2010-2019
L-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu
April 2019 Konferenza Ġenerali


L-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu

L-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, fl-ambitu tiegħu, mhuwiex biss infinit, iżda wkoll individwali fl-applikazzjoni tiegħu.

F’ dan l-istaġun tas-sena aħna partikolarment nifirħu u nirriflettu fuq l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur. Hija verament l-aktar duttrina divina, passjonata u li tilluminak, li qatt għarfet din dinja jew dan l-univers. Hi dik li tagħti t-tama u għan lil ħajjitna.

Għalhekk x’inhu l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu? F’ċertu sens, huwa serje ta’ avvenimenti divini li raw il-bidu tagħhom fil-Ġnien tal-Ġetsemani, komplew fuq is-salib u raw il-kulminu tagħhom fil-Qawmien mill-Imwiet tas-Salvatur mill-qabar. Kien motivat minn imħabba inkomprensibbli għal kull wieħed u waħda minna. Kien hemm bżonn xi ħadd li kien mingħajr dnub, li kellu qawwa infinita fuq l-elementi—saħansitra fuq il-mewt, li kien jippossedi kapaċità bla limitu li jsofri l-konsegwenzi tad-dnubiet u s-sofferenza kollha tagħna, u li fil-fatt għadda minn dak kollu li aħna qatt nistgħu ngħaddu minnu.1 Din kienet il-missjoni ta’ Ġesù Kristu—dan kien l-Att tal-Fidwa Tiegħu.

Għalhekk x’kien l-għan tiegħu? Kien li jagħmilha possibbli għalina li nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla, li nsiru aktar nixbhuh u li niksbu l-milja tal-ferħ. Dan seħħ billi għeleb erba’ ostakli:

  1. Il-mewt fiżika

  2. Il-mewt spiritwali kkawżata minn Adam u minn dnubietna

  3. It-tbatija u s-sofferenza tagħna

  4. Id-dgħjufija u l-imperfezzjoni tagħna

Iżda kif seta’ s-Salvatur jagħmel dan mingħajr ma jikser il-liġijiet tal-ġustizzja?

Immaġni
Qabża minn ajruplan

Immaġinaw għal mument wieħed raġel qed jikkontempla li jaqbeż qabża freefall u mbagħad jieħu deċiżjoni mgħaġġla u spontanjament jaqbeż minn ajruplan żgħir. Wara li jagħmel dan, huwa malajr jirrealizza l-bluha ta’ dak li jkun għamel. Huwa jkun irid jillandja mingħajr periklu, iżda hemm ostaklu wieħed—il-liġi tal-gravità. Huwa jibda jċaqlaq dirgħajh b’għaġġla inkredibbli, jittama li jtir, iżda kollu ta’ xejn. Huwa jipprova jdawwar ġismu b’ tali mod li jkun jista’ jifflowtja jew jigglajdja bilmod biex l-impatt ma jkunx kbir iżda l-liġi tal-gravità hija waħda bla heda u bla ħniena. Huwa jipprova jirraġuna mal-liġi bażika tan-natura: “Kien żball. Qatt mhu se nerġa’ nagħmel dan.” Iżda l-krib tiegħu jaqa’ fuq widnejn torox. Il-liġi tal-gravità m’għandha l-ebda kompassjoni; ma tagħmel l-ebda eċċezzjonijiet. Fortunatament, madankollu, ir-raġel f’daqqa waħda jħoss xi ħaġa fuq daru. Sieħbu fl-ajruplan, hekk kif induna bil-mument ta’ bluha, poġġielu miegħu paraxut eżatt qabel il-qabża. Huwa sab ir-ripkord u ġibdu. Issa moħħu mistrieħ, huwa jinżel bla periklu sal-art. Aħna nafu nistaqsu, “Allura hawnhekk kienet inkisret il-liġi ta-gravità, jew inkella l-paraxut ħadem fil-parametri ta’ dik il-liġi biex jipprovdi nżul mingħajr periklu?”

