2010-2019
Nibnu Fortizza ta’ Spiritwalità u Protezzjoni
April 2019 Konferenza Ġenerali


Nibnu Fortizza ta’ Spiritwalità u Protezzjoni

Meta aħna ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, meta nagħmlu użu mill-Att tal-Fidwa tas-Salvatur u nibqgħu mexjin ’il quddiem bil-fidi, aħna niġu ffortifikati kontra l-avversarju.

Għeżież ħuti, hekk kif din il-konferenza riesqa fi tmiemha, jiena nirringrazzja lil Missierna tas-Smewwiet għall-pariri, għall-veritajiet u għar-rivelazzjoni li ġejna mogħtija minn dan il-pulptu f’dawn l-aħħar jumejn. Aħna ġejna mgħallmin minn qaddejja ta’ Alla msejħin biex ilissnu kliemu. Il-Mulej fakkarna permezz ta’ rivelazzjoni tal-aħħar jiem, “Jekk hux permezz ta’ leħni jew … leħen il-qaddejja tiegħi, hija l-istess ħaġa.”1

Hekk kif inħares lejn din il-kongregazzjoni vasta ta’ Qaddisin u nġib quddiem għajnejja għadd kbir ta’ membri li jinsabu jsewgu l-konferenza ġenerali madwar id-dinja, jiena niftakar fil-miġegħma fil-Ktieb ta’ Mormon meta Ġesù Kristu deher lin-Nefiti wara l-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet. Huwa għallimhom l-evanġelju u mbagħad ħeġġiġhom, “Morru fi djarkom, u xtarru dwar il-ħwejjeġ li jiena għidt, u itolbu lill-Missier, f’ismi, ħalli tkunu tistgħu tifhmu.”2

“Morru fi djarkom, u xtarru” huwa l-pass li jmiss biex nieħdu b’serjetà l-kliem tal-profeti u ta’ mexxejja tal-Knisja li smajna f’dan il-post sagru. Djar iċċentrati madwar Kristu huma fortizzi għas-saltna ta’ Alla fid-dinja llum meta, kif ġie mbassar, ix-xitan “iżarġant f’qlub ulied il-bnedmin u jqanqalhom sabiex jirrabjaw kontra dak li hu tajjeb.”3

Matul iż-żminijiet, in-nies bnew il-fortizzi biex iżommu l-għadu ‘l barra. Ħafna drabi dawk il-fortizzi jkunu jinkludu fihom torri tal-gwardja minn fejn l-għassiesa—bħall-profeti—iwissu lin-nies dwar il-forzi li jkunu qed jhedduhom u l-attakki li jkunu resqin lejhom.

Immaġni
Thomas Rasband

Fl-ewwel żminijiet tal-pijunieri ġewwa Utah, il-bużnannu tiegħi Thomas Rasband u l-familja tiegħu kienu fost l-ewwel nies li daħlu ġewwa Heber Valley qalb il-Muntanji mill-isbaħ ta’ Wasatch ġo Utah.

Fl-1859, Thomas għen fil-bini tal-forti Heber, mibnija għall-protezzjoni tagħhom. Kienet struttura sempliċi magħmula minn zkuk tas-siġar tal-luq li tpoġġew wieħed ħdejn l-ieħor, fejn iffurmaw il-perimetru tal-forti. Imbagħad bnew kabini tal-izkuk ġewwa l-fortizza billi użaw dak il-ħajt komuni. L-istruttura kienet tipprovdi kemm sigurtà kif ukoll sikurezza lil dawk il-familji pijunieri hekk kif hemm huma stabbilixxew il-familji tagħhom u qimu lill-Mulej.

Immaġni
Forti tal-pijunieri

Dan japplika wkoll għalina. Djarna huma fortizzi kontra l-ħażen tad-dinja. Fi djarna aħna nersqu lejn Kristu billi nitgħallmu nimxu wara l-kmandamenti Tiegħu, billi nistudjaw l-iskrittura u nitolbu flimkien, u billi ngħinu lil xulxin nibqgħu fit-triq tal-patt. L-enfażi ġdida fuq l-istudju personali u tal-familja fid-dar permezz tal-kurrikulu Ejja, Imxi Warajja hija mfassla “biex issaħħilna l-konverżjoni tagħna u tgħinna nsiru aktar bħal Ġesù Kristu.”4 Hekk kif aħna nagħmlu dan, aħna nsiru dak li Pawlu sejħilhom “ħlejjaq ġodda”5 b’qalbna u ruħna f’armonija ma’ Alla. Aħna neħtieġu dik il-qawwa biex niffaċċjaw u nevitaw l-attakki tal-avversarju.

