2010-2019
Araw il-Ħaruf ta’ Alla
April 2019 Konferenza Ġenerali


Araw il-Ħaruf ta’ Alla

Is-servizz immodifikat tagħna tal-Ħadd għandu jenfasizza s-sagrament tal-Ikla tal-Mulej bħala l-punt fokali sagru, u rikonoxxut tal-esperjenza tal-qima tagħna ta’ kull ġimgħa.

Kont sejjer tajjeb sakemm rajt id-dmugħ f’għajnejn dawk iż-żgħażagħ li jiffurmaw dan il-kor. Dak id-dmugħ hu priedka aktar elokwenti minn kull priedka li jien qatt nista’ nagħti.

Iħares ‘il fuq minn wiċċ l-ilma, lil hinn mill-folol ħerqana biex jitgħammdu minnu, Ġwanni, imsejjaħ il-Battista seta’ jara fil-bogħod lil kuġinuh, Ġesù ta’ Nazaret, miexi b’determinazzjoni lejh biex jitlob minnu dik l-istess ordinanza. B’mod mill-aktar riverenti, iżda li setgħu jisimugħ dawk li kienu viċin, Ġwanni lissen kliem ta’ ammirazzjoni li għadu jispirana elfejn sena wara: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla.”1

Hija ħaġa istruttiva li dan il-prekursur, li snin qabel kienu ħafna li bassru l-miġja tiegħu, ma sejjaħx lil Ġesù “Ġehova” jew “Salvatur” jew “Feddej” jew saħansitra “Bin Alla”—titli li kollha kienu japplikaw għalih. Le, Ġwanni għażel l-aktar immaġni antika u probabbilment l-aktar waħda rikonoxxuta fit-tradizzjoni reliġjuża tal-poplu tiegħu. Huwa uża l-figura tal-ħaruf tas-sagrifiċċju offrut bħala att tal-fidwa għad-dnubiet u n-niket, ta’ dinja mitlufa u n-nies il-mitlufin kollha fiha.

Jekk jogħġobkom ippermettuli li nitkellem ftit dwar dik l-istorja.

Wara li tkeċċew mill-Ġnien tal-Eden, Adam u Eva spiċċaw jiffaċċjaw futur mill-aktar devastanti. Biex fetħu l-bieb għall-mortalità u l-ħajja temporali għalina, huma għalqu l-bieb tal-immortalità u l-ħajja eterna għalihom infushom. Minħabba trasgressjoni li kuxjenzjożament huma għażlu li jagħmlu f’isimna, issa huma spiċċaw jiffaċċjaw il-mewt fiżika u l-eżilju spiritwali, is-separazzjoni mill-preżenza ta’ Alla għal dejjem.2 X’setgħu jagħmlu? Kien hemm xi mod kif setgħu joħorġu minn dik is-sitwazzjoni mwiegħra? Aħna mhux ċerti kemm dawn it-tnejn ingħataw iċ-ċans jiftakru l-istruzzjonijiet li huma rċevew meta kienu għadhom fil-ġnien, iżda huma fil-fatt ftakru li bħala sagrifiċċju lil Alla huma kellhom joffru regolarment ħaruf pur, mingħajr tebgħa, l-ewwel wild maskili tal-merħla tagħhom.3

Aktar tard dehrilhom anġlu li spjegalhom li dan is-sagrifiċċju kien simbolu, prefigurazzjoni tal-offerta li kienet se ssir f’isimhom mis-Salvatur tad-dinja li kellu jiġi fid-dinja. “Din il-ħaġa hija xbieha tas-sagrifiċċju tal-Imnissel Waħdieni tal-Missier,” qalilhom l-anġlu. “Għalhekk, … intom għandkom tindmu u titolbu lil Alla f’isem l-Iben għal dejjem.”4 Fortunatament, kien se jkun hemm mod kif setgħu jeħilsu mill-kastig tagħhom u jersqu aktar viċin is-smewwiet.

Fil-kunsilli primortali tas-smewwiet, Alla wiegħed lil Adam u Eva (u kull wieħed u waħda minna) li l-għajnuna kienet se tasal lilna mingħand l-Iben pur u mingħajr tebgħa Tiegħu, l-Ewwel Wild Maskili, il-Ħaruf ta’ Alla “issagrifikat minn qabel il-ħolqien tad-dinja,”5 kif aktar tard iddeskrivih l-Appostlu Ġwanni. Billi fil-mortalità huma offrew il-ħrief ċkejknin u simboliċi tagħhom, Adam u l-posterità tiegħu kienu qed jesprimu l-għarfien tagħhom u d-dipendenza tagħhom fuq is-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa ta’ Ġesù l-Midluk.6 Aktar tard, it-tabernaklu fid-deżert kien se jkun il-post li fih kienet se sseħħ din l-ordinanza u, fi żmien aktar futur, kien se jinbena t-tempju minn Salamun.