Immaġni
Paraxut jillandja mingħajr periklu

Meta aħna nidinbu, aħna nkunu qisna dak ir-raġel iblah li qabeż mill-ajruplan. Nagħmlu x’nagħmlu, mingħajr għajnuna, żgur li nispiċċaw nikkraxxjaw. Aħna suġġett għal-liġi tal-ġustizzja, li, bħal-liġi tal-gravità, hija esiġenti u ma tafx taħfer. Nistgħu niġu salvati biss grazzi għas-Salvatur, permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, li bil-ħniena jipprovdilna bħal paraxut spiritwali. Jekk aħna jkollna l-fidi f’Ġesù Kristu u nindmu (ifisser li nagħmlu l-parti tagħna u niġbdu r-ripkord), imbagħad il-qawwiet protettivi tas-Salvatur jiġu illiberati f’isimna, u aħna nkunu nistgħu nagħmlu nżul spiritwali mingħajr periklu.

Dan huwa possibbli biss, madankollu, peress li s-Salvatur għeleb l-erba’ ostakli li jistgħu jżommuna milli nkomplu bil-progress spiritwali tagħna.

1. Il-Mewt. Huwa għeleb il-mewt permezz tal-Resurrezzjoni glorjuża Tiegħu. L-Appostlu Pawlu għallem, “Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.”2

2. Id-Dnub. Is-Salvatur għeleb id-dnub u l-ħtija għal dawk kollha li jindmu. Tant hija profonda u espansiva l-qawwa li tnaddafna Tiegħu li Isaija wiegħed, “Imqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ.”3

X drabi, jiena ltqajt ma’ Qaddisin twajbin li jsibuha diffiċli jaħfru lilhom infushom, li b’mod innoċenti iżda żbaljat ipoġġu ċertu limiti fuq il-qawwiet tal-fidwa tas-Salvatur. Bla ma jintebħu, huma jkunu kkonvertew Att tal-Fidwa infinit f’ wieħed finit li b’xi mod ma jkoprix dak id-dnub jew dik id-dgħjufija partikolari. Iżda huwa Att tal-Fidwa infinit għaliex jinkludi fih kull dnub u dgħjufija, kif ukoll kull abbuż jew uġigħ ikkawżat minn ħaddieħor.

Truman G. Madsen għamel din l-osservazzjoni mill-aktar konfortanti:

“Jekk hawn xi ħadd minnkom li ġejtu mqarrqin bil-konvinzjoni li intom diffiċli tinħafru … li intom xrobtu mill-velenu tad-dnub li jagħmilha impossibbli li intom qatt terġgħu ssiru dak li kontu qabel—mela isimgħu x’se ngħidilkom.

“Jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi li tgħoddsu kemm tgħoddsu fil-fond, żgur li mhux se tkunu f’fond biżżejjed li ma tistgħux tintlaħqu mid-dawl u l-intelliġenza tremenda ta’ Ġesù Kristu. Jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi li sakemm intom għandkom fikom daqsxejn ta’ rieda li tindmu u tilħqu l-maħfra, hu jinsab hemm. Huma mhux sempliċiment iddixxenda ruħu għall- kundizzjoni tagħkom; huwa ddixxenda ruħu iktar minn kulħadd, ‘sabiex Hu jkun jista’ jkun f’ kollox, id-dawl tal-verità.’ [Doctrine and Covenants 88:6.]”4

Raġuni għalfejn huwa daqstant essenzjali li nifhmu l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur u l-implikazzjonijiet infiniti tiegħu hu sabiex b’għarfien akbar aħna niksbu xewqa akbar li naħfru lilna nfusna u lil ħaddieħor.

