2010-2019
Kif Nista’ Nifhem?
April 2019 Konferenza Ġenerali


Kif Nista’ Nifhem?

Meta aħna b’ħerqa, bil-qalb, b’fermezza u b’sinċerità nfittxu li nitgħallmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u ngħallmuh lil xulxin, dan it-tagħlim jista’ jittrasforma l-qlub.

Għeżież ħuti, x’ferħ kbir li ninsabu miġburin flimkien f’din il-konferenza ġenerali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem taħt id-direzzjoni tal-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson. Jiena nixhed magħkom li aħna għandna l-privileġġ li nisimgħu leħen is-Salvatur tagħna Ġesù Kristu permezz tat-tagħlim ta’ dawk li jitolbu, ikantaw u jitkellmu dwar il-bżonnijiet ta’ żmienna f’din il-konferenza.

Kif hekk miktub fil-ktieb tal-Atti, Filippu l-evanġelista għallem l-evanġelju lil ċertu raġel mill-Etjopja li kien ewnuku responsabbli mit-teżori li kieku propjetà tas-sultana tal-Etjopja.1 Hekk kif kien qed jirritorna mis-servizz ta’ qima ġewwa Ġerusalemm, huwa beda jaqra l-ktieb ta’ Isaija. Imqanqal mill-Ispirtu, Filippu resaq viċin tiegħu u staqsieh, “Dan li qed taqra qiegħed tifhmu?

“U l-ewnuku wieġbu, Kif nista’ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix? …

“Imbagħad Filippu fetaħ fommu u beda minn din is-silta tal-Iskrittura jxandarlu l-evanġelju ta’ Ġesù.”2

Il-mistoqsija li għamel dan ir-raġel Etjopjan tfakkarna f’mandat divin li għandna lkoll, li nfittxu li nitgħallmu u ngħallmu lil xulxin l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.3 Fil-fatt, fil-kuntest tat-tagħlim tal-evanġelju, aħna xi kultant nixbħu lir-raġel Etjopjan—aħna neħtieġu l-għajnuna ta’ għalliem fidil u spirat; u xi kultant nixbħu lil Filippu—jeħtieġ li ngħallmu u nsaħħu lill-oħrajn fil-konverżjoni tagħhom.

L-għan tagħna hekk kif infittxuli nitgħallmu u ngħallmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu għandu jkun li nkabbru l-fidi f’ Alla u fil-pjan ta’ ferħ divin Tiegħu u f’ Ġesù Kristu u s-sagrifiċċju Tiegħu tal-fidwa u li niksbu konverżjoni dejjiema. Fidi bħal din tgħinna nagħmlu u nżommu l-patti ma’ Alla, u b’hekk insaħħu x-xewqa tagħna li nimxu wara Ġesù Kristu u nipproduċu ġo fina trasformazzjoni spiritwali ġenwina—fi kliem ieħor, niġu ttrasformati fi ħlejjaq ġodda, kif mgħallmin mill-Appostlu Pawlu fl-ittra tiegħu lill-Korintin.4 Din it-trasformazzjoni twassalna biex ikollna ħajja aktar kuntenta, produttiva u sana u tgħinna biex inżommu perspettiva eterna. Mhijux dan eżattament dak li ġara lill-ewnuku Etjopjan wara li huwa tgħallem dwar is-Salvatur u kkonverta għal-evanġelju Tiegħu? L-iskrittura tgħid li hu “baqa’ sejjer fi triqtu kollu ferħan.”5

Il-kmandament biex nitgħallmu l-evanġelju u ngħallmuh lil xulxin mhuwiex ġdid; ilu jiġi mgħallem kontinwament mill-bidu tal-istorja umana.6 F’okkażjoni partikolari, meta Mosè u l-poplu tiegħu kienu jinsabu fil-pjanuri ta’ Mowab, qabel ma huma daħlu fl-art imwiegħda, il-Mulej ispirah biex iwiddeb lin-nies tiegħu dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jitgħallmu l-liġijiet u l-patti li huma kienu rċevew mingħand il-Mulej u biex jgħallmuhom lill-posterità tagħhom,7 li ħafna minnhom ma kenux esperjenzaw personalment il-qsim tal-Baħar tal-Qasab jew ir-rivelazzjoni mogħtija fuq il-Muntanja Sinaj.