Sfortunatament, bħala simbolu tal-indiema ġenwina u ta’ ħajja fidila, din l-offerta ritwalistika tal-ħrief ċkejknin mingħajr tebgħa ma tantx bdiet taħdem tajjeb wisq, kif hu żvelat f’parti kbira mit-Testment il-Qadim. Id-determinazzjoni morali li suppost kellha takkumpanja dawk is-sagrifiċċji xi kultant kienet iddum biss għal ħin qasir. Kien x’ kien il-każ, ma damitx biżżejjed biex tipprevjeni fratriċidju b’Kajjin joqtol lil ħuh Abel fl-ewwel ġenerazzjoni.7

B’daqstant sfidi u nkwiet li damu għaddejjin għal sekli sħaħ, mhux ta’ b’xejn li l-anġli tas-sema kantaw bil-ferħ meta, finalment, twieled Ġesù—il-Messija Nnifsu li kien ilu ħafna mwiegħed. Wara l-ministeru mortali qasir Tiegħu, dan il-ħaruf tal-Għid, l-aktar wieħed pur fosthom kollha, ħejja lid-dixxipli Tiegħu għall-mewt Tiegħu billi introduċa s-sagrament tal-Ikla tal-Mulej, forma aktar personali tal-ordinanza li ġiet introdotta ftit biss ‘il bogħod mill-Għeden. Xorta waħda kien se jibqa’ jkun hemm offerta, xorta waħda se tibqa’ tinvolvi fiha sagrifiċċju, iżda din se tibda sseħħ b’simboliżmu ferm aktar profond, introspettiv u personali mid-demm imxerred ta’ ħaruf li hu ewwel wild. Dwar din il-ħaġa, wara l-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet, is-Salvatur qal lin-Nefiti:

“Intom m’għandkomx toffruli aktar it-tixrid tad-demm. …

“… Bħala sagrifiċċju intom għandkom toffruli qalb maqsuma u spirtu sogħbien. U min jiġi għandi b’qalb maqsuma u spirtu sogħbien, lilu jiena ngħammed bin-nar u bl-Ispirtu s-Santu. …

“… Għalhekk indmu, … u ssalvaw.”8

Għeżież ħuti, b’enfażi ġdida u eċċitanti biex inkabbru t-tagħlim tal-evanġelju fid-dar, hija ħaġa kruċjali għalina li niftakru li aħna għadna qed niġu mitlubin biex “tmorru fid-dar tat-talb u hemm toffru s-sagramenti tagħkom fil-jum imqaddes tiegħi.”9 Minbarra li għandna niddedikaw ħin għat-tagħlim tal-evanġelju ċċentrat madwar id-dar, is-servizz immodifikat tagħna tal-Ħadd għandu jnaqqas ukoll il-kumplessità tal-iskeda tal-laqgħa b’mod li jenfasizza b’mod xieraq is-sagrament tal-Ikla tal-Mulej bħala l-punt fokali sagru u rikonoxxut tal-esperjenza tal-qima tagħna ta’ kull ġimgħa. Aħna għandna niftakru, b’mod kemm jista’ jkun personali, li Kristu miet minn qalb maqsuma, peress li fuqu Huwa refa’ kompletament waħdu d-dnubiet u n-niket tal-familja umana kollha.

Peress li aħna kkontribwejna għal dak il-piż fatali, aħna għandna nuru rispett lejn dak l-att tal-għaġeb. Għalhekk, aħna mħeġġin biex immorru għas-servizz tagħna kmieni u b’attitudni ta’ qima, nilbsu xieraq ħalli nipparteċipaw f’ordinanza sagra. “L-aħjar ilbies tal-Ħadd” tilfet xi ftit it-tifsira tagħha fi żmienna, u b’rispett għal Dak li fil-preżenza Tiegħu aħna ninġabru, għandna nirrestawraw dik it-tradizzjoni ta’ kif nilbsu f’jum is-Sabbath, meta u fejn nistgħu.