Hekk kif aħna ngħixu b’devozzjoni riżultat tal-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, aħna nħossu fina l-preżenza trankwilla tal-Ispirtu s-Santu, li jiggwidana lejn il-verità, jispirana biex ngħixu denji tal-barkiet tal-Mulej, u jagħti xhieda li Alla jgħix u jħobbna. Dan kollu ġewwa l-fortizza ta’ darna. Iżda ftakru, djarna huma setgħana biss daqs il-qawwa spiritwali tagħna lkoll li ngħammru bejn il-ħitan tagħhom.

Il-President Russell M. Nelson għallem, “Fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.”6 Bħala l-profeta, bassâr u rivelatur ħaj tal-Mulej fi żmienna, l-għassies fuq it-torri tal-fortizza tagħna, Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, huwa qed isegwi l-avvanzi tal-għadu.

Ħuti, aħna ninsabu fi gwerra ma’ Satana għall-erwieħ tal-bnedmin. Il-konfini tal-battalja ġew imfasslin fil-ħajja primortali tagħna. Satana u terz ta’ wlied Missierna tas-Smewwiet m’aċċettawx il-wegħdiet Tiegħu tal-eżaltazzjoni. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, is-segwaċi tal-avversarju komplew jiġġieldu lill-fidili li għażlu l-pjan tal-Missier.

Satana jaf li ma jistax jibqa’ jxerred il-ħażen għal dejjem u li ma tantx baqagħlu wisq ħin jagħmel dan. Hu kemm hu malizzjuż u brikkun, huwa mhux se jirbaħ. Madankollu, il-battalja tiegħu biex jirbaħ ir-ruħ tagħna lkoll għadha għaddejja.

Għas-sigurtà tagħna, aħna għandna nibnu fortizza ta’ spiritwalità u protezzjoni għall-istess ruħna, fortizza li x-xitan ma jkunx jista’ jippenetra.

Satana huwa serp sottili, li jidħol inkiss inkiss ġo moħħna u qalbna meta aħna ndgħajfu d-difiża tagħna, niffaċċjaw id-diżappunt, jew nitilfu t-tama. Huwa jħajjarna permezz ta’ kliem ħelu, billi jwegħidna li għal mument aħna nistgħu nħossuna tajjeb u mfarġa. Huwa jiġġustifika s-suppervja, l-kattiverja, id-diżonestà, l-iskuntentizza, u l-immoralità, u eventwalment nispiċċaw “nitilfu kull sentiment”.7 L-Ispirtu jista’ jħallina. “U għalhekk ix-xitan iqarraq b’ruħhom, u ftit ftit imexxihom sal-infern.”8

B’kuntrast għal dan, aħna spiss inħossu l-Ispirtu b’tant qawwa hekk kif aħna nkantaw tifħir lil Alla bi kliem bħal dan:

Fortizza setgħana hu Alla tagħna,

Torri b’saħħtu ma jċedi qatt.

Alla jgħinna b’setgħa kbira,

Il-ħażen tal-ħajja huwa jegħleb.9

Meta aħna nibnu fortizza ta’ qawwa spiritwali, aħna nkunu nistgħu nevitaw it-tentazzjoni tal-avversarju, nagħtuh daharna, u nħossu fina l-paċi tal-Ispirtu. Aħna nistgħu nimxu wara l-eżempju tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, li, meta ġie mġarrab fid-deżert, huwa qal, “Itlaq minn quddiemi, ja xitan.”10 Aħna lkoll jeħtieġ nitgħallmu permezz tal-esperjenzi tal-ħajja kif għandna nagħmlu dan.

