2010-2019
Niffesteġġjaw permezz ta’ Kliem Kristu
April 2019 Konferenza Ġenerali


Niffesteġġjaw permezz ta’ Kliem Kristu

Aħna nistgħu niffesteġġjaw permezz ta’ kliem Kristu f’kull ħin u f’kull mument jekk aħna nħejju qalbna.

Missierna tas-Smewwiet iħobbna. Huwa pprovdielna pjan perfett sabiex inkunu nistgħu ngawdu l-barkiet Tiegħu. F’din il-ħajja, aħna lkoll mistednin biex nersqu lejn Kristu u nirċievu l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu permezz tal-magħmudija, nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu u ngħixu l-evanġelju b’fedeltà. Nefi jiddeskrivi l-impenn tagħna li nitgħammdu bħallikieku qed nidħlu f’“trejqa stretta u dejqa,” u jfakkarna biex inkomplu “mexjin ‘il quddiem b’fidi soda fi Kristu, … niffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u nibqgħu nirreżistu sat-tmiem,” sabiex inkunu nistgħu nirċievu l-barkiet kollha li Missierna tas-Smewwiet għandu lesti għalina (2 Nephi 31:19–20).

Nefi jkompli jfakkarna li jekk aħna “niffesteġġjaw permezz ta’ kliem Kristu,” kliemu “jurina dak kollu li għandna nagħmlu” (2 Nephi 32:3) u aħna niġu mogħtija s-setgħa li negħlbu “il-vleġeġ kollha nar tal-avversarju” (1 Nephi 15:24).

Xi Jfisser Tiffesteġġja?

Meta jien kont għadni żgħir, kont naħseb li tiffesteġġja kien ifisser sempliċiment li tiekol ikla kbira ross, suxi u zalza tas-soja. Issa naf li tiffesteġġja verament ifisser ferm aktar milli tgawdi xi ikla delizzjuża. Hija esperjenza ta’ ferħ, nutriment, ċelebrazzjoni, u altruwiżmu, kif ukoll li nesprimu mħabbitna lejn il-familji u l-maħbubin tagħna, li nikkomunikaw il-gratitudni tagħna lejn Alla, u li nibnu ċerti relazzjonijiet waqt li ngawdu ikel abbundanti, u mill-aktar delizzjuż. Jien nemmen li meta aħna niffesteġġjaw permezz ta’ kliem Kristu, jeħtieġ li aħna nibdew nikkontemplaw dwar esperjenza simili. Li niffesteġġjaw permezz tal-iskrittura ma jfissirx biss li naqrawha. Dan għandu jwasslilna ferħ reali u jgħinna nibnu r-relazzjoni tagħna mas-Salvatur.

Din il-ħaġa ġiet mgħallma b’mod ċar fil-Ktieb ta’ Mormon. Ftakru fil-ħolma ta’ Leħi meta huwa ra siġra “li l-frott tagħha hu mill-aktar mixtieq biex wieħed isir ferħan.” Dan il-frott jirrappreżenta l-imħabba ta’ Alla, u hekk kif Leħi daq il-frotta, “ra li kienet … ħelwa, aktar minn kull ħaġa li kien daq qabel.” Spiċċat “imlietlu ruħu b’ferħ mill-aktar kbir” u hija xi ħaġa li ried jaqsam mal-familja tiegħu (1 Nephi 8:10–12).

Meta aħna niffesteġġjaw, aħna probabbilment insibu li ma tagħmilx wisq differenza kemm ikollna ikel jew x’tip ta’ ikel ikollna, jekk qalbna tkun mimlija gratitudni. Fid-deżert, il-membri tal-familja ta’ Leħi kienu jieklu laħam nej, iżda Nefi ddeskriva din l-isfida diffiċli billi qal, “Tant kienu kbar il-barkiet tal-Mulej” li “in-nisa tagħna … kienu b’saħħithom” u kienu kapaċi “jissaportu l-vjaġġi tagħhom mingħajr qabda tgergir” (1 Nephi 17:1–2).

Xi kultant li niffesteġġjaw jinvolvi wkoll li nesperimentaw u nduqu. Alma jitkellem dwar żerriegħa tajba li titħawwel ġo qalbna. Hekk kif aħna nesperimentaw biha, aħna nirrealizzaw li ż-żerriegħa tibda “ssir delizzjuża” (ara Alma 32:28–33).

Niffesteġġjaw permezz ta’ Kliem Kristu

Il-barkiet li niffesteġġjaw permezz ta’ kliem Kristu huma mill-aktar qawwija u jbiddlulna ħajjitna. Hemm partikolarment tlieta li nixtieq nistedinkom biex tapplikaw f’ħajjitkom.

L-ewwel, kliem Kristu jista’ jgħinna “nkabbru l-kapaċità spiritwali tagħna li nirċievu r-rivelazzjoni” (Russell M. Nelson, “Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2018, 96) u jiggwidana b’mod sigur tul ħajjitna. Mormon jgħallimna li kliem Kristu għandu “tendenza li jwassal lin-nies biex iwettqu