Rigward il-puntwalità, aħna dejjem għandna nilqgħu b’imħabba lil dawk l-ommijiet imberkin li, bit-tfal, u bil-boroż biċ-ċereali u l-basktijiet bil-ħrieqi jibdew jiġru biex ilaħħqu l-laqgħa, u jkollhom xorti jekk jirnexxilhom jattendu l-knisja. Barra minn hekk, ikun hemm oħrajn li bħallikieku kollox jinqalgħalhom fl-għodwa tas-Sabbath. Madankollu, lil dan l-aħħar grupp ta’ nies ngħidulkom li li xi kultant intom taslu tard nifhmuha, iżda li din tibda tiġri kull nhar ta’ Ħadd, mela nirrakkomandawlkom li taraw x’tagħmlu dwar dan.

Fl-istess spirtu, aħna nagħmlu appell appostoliku biex tnaqqsu ftit mill-istorbju ġewwa s-santwarju tal-bini tagħna. Aħna nħobbu nitkellmu bejnietna, u hekk għandna nagħmlu—hija waħda mill-aktar ħwejjeġ li jġibulna l-ferħ meta nattendu l-knisja—iżda m’għandna qatt inħallu dan speċifikament għal ħin iddedikat biex fih inqimu lil Alla. Jien nibża’ li dawk il-viżitaturi mhux tat-twemmin tagħna jispiċċaw jieħdu qatgħa b’dak li xi kultant taf tkun imġieba xi ftit storbjuża f’post li suppost għandu jkun ikkaratterizzat mit-talb, mit-testimonjanza, mir-rivelazzjoni, u mill-paċi. Probabbilment lanqas Alla ma jkun kunent b’dan.

Jgħin ħafna l-ispirtu tal-laqgħat tas-sagrament jekk l-uffiċjali li jippresedu jpoġġu bilqiegħda f’posthom quddiem, ftit ħin mhux ħażin qabel tibda l-laqgħa, joqogħdu jisimgħu l-mużika tal-ftuħ u b’mod riverenti jagħtu eżempju tajjeb lil kumplament tagħna. Jekk ikun hemm it-tpaċpiċ fuq quddiem, m’għandniex niskantaw li jkun hemm it-tpaċpiċ fil-kongregazzjoni. Aħna nifirħu lil dawk il-veskovati li qed jeliminaw dawk l-avviżi li jtellfu mill-ispirtu tal-qima tagħna. Jiena, per eżempju, ma nistax nimmaġina qassis bħal Żakkarija—hemm fit-tempju tal-qedem tal-Mulej, li jkun wasal biex jipparteċipa fl-akbar privileġġ li qassis il-kbir jista’ jingħata f’ħajtu kollha—sempliċiment ma nistax nimmaġinah jieqaf minn dak li jkun qed jagħmel quddiem l-artal biex ifakkarna li t-tellieqa tal-karozzi tal-injam baqgħalha biss sitt ġimgħat u r-reġistrazzjoni dalwaqt tagħlaq.

Ħuti, din is-siegħa ordnata mill-Mulej hija l-aktar siegħa sagra tal-ġimgħa tagħna. Permezz ta’ kmandament, aħna ninġabru għall-aktar ordinanza li jipparteċipaw fiha l-membri tal-Knisja. Hi fil-memorja ta’ Dak li talab li jekk jista’ jkun jitbiegħed minnu l-kalċi li kien sejjer jixrob minnu, li iżda spiċċa biex xorob minnu minħabba li Hu kien jaf li minħabba fina dak il-kalċi ma setax jitbiegħed minnu. Ikun ta’ għajnuna għalina jekk aħna niftakru li f’dak il-mument, simbolu ta’ dak il-kalċi jkun qiegħed, aktar ma jmur, aktar qed jersaq lejna, sakemm aħna nirċevuh mingħand djaknu ta’ 11 jew 12-il sena.