Minkejja li aħna nistgħu nemmnu fil-qawwa li tnaddafna ta’ Kristu, ħafna jafu jistaqsu: “Jien kif nista’ nkun naf li ġejt maħfur minn dnubieti?” Jekk aħna nħossu l-Ispirtu, mela hija x-xhieda tagħna li aħna ġejna maħfurin, jew li jkun qed iseħħ il-proċess tat-tindif. Il-President Henry B. Eyring għallem, “Jekk intom ħassejtu l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu … , intom tistgħu tqisu dan bħala evidenza li l-Att tal-Fidwa qed jaħdem f’ ħajjitkom.”5

Immaġni
Triq ma tinfidx

Xi wħud jistaqsu, “Mela jekk jiena ġejt maħfur, għalfejn għadni nħossni ħati?” Jista’ jkun li fil-ħniena ta’ Alla, il-memorja ta’ dik il-ħtija hija twissija, tip ta’ “tabella spiritwali biex tieqaf” li, tal-anqas għal xi żmien, twiddibna meta niffaċċjaw ruħna b’aktar tentazzjoni: “Żomm ‘il bogħod milli tagħmel hekk. Taf x’uġigħ tista’ tikkawża.” F’dak is-sens, isservi bħala protezzjoni, mhux kastig.

Għalhekk hu possibbli li aħna niftakru dnubietna iżda xorta waħda nkunu ħielsa mill-ħtija?

Alma ftakar dnubietu, anke ħafna snin wara li nidem. Iżda meta huwa talab lil Ġesù għall-ħniena, huwa qal, “Jiena ma bqajtx niftakar aktar l-uġigħ tiegħi; iva, ma bqajtx niġi ttormentat aktar bil-memorja ta’ dnubieti.”6

Huwa kif seta’ jiftakar f’dnubietu mingħajr ma jħoss l-ebda uġigħ jew ħtija? Għaliex meta aħna nindmu, aħna niġu “imwielda minn Alla.”7 Aħna nsiru, kif tgħid l-iskrittura, “ħlejjaq ġodda”8 fi Kristu. B’onestà perfetta, aħna issa nistgħu ngħidu, “Jiena minix dak ir-raġel jew dik il-mara li wettaqt dawk id-dnubiet passati. Jiena bniedem ġdid u ttrasformat.”

3. Tbatija u Sofferenza Alma bassar li Kristu “għandu jmur, isofri kull tip ta’ wġigħ, tbatija u tentazzjoni.” Għalfejn? “Sabiex jimtela bil-ħniena, … ħalli huwa jkun jaf skont il-ġisem kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu skont is-sofferenza tagħhom.”9

Huwa kif jista’ jwettaq dan? Xi kultant Huwa jeħlisna mit-tbatija, xi kultant Huwa jagħtina s-saħħa li nibqgħu nikkumbattu, u xi kultant Huwa jagħtina perspettiva eterna biex nifhmu aħjar in-natura temporanja tagħhom. Wara li Joseph Smith kien ilu ġewwa ċ-Ċella ta’ Liberty għal madwar xahrejn, huwa finalment talab, “O Alla, fejn tinsab?”10 Minflok ma pprovdielu serħan immedjat, Alla wieġbu, “Ibni, sliem għalik; l-avversità tiegħek u l-għawġ tiegħek se jkunu biss xi ħaġa temporanja; u mbagħad, jekk inti tibqa’ tirreżisti b’kuraġġ, Alla jeżaltak fil-għoli.”11

Joseph issa fehem li din l-esperjenza morra kienet biss daqsxejn ta’ tikka fi spettru etern. B’din il-viżjoni aktar ċara, huwa kiteb lill-Qaddisin minn dik l-istess ċella, “Għeżież ħuti, ejjew nagħmlu b’ferħ dak kollu li għandna l-qawwa nagħmlu; imbagħad ejjew nieqfu, b’assigurazzjoni kbira, ħalli naraw is-salvazzjoni ta’ Alla.”12 Minħabba l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, aħna jista’ jkollna perspettiva eterna li tagħtina tifsira għall-isfidi tagħna u tama għas-serħan tagħna.

4. Dgħjufija u Imperfezzjoni Minħabba l-Att tal-Fidwa Tiegħu, is-Salvatur jippossedi qawwa li ssaħħaħna, li xi kultant nirreferu għaliha bħala l-grazzja,13 li tista’ tgħinna negħlbu d-dgħjufija u l-imperfezzjoni tagħna u b’hekk tassistina fit-tfittxija tagħna biex insiru bħalu.