Mosè widdeb lill-poplu tiegħu:

“Iżrael, agħti widen għal-liġijiet u l-ordnijiet li qiegħed ngħallimkom tagħmlu, ħalli tgħixu, u tidħlu tieħdu l-art li se jagħtikom il-Mulej, Alla ta’ missirijietkom. …

“… Għallimhom lil uliedek u ‘l ulied uliedek.”8

Imbagħad Mosè kkonkluda billi qal, “Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu li se nagħtik illum biex ikollok riżq, int u wliedek warajk, ħalli tgħix żmien twil fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik għal dejjem.”9

Il-profeti ta’ Alla b’mod konsistenti qalulna li għandna nrabbu l-familji tagħna “fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej”10 u “fid-dawl u l-verità.”11 Il-President Nelson m’ilux qal, “F’dan iż-żmien ta’ immoralità rampanti u pornografija vizzjuża, il-ġenituri għandhom responsabbiltà sagra li jgħallmu lill-uliedhom l-importanza ta’ Alla u Ġesù Kristu f’ ħajjithom.”12

Ħuti, it-twiddiba tal-maħbub profeta tagħna tkompli tfakkarna dwar ir-responsabbiltà individwali tagħna li nfittxu li nitgħallmu u ngħallmu l-familji tagħna illi hemm Missier fis-Smewwiet li jħobbna u li żviluppa pjan ta’ ferħ divin għal uliedu; li Ġesù Kristu, Ibnu, huwa l-Feddej tad-dinja; u li s-salvazzjoni niksbuha permezz tal-fidi f’ ismu.13 Ħajjitna teħtieġ li tkun imwaqqfa fuq il-blata tal-Feddej tagħna, Ġesù Kristu, li jista’ jgħinna individwalment u bħala familji biex ikollna l-impressjonijiet spiritwali tagħna mnaqqxin fi qlubna, li jgħina nkomplu nikkumbattu permezz tal-fidi tagħna.14

Probabbilment intom tiftakru li żewġ dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista mxew wara Ġesù Kristu wara li semgħu lil Ġwanni jixhed li Ġesù kien il-Ħaruf ta’ Alla, il-Messija. Dawn l-irġiel twajbin aċċettaw l-istedina ta’ Ġesù “ejjew u araw,”15 u dak in-nhar baqgħu Miegħu. Huma saru jafu li Ġesù kien il-Messija, Bin Alla u mxew warajh għal kumplament ta’ ħajjithom.

Bl-istess mod, meta aħna naċċettaw l-istedina tas-Salvatur “ejjew u araw,” jeħtieġ li aħna nibqgħu fih, ngħaddsu rasna fl-iskrittura, nifirħu permezz tagħha, nitgħallmu d-duttrina Tiegħu u nagħmlu l-almu tagħna biex ngħixu l-mod kif għex Hu. Hekk biss nistgħu nsiru nafu lil Ġesù Kristu u nagħrfu leħnu, għax nafu li hekk kif aħna nersqu lejh u nemmnu fih, aħna qatt ma nbatu l-ġuħ jew l-għatx.16 Aħna nkunu kapaċi nagħrfu l-verità f’ kull ħin, kif ġara lil dawk iż-żewġ dixxipli li baqgħu ma’ Ġesù dak inhar.