Meta tasal is-siegħa sagra li fiha nippreżentaw ir-rigal tas-sagrifiċċju tagħna lill-Mulej, aħna jkollna d-dnubiet u n-nuqqasijiet u l-problemi tagħna x’nirrisolvu; għalhekk aħna qegħdin hemm. Iżda aħna nistgħu nirnexxu ferm aktar f’din l-indiema tagħna jekk aħna nkunu konxji tal-qlub maqsuma u l-ispirti sogħbiena l-oħra miġburin madwarna. Bilqiegħda mhux ’il bogħod minna jinsabu xi wħud li jafu kienu qed jibku—minn barra jew minn ġewwa—fil-ħin kollu li beda jiġi kantat l-innu tas-sagrament u jingħad it-talb ta’ dawk il-qassisin. Lesti aħna fis-skiet, nieħdu nota ta’ dan u nuru kompassjoni lejhom u nuru fina x-xewqa li nfarrġuhom hekk kif nieħdu sehem fis-sagrament—forsi wkoll niddedikawh għalihom? jew nuru l-kompassjoni lejn dak il-membru b’qalbu maqsuma li qed jitqabad, li ma jinsabx fis-servizz u, jekk aħna ma nagħmlu xejn min-naħa tagħna, jaf lanqas ma jkun hemm il-ġimgħa d-dieħla? Jew lejn ħutna li lanqas biss huma membri tal-Knisja iżda huma wkoll ħutna? Żgur li m’hawnx nuqqas ta’ sofferenza f’din id-dinja, kemm fil-Knisja kif ukoll lil hinn minnha, għalhekk ħarsu lejn liema direzzjoni tridu u intom issibu lil xi ħadd li l-uġigħ tiegħu tant hu kbir biex iġorru u l-uġigħ il-qalb tiegħu jidher li ma jintemm qatt. Mod kif aħna nistgħu “niftakru dejjem fih”10 hu billi ningħaqdu mat-Tabib il-Kbir fil-ħidma ma taqta’ xejn Tiegħu li jgħin iġorr it-tagħbija ta’ dawk li jinsabu mtaqqlin u jtaffi l-uġigħ ta’ dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli.

Għeżież ħbieb tiegħi, hekk kif kull ġimgħa aħna ningħaqdu flimkien madwar id-dinja f’dak li aħna nittamaw li huwa l-aktar rikonoxximent sagru tar-rigal tal-fidwa majestuż ta’ Kristu lejn l-umanità kollha, jalla aħna nwasslu fuq l-artal tas-sagrament “aktar dmugħ għad-dulur tiegħu u aktar uġigħ minħabba n-niket tiegħu.” Imbagħad hekk kif aħna nirriflettu, nitolbu u nġeddu l-patti tagħna, jalla aħna nitgħallmu minn dak il-mument sagru biex ikollna “aktar paċenzja fis-sofferenza, … aktar tifħir minħabba s-serħan.”11 Jiena nitlob li lkoll kemm intom ikollkom din il-paċenzja u dan is-serħan, din il-qdusija u t-tama, f’isem Dak li qasam il-ħobż prezzjuż tal-maħfra u ferra’ l-inbid qaddis tal-fidwa, sewwasew Ġesù Kristu, il-ħaruf il-kbir u ħanin u mqaddes ta’ Alla, amen.

Noti

  1. Ġwanni 1:29.

  2. Ara 2 Nephi 9:8-9.

  3. Ara Moses 5:5; ara wkoll Eżodu 12:3–10.

  4. Moses 5:7–8; ara wkoll Moses 5:9.

  5. Rivelazzjoni 13:8.

  6. Ara Dizzjunarju tal-Bibbja, “Anointed One”; ara wkoll Gwida tal-Iskrittura, “Anointed One,” scriptures.ChurchofJesusChrist.org.

  7. Ironikament, il-qtil ta’ Abel minn Kajjin, att li ultimament ġie orkestrat minn Satana, jista’ jkun li kien relatat mar-rabja ta’ Kajjin aktar qabel minħabba li l-offerta tiegħu tas-sagrifiċċju ma kenitx ġiet aċċettata mill-Mulej filwaqt li l-offerta ta’ Kajjin aċċettaha.

    “Alla … ħejja sagrifiċċju fl-offerta tal-istes Ibnu, li għandu … jiftaħ bieb li minnu l-bniedem jista’ jidħol fil-preżenza tal-Mulej. …

    “Permezz tal-fidi tiegħu f’dan l-att tal-fidwa jew fil-pjan ta’ fidwa, Abel offra lil Alla sagrifiċċju li ġie aċċettat, li kien l-ewwel frieħ tal-merħla. Kajjin offra l-frott tal-art, u ma ġiex aċċettat. … [Is-sagrifiċċju tiegħu kellu jinkludi] it-tixrid tad-demm” (Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 48; ara wkoll 107–8).

  8. 3 Nephi 9:19–20, 22.

  9. Doctrine and Covenants 59:9.

  10. Moroni 4:3; 5:2.

  11. “More Holiness Give Me,” Hymns, nu. 131.