Għan ġust bħal dan huwa deskritt tajjeb ħafna fil-Ktieb ta’ Mormon meta l-Kaptan Moroni ħejja lin-Nefiti biex jiffaċċjaw l-attakki ta’ Amalikja, bniedem qarrieq, qattiel, u b’kilba għas-setgħa. Moroni bena għadd ta’ fortizzi biex jipproteġi lin-Nefiti “biex huma jkunu jistgħu jgħixu għall-Mulej Alla tagħhom, u biex huma jkunu jistgħu jiddefendu dak li l-għedewwa tagħhom sejħulu bħala l-kawża tal-Kristjani.”11 Moroni “kellu fidi soda fi Kristu”12 u kien fidil “fejn kien iżomm il-kmandamenti ta’ Alla … u jirreżisti l-ħażen.”13

Meta l-Lamaniti ġew għall-battalja, huma baqgħu mistagħġbin bil-preparazzjoni tan-Nefiti, u ġew megħluba. In-Nefiti rringrazzjaw “il-Mulej Alla tagħhom, minħabba l-qawwa bla paragun tiegħu fejn ħelishom minn idejn l-għedewwa tagħhom.”14 Huma bnew fortizzi għall-protezzjoni min-naħa ta’ barra, u huma bnew il-fidi tagħhom fil-Mulej Ġesù Kristu fuq ġewwa—fil-fond ta’ ruħhom.

X’inhuma wħud mill-modi kif aħna nistgħu niffortifikaw lilna nfusna fi żminijiet ta’ nkwiet, sabiex aħna nkunu nistgħu nsiru “strumenti f’idejn Alla biex inwettqu din il-ħidma kbira”?15 Ejjew nagħtu ħarsa lejn l-iskrittura.

Aħna nies ubbidjenti. Il-Mulej talab lil Leħi l-Missier biex jibgħat lil uliedu s-subien lura f’Ġerusalemm biex “ifittxu r-reġistri, u jġibuhom hawnhekk fid-deżert.”16 Leħi ma qagħadx jistaqsi għalfejn jew kif. Lanqas Nefi, li wieġeb, “Jiena mmur u nagħmel dak kollu li talabni l-Mulej.”17

Aħna naġixxu bl-istess ubbidjenza u rieda ta’ Nefi? Jew inkella aħna aktar inklinati li niddubitaw il-kmand ta’ Alla kif għamlu ħut Nefi, li n-nuqqas ta’ fidi tagħhom eventwalment begħedhom mill-Mulej? L-ubbidjenza, jekk neżerċitawha bil-“qdusija f’qalbna,”18 hija dik li jitlob minna l-Mulej.

Aħna nafdaw fil-Mulej, li qal lil Ġożwè hekk kif kien qed iħejji biex imexxi lil ulied Iżrael lejn l-art imwiegħda, “Agħmel il-ħila u … qawwi qalbek; tibżax u titħawwadx, għax il-Mulej, Alla tiegħek, ikun miegħek kull fejn tmur.”19 Ġożwè fada f’dak il-kliem u qal lill-poplu, “Tqaddsu għax għada l-Mulej se jagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb f’nofskom.”20 Il-Mulej fired l-ilmijiet tal-Ġordan, u b’hekk ġew fi tmiemhom l-40 sena li wlied Iżrael għamlu jiġġerrew fid-deżert.

Aħna nieqfu għall-verità, kif għamel il-profeta Abinadi fil-Ktieb ta’ Mormon. Arrestat u meħud quddiem is-Sultan Noè u l-qassisin ħżiena tiegħu, Abinadi għallem l-Għaxar Kmandamenti u ppriedka b’qawwa li Kristu “kien ġej fost ulied il-bnedmin, u … se jifdi l-poplu tiegħu.”21 Imbagħad, b’fidi profonda ġewwa fih, huwa ddikjara, “O Alla, ilqa’ ruħi,”22 u Abinadi “sofra l-mewt permezz tan-nar.”23

Immaġni
Tempju ta’ Ruma, l-Italja

Aħna nagħmlu u nġeddu l-patti tagħna billi nieħdu sehem fis-sagrament u billi nqimu fit-tempju. Is-sagrament huwa l-qofol tal-qima tagħna tal-Ħadd, fejn aħna nirċievu l-wegħda li “dejjem ikollna magħna l-Ispirtu tiegħu.”24 Permezz ta’ dik l-ordinanza sagra aħna nikkommettu ruħna li nieħdu fuqna l-isem ta’ Ġesù Kristu, li nimxu warajh, u li naċċettaw ir-responsabbiltajiet tagħna f’din il-ħidma divina kif għamel Hu. Fit-tempju aħna nistgħu “inwarrbu l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja”25 u nħossu l-preżenza tal-Mulej u l-paċi traxxendenti Tiegħu. Aħna nistgħu niffokaw fuq l-antenati tagħna, fuq il-familji tagħna u l-ħajja eterna fil-preżenza tal-Missier. Mhux ta’ b’xejn li f’Ruma l-President Nelson m’ilux iddikjara, “It-tajjeb li joħroġ minn dan it-tempju huwa akbar milli nistgħu nimmaġinaw.”26