Ħuti, dan ma jiġrix b’kumbinazzjoni. Li aħna nintunaw irwieħna mal-ogħla influwenza tad-divinità mhijiex xi ħaġa faċli; jeħtieġ minna li nitolbu lil Alla u nitgħallmu kif jista’ jkollna l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna. Jekk nagħmlu dan, jiena nwegħidkom li l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu twassal il-verità f’ qalbna u f’ moħħna u tagħti xhieda tagħha,17 tgħallimna kull ħaġa.18

Il-mistoqsija tar-raġel mill-Etjopja, “Kif nista’ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?” għandha wkoll tifsira speċjali fil-kuntest tar-responsabbiltà individwali tagħna li l-prinċipji tal-evanġelju li aħna tgħallimna napplikawhom f’ħajjitna. Fil-każ tar-raġel Etjopjan, per eżempju, huwa aġixxa skont il-verità li hu tgħallem mingħand Filippu. Huwa talab biex jitgħammed. Huwa sar jaf li Ġesù Kristu kien Iben Alla.19

Ħuti, l-għemejjel tagħna għandhom jirriflettu dak li aħna nitgħallmu u ngħallmu. Jeħtieġ li aħna nuru t-twemmin tagħna bil-mod li aħna ngħixu. L-aqwa għalliem huwa bniedem eżemplari. Li ngħallmu xi ħaġa li aħna verament ngħixu tista’ tagħmel differenza fil-qlub ta’ dawk li aħna ngħallmu. Jekk aħna nixtiequ li n-nies, kemm jekk ikunu membri tal-familja jew le, jgħożżu b’ferħ l-iskrittura u t-tagħlim tal-appostli ħajjin u l-profeti ta’ żmienna, jeħtieġ li huma jkunu jistgħu jaraw ruħna titgħaxxaq bihom. Bl-istess mod, jekk irriduhom ikunu jafu li l-President Russell M. Nelson huwa l-profeta, il-bassâr u r-rivelatur ta’ żmienna, jeħtieġ li lilna jarawna ngħollu jdejna ‘l fuq biex insostnuh u jirrealizzaw li aħna nimxu wara t-tagħlim ispirat tiegħu. Kif jgħid qawl famuż Amerikan, “L-għemil huwa ferm aktar effettiv mill-kliem.”

Jista’ jkun li xi wħud minnkom f’dan il-mument preċiż qed tistaqsu lilkom infuskom, “Presbiteru Soares, jiena ili ħafna nagħmel dan u nimxi wara dak li qed tgħid, kemm bħala individwu u fil-familji tiegħi, iżda sfortunatament, uħud minn sħabi jew mill-għeżież tiegħi spiċċaw tbiegħdu mill-Mulej. X’ Għandi Nagħmel? Għal dawk fostkom li bħalissa qed tesperjenzaw ċerti sentimenti ta’ niket, agunija u forsi dispjaċir, jekk jogħġobkom kunu afu li huma mhumiex kompletament mitlufin għaliex il-Mulej jaf fejn huma jinsabu u Hu jinsab iħarishom. Ftakru li huma wkoll uliedu!

Diffiċli tifhem ir-raġunijiet kollha għalfejn xi nies jaqbdu triq b’oħra. L-aħjar li nistgħu nagħmlu f’ dawn iċ-ċirkustanzi hu li nħobbuhom u nħaddnuhom magħna, nitolbu għall-benesseri tagħhom, u nfittxu l-għajnuna tal-Mulej biex inkunu nafu x’għandna nagħmlu u ngħidu. Għandna nifirħu b’sinċerità bis-suċċessi tagħhom; għandna nkunu l-ħbieb tagħhom u naraw it-tajjeb fihom. Qatt m’għandna naqtgħu qalbna minnhom iżda għandna nippreservaw ir-relazzjonijiet tagħna. Qatt twarrbuhom jew tiġġudikawhom b’mod żbaljat. Sempliċiment ħobbuhom! Il-parabbola tal-iben il-ħali tgħallimna li meta wliedna jidħlu f’qoxrithom, ħafna drabi huma jkunu jixtiequ jerġgħu lura d-dar. Jekk jiġri dan bl-għeżież tagħkom, araw li qalbkom timtela bil-kompassjoni, iġru lejhom, għanquhom, u busuhom, kif għamel missier l-iben il-ħali.20

Ultimament, ibqgħu għixu ħajja denja, kunu għalihom eżempju ta’ dak li temmnu, u ersqu dejjem aktar viċin is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Huwa jaf u jifhem in-niket u l-uġigħ profond tagħna, u Huwa jbierek l-isforz u d-dedikazzjoni tagħna lejn l-għeżież tagħna, jekk mhux f’din il-ħajja, fil-ħajja li ġejja. Ftakru dejjem ħuti li t-tama hija parti importanti mill-pjan tal-evanġelju.