Moroni għalhekk għallem: “Iva, ersqu lejn Kristu u pperfezzjonaw ruħkom fih, … ħalli permezz tal-grazzja tiegħu intom tkunu tistgħu tiġu pperfezzjonati fi Kristu.”14 Jidher li hemm mill-inqas żewġ mezzi kif aħna nistgħu napprofittaw ruħna minn din il-qawwa li ssaħħaħna, li tista’ ssaffina u anke tipperfezzjonana.

L-ewwel, l-ordinanzi tas-salvazzjoni. L-iskrittura tgħidilna, “F’dawn l-ordinanzi tidher il-qawwa tad-divinità.”15 Xi kultant, aħna nistgħu nħarsu lejn l-ordinanzi bħallikieku xi ċeklist—neċessarji għall-eżaltazzjoni; iżda fil-verità kull waħda minnhom toħroġ minnha qawwa li tgħinna nsiru aktar bħal Kristu. Per eżempju:

  • Meta aħna nitgħammdu u nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu, aħna nitnaddfu—b’hekk insiru aktar qaddisa bħal Alla.

  • Barra minn hekk, permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, moħħna jaf jiddawwal u qalbna tirtab biex inkunu nistgħu naħsbu u nħossu aktar bħalu.

  • U meta aħna niġu ssiġillati mal-konjuġi tagħna, aħna nirtu d-dritt għal “tronijiet, renji, prinċipalitajiet, qawwiet”16 bħala rigali mingħand Alla.

It-tieni mezz għal din il-qawwa li ssaħħaħna huma d-doni tal-Ispirtu. Minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, aħna eleġibbli li nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu u d-doni spiritwali li jakkumpanjawh. Dawn id-doni huma l-kwalitajiet tad-divinità; għalhekk, kull darba li aħna niksbu don tal-Ispirtu, aħna nsiru aktar bħal Alla. M’hemmx dubju li huwa għalhekk li l-iskrittura tħeġġiġna diversi drabi biex infittxu dawn id-doni.17

Il-President George Q. Cannon għallem: “L-ebda bniedem ma jista’ jgħid, ‘Ħeq, mhemmx x’tagħmel; hija n-natura tiegħi.’ Huwa b’daqshekk mhuwiex iġġustifikat, għar-raġuni li Alla wiegħed li … jagħtina doni li jeqirdu d-dgħjufijiet tagħna. … Jekk aħna lkoll imperfetti, huwa d-dmir tagħna li nitolbu għad-don li jagħmilna perfetti.”18

Fi kliem ieħor, l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur jagħtina l-ħajja flok il-mewt, “kuruna flok irmied,”19 fejqan flok l-uġigħ u perfezzjoni flok dgħjufija. Hija l-antidot tas-sema għall-ostakli u t-taqbid ta’ din id-dinja.

Fl-aħħar ġimgħa mortali tas-Salvatur, Huwa qal, “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja.”20 Peress li s-Salvatur ġab fis-seħħ l-Att tal-Fidwa Tiegħu, m’hawn l-ebda forza esterna jew avveniment jew persuna—l-ebda dnub jew mewt jew divorzju—li jistgħu jżommuna milli niksbu l-eżaltazzjoni, jekk dejjem aħna nżommu l-kmandamenti ta’ Alla. B’dan l-għarfien, aħna nistgħu nibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-ferħ u b’assigurazzjoni assoluta li Alla jinsab magħna f’ din it-tfittxija divina.

Jiena nagħti x-xhieda tiegħi li l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, fl-ambitu tiegħu, mhuwiex biss infinit, iżda wkoll individwali fl-applikazzjoni tiegħu—li hu mhux biss jeħodna lura fil-preżenza ta’ Alla, iżda wkoll iwassalna biex insiru bħalu—l-għan aħħari tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu. Ta’ dan jiena naqsam il-gratitudni tiegħi u nagħti x-xhieda sinċiera tiegħi f’isem Ġesù Kristu, amen.