Aħna għandu jkollna l-integrità f’dak kollu li nagħmlu. Aħna għandna niżviluppaw id-dixxerniment u d-dixxiplina ħalli ma jkollniex kontinwament noqogħdu niddeterminaw x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Aħna għandna nagħtu każ tal-kliem ta’ Pietru, l-Appostlu tal-Knisja tal-ewwel żminijiet, li widdibna, “Kunu meqjusa u għassu; l-għadu tagħkom ix-xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ‘il min se jibla’.”27

Hekk kif b’diliġenza aħna nsaħħu l-fortifikazzjonijiet tagħna, aħna nsiru nixbhu aktar lil Ġesù Kristu, bħala l-veri dixxipli Tiegħu, bl-istess ruħna fil-protezzjoni Tiegħu.

It-testimonjanza tagħkom ta’ Ġesù Kristu hija l-fortizza personali tagħkom, is-sigurtá ta’ ruħkom. Meta l-bużnannu tiegħi u l-pijunieri l-oħra li kienu miegħu bnew il-forti Heber, huma poġġew zokk ħdejn l-ieħor sakemm il-forti “ntrabtet sewwa”28 u huma ġew protetti. L-istess nistgħu ngħidu għat-testimonjanza tagħna. Wieħed wara l-ieħor aħna niksbu xhieda mill-Ispirtu s-Santu hekk kif Hu jkellem l-ispirtu tagħna, jgħallem “il-verità f’qalbna.”29 Meta aħna ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, meta nagħmlu użu mill-Att tal-Fidwa tas-Salvatur u nibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-fidi, mhux b’biża’, aħna niġu ffortifikati kontra l-qerq tal-avversarju. It-testimonjanza tagħna tgħaqqadna mas-smewwiet, u aħna niġu mberkin bil-“verità ta’ kull ħaġa.”30 U, bħalma l-pijunieri ġew protetti permezz ta’ fortizza, aħna b’mod sigur niġu mħaddnin f’dirgħajn l-imħabba tas-Salvatur.

Il-profeta Eter għallem, “Għalhekk, dak li jemmen f’Alla għandu b’garanzija jittama għal dinja aħjar, iva, saħansitra post fuq il-lemin ta’ Alla, liema tama tasal permezz tal-fidi, li ssir bħal ankra għal ruħ il-bniedem, li twasslu biex ikun żgur u determinat, dejjem mehdi b’għemejjel tajbin, waqt li mmexxi biex jigglorifika lil Alla.”31

Għeżież ħuti, jiena se nħallikom bil-barka tiegħi li tmorru bil-kunfidenza fil-Mulej u fl-evanġelju Tiegħu. Poġġu dirgħajkom madwar dawk li jitfixklu u, bil-qawwa tal-Ispirtu fikom, wassluhom lura b’imħabba lejn il-fortizza tal-ispiritwalità u l-protezzjoni. Fittxu “li tkunu bħal Ġesù”32 f’dak kollu li tagħmlu; evitaw il-ħażen u t-tentazzjoni; indmu, kif ġejna mitlubin nagħmlu lbieraħ mill-profeta għażiż tagħna; kunu onesti f’qalbkom; kunu ġusti u safja; uru l-kompassjoni u l-karità; u ħobbu lill-Mulej Alla tagħkom b’devozzjoni ta’ vera dixxipli.

It-testimonjanza tagħna tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, id-dar tagħna, il-familji tagħna u s-sħubija tagħna fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem se jkunu l-fortizza personali tagħna ta’ protezzjoni li ddawwarna u tipproteġina mill-qawwa tax-xitan. Ta’ dan jiena nixhed b’mod solenni f’isem il-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, amen.