Matul snin twal ta’ servizz tiegħi fil-Knisja, jiena rajt ħafna membri fidili li b’mod konsistenti applikaw dawn il-prinċipji f’ħajjithom. Dan huwa l-każ ta’ waħda omm single li jien se nirreferi għaliha bħala “Mary.” Sfortunatament, Mary kellha tgħaddi mill-esperjenza traġika tad-divorzju. F’ dawk iż-żminijiet, Mary għarfet li l-aktar deċiżjonijiet importanti relatati mal-familja tagħha kienu spiritwali. It-talb, l-istudju tal-iskrittura, is-sawm, u l-knisja u l-attendenza tagħha fit-tempju kienu se jibqgħu jkunu importanti għaliha?

Mary minn dejjem kienet fidila, u, f’dak iż-żmien kritiku ta’ ħajjitha, hija ddeċidiet li tiggranfa ma’ dak li diġà kienet taf li huwa veru. Hija sabet il-qawwa f’ “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” li, fost il-ħafna prinċipji meraviljużi, tgħallem li “l-ġenituri għandhom dmir sagru li jrabbu lil uliedhom fl-imħabba u fis-sewwa” u li jgħallmuhom biex dejjem josservaw il-kmandamenti ta’ Alla.21 Hi kontinwament fittxet li tikseb tweġiba mingħand il-Mulej u taqsam it-tweġiba li tirċievi mal-erbat itfal tagħha f’ ambjent ta’ familja. Huma spiss kienu jiddiskutu l-evanġelju, u jaqsmu bejniethom l-esperjenzi u t-testimonjanzi tagħhom.

Minkejja n-niket li huma għaddew minnu, uliedha żviluppaw imħabba lejn l-evanġelju ta’ Kristu u xewqa li jservu u jaqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor. Tlieta minnhom servew b’ mod fidil missjoni full-time, u l-iżgħar wieħed fosthom issa jinsab iservi ġewwa l-Amerka t’ Isfel. Bintha l-kbira, li jiena nafha sew, u li issa hija miżżewġa u soda fil-fidi tagħha, qalet, “Jiena qatt ma ħassejt li ommi kienet qed trabbina weħidha għaliex il-Mulej kien dejjem f’ darna. Hekk kif hija qasmet magħna x-xhieda tagħha Tiegħu, aħna lkoll bdejna nduru lejh bil-mistoqsijiet li aħna kellna. Jiena verament grata li hija wrietna kif aħna stajna napplikaw l-evanġelju f’ ħajjitna.”

Ħuti, din l-omm twajba kienet kapaċi tagħmel minn darha ċentru għat-tagħlim spiritwali. Simili għall-mistoqsija tar-raġel Etjopjan, Mary staqsiet lilha nnifisha diversi drabi, “Uliedi kif setgħu jitgħallmu jekk ma tkunx ommhom li tiggwidahom?”

Għeżież sħabi fl-evanġelju, jiena nixhed magħkom li meta aħna b’ħerqa, bil-qalb, b’fermezza u b’sinċerità nfittxu li nitgħallmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u ngħallmuh lil xulxin b’għan reali u taħt l-influwenza tal-Ispirtu, dan it-tagħlim jista’ jittrasforma l-qlub u jispira x-xewqa li ngħixu skond il-veritajiet ta’ Alla.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tad-dinja. Huwa l-Feddej u Huwa jgħix. Jiena naf li Huwa jmexxi l-Knisja Tiegħu permezz tal-profeti, tal-bassâra u r-rivelaturi Tiegħu. Jiena nixhed ukoll li Alla jgħix u li Huwa jħobbna Huwa jridna lura fil-preżenza Tiegħu—ilkoll kemm aħna. Huwa jisma’ talbna. Jiena nagħti x-xhieda tiegħi dwar din il-verità kollha, f’ isem Ġesù Kristu, amen.