ssapportjati mill-Knisja f’ dan iż-żmien speċifiku tad-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet.

Implikazzjonijiet tat-Tagħlim Iċċentrat Madwar id-Dar u Ssapportjat mill-Knisja

Ippermettuli nitkellem fil-qosor dwar l-implikazzjonijiet bażiċi ta’ tagħlim tal-evanġelju li aktar ma jmur aktar qed isir iċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja.

L-aqwa ċentru għat-taħriġ missjunarju hija d-dar tagħna; it-tieni l-aqwa ċentri għat-taħriġ missjunarju jinsabu fi Provo, f’ Manila, fil-Belt tal-Messiku u f’postijiet oħra. L-aktar klassijiet tal-Iskola tal-Ħadd istruttivi għandhom ikunu l-istudju individwali u tal-familja tagħna fil-postijiet li noqogħdu fihom; ta’ għajnuna iżda sekondarji huma l-klassijiet tal-Iskola tal-Ħadd li jinżammu fid-djar tal-laqgħat tagħna.

Iċ-ċentri tal-istorja tal-familja issa jinsabu fi djarna. Ċertu sapport supplimentari ieħor għar-riċerka tal-istorja tal-familja tagħna huwa disponibbli wkoll fid-djar tal-laqgħat tagħna.

Ċerti klassijiet mill-aktar importanti bi tħejjija għat-tempju jsiru fi djarna; klassijiet oħra importanti iżda sekondarji bi tħejjija għat-tempju jistgħu wkoll jinżammu minn żmien għall-ieħor fid-djar tal-laqgħat tagħna.

Li aħna nagħmlu djarna santwarji li fihom aħna nistgħu “nieqfu f’postijiet qaddisa”11 huwa mill-aktar essenzjali f’dawn l-aħħar jiem. U importanti kemm hu importanti t-tagħlim iċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja għall-qawwa spiritwali tagħna u l-protezzjoni tagħna llum, se jkun ferm aktar importanti fil-ġejjieni.

Tagħlim Iċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja u Tħejjija għat-Tempju

Jekk jogħġobkom ikkunsidraw kif il-prinċipju ta’ “ċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja” japplika għat-tħejjija u l-affidabbiltà individwali tagħna biex aħna nirċievu l-ordinanzi u l-patti sagri fid-dar tal-Mulej.

Verament, it-tħejjija għat-tempju hija l-aktar effettiva fi djarna. Iżda bosta membri tal-Knisja mhumiex ċerti x’inhu xieraq li jingħad jew ma jingħadx rigward l-esperjenza tat-tempju meta jkunu barra mit-tempju.

Il-President Ezra Taft Benson iddeskriva għalfejn teżisti din l-inċertezza:

“It-tempju huwa post sagru, u l-ordinanzi fit-tempju huma ta’ natura sagra. Minħabba n-natura sagra tiegħu, xi kultant aħna nħossuha bi tqila biex niddiskutu xi ħaġa dwar it-tempju ma’ wliedna u man-neputijiet tagħna.

“B’konsegwenza ta’ dan, ħafna ma jiżviluppawx fihom ix-xewqa reali li jmorru fit-tempju, jew meta huma jmorru, huma jagħmlu dan mingħajr wisq informazzjoni li tħejjihom għall-obbligi u l-patti li jkunu se jidħlu għalihom.

“Jien nemmen li ċertu għarfien xieraq jew spjegazzjoni xierqa jaslu biex jgħinu enormi liż-żgħażagħ tagħna jitħejjew biex imorru t-tempju … [u] jrawwmu fihom ix-xewqa li huma jfittxu l-barkiet tagħhom tas-saċerdozju kif għamel Abraham.”12

Żewġ linjigwida bażiċi jistgħu jgħinuna niksbu l-għarfien xieraq li enfasizza dwaru l-President Benson.

Linjagwida #1. Peress li aħna nħobbu lill-Mulej, aħna dejjem għandna nitkellmu dwar id-dar imqaddsa Tiegħu b’qima. Aħna m’għandniex niżvelaw jew niddeskrivu s-simboli speċjali assoċjati mal-patti li nirċievu fiċ-ċerimonji sagri tat-tempju. Lanqas m’għandna niddiskutu l-informazzjoni qaddisa li fit-tempju aħna speċifikament inwiegħdu li m’aħniex se niżvelaw.

Linjagwida #2. It-tempju huwa d-dar tal-Mulej. Kull ħaġa fit-tempju tidderiġina lejn is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Aħna nistgħu niddiskutu l-għanijiet, id-duttrina u l-prinċipji bażiċi assoċjati mal-ordinanzi u l-patti tat-tempju.

Il-President Howard W. Hunter tana dan il-parir: “Ejjew naqsmu ma’ wliedna s-sentimenti spiritwali li aħna nħossu fit-tempju. U dawk l-affarijiet li aħna nistgħu nitkellmu dwarhom b’mod xieraq dwar id-dar tal-Mulej ejjew ngħallmuhom b’akbar ħerqa mingħajr ma niddejqu xejn.”13

Tul il-ġenerazzjonijiet, mill-Profeta Joseph Smith sal-President Russell M. Nelson, l-għanijiet duttrinali tal-ordinanzi u l-patti tat-tempju ġew mgħallmin b’mod estensiv mill-mexxejja tal-Knisja.14 Jeżisti ġibjun mill-aktar abbundanti, kemm stampat, kif ukoll bħala awdjo, vidjo u fuq formats oħra li jista’ jgħinna nitgħallmu dwar l-ordinanzi inizjali, l-għotja mqaddsa, iż-żwiġijiet u ordinanzi oħra tas-siġill.15 Hemm disponibbli wkoll informazzjoni dwar kif nistgħu nimxu wara s-Salvatur billi nirċievu u nonoraw il-patti li għamilna li nobdu l-liġi tal-ubbidjenza, il-liġi tas-sagrifiċċju, il-liġi tal-evanġelju, il-liġi tal-kastità u l-liġi tal-konsagrazzjoni.16 Il-membri kollha tal-Knisja għandhom isiru familjari mal-materjal eċċellenti li jistgħu jsibu f’ temples.ChurchofJesusChrist.org.

Immaġni
temples.churchofjesuschrist.org

Il-President Russell M. Nelson enfasizza l-bilanċ mill-aktar importanti bejn in-natura sagra taċ-ċerimonji tat-tempju u l-informazzjoni prezzjuża dwar it-tempji ppubblikata mill-Knisja, liema informazzjoni li hija korretta, xierqa u disponibbli b’mod pubbliku. Huwa spjega: “Jiena nirrakkomanda li l-membri … jaqraw ċerti referenzi fid-Dizzjunarju tal-Bibbja li huma relatati mat-tempju, bħal ‘Anoint,’ ‘Covenant,’ ‘Sacrifices,’ u ‘Temple.’ Wieħed jista’ jixtieq jaqra wkoll Eżodu, kapitlu 26–29, u Levitku, kapitlu 8. It-Testment il-Qadim, kif ukoll il-kotba ta’ Moses u Abraham fil-Ġawhra ta’ Valur Kbir, jenfasizzaw l-antikità tal-ħidma tat-tempju u n-natura dejjiema tal-ordinanzi tiegħu.”17

Immaġni
Vidjo dwar l-Ilbies Sagru tat-Tempju

Għalhekk, immaġinaw li uliedkom jistaqsukom, “Xi ħadd fl-iskola semmieli l-ilbies stramb li jintlibes fit-tempju. Dan veru?” Vidjo qasir hu disponibbli f’ temples.ChurchofJesusChrist.org li jġib l-isem “Sacred Temple Clothing.” Dan ir-riżors eċċellenti jispjega kif minn żminijiet tal-qedem il-bniedem minn dejjem ħaddan mużika sagra, forom differenti ta’ talb, ċertu ħwejjeġ reliġjuż simboliku, u ċerti ġesti u ritwali li jesprimu s-sentimenti ta’ qalbna fejn tidħol id-devozzjoni tagħna lejn Alla. Għalhekk, il-Knisja tissapportja t-tħejjija ċċentrata madwar id-dar għall-barkiet glorjużi tat-tempju permezz ta’ ċerti struzzjonijiet bażiċi u riżorsi meraviljużi bħal dan il-vidjo. Ħafna informazzjoni utli hija disponibbli għalikom.18

Hekk kif aħna nimxu fil-ħlewwa tal-Ispirtu tal-Mulej,19 aħna nkunu mberkin biex nifhmu u niksbu fi djarna l-bilanċ neċessarju bejn x’inhu xieraq u dak li m’huwiex rigward x’nistgħu niddiskutu dwar l-ordinanzi u l-patti sagri tat-tempju.

Wegħda u Testimonjanza

Jiena nissuspetta li xi wħud fostkom minkomx ċerti jekk it-tagħlim tal-evanġelju tagħkom fil-fatt jistax ikun iċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja. Jista’ jkun li intom l-uniċi membru tal-Knisja fid-dar tagħkom jew li m’għandkomx sapport mill-konjuġi tagħkom, jew intom ġenituri single, jew tinsabu tgħixu weħidkom bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem mhuż miżżewġin jew iddivorzjati, u jaf għandkom bosta mistoqsijiet dwar kif dawn il-prinċipji jistgħu japplikaw għalikom. Intom tafu tkunu koppja miżżewġa tħarsu lejn xulxin u tistaqsu, “Tgħid aħna nistgħu nagħmlu dan?”

Iva, intom tistgħu! Jiena nwiegħed li intom tibdew tirċievu u taraw b’mod evidenti f’ħajjitkom ċerti barkiet li jqawwukom. Jinfetħu l-bibien. Jiddi d-dawl. Il-kapaċità tagħkom li b’diliġenza u bil-paċenzja tibqgħu tippersistu tikber.

B’ferħ jiena nixhed li aħna naslu biex niksbu dawn il-barkiet li jikkumpensaw hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex inwettqu r-responsabbiltà individwali tagħna li nitgħallmu u nħobbu l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Aħna verament nistgħu “nkunu mħejjija li niksbu kull ħaġa meħtieġa.”20 Dan jiena nwegħidkom fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kristu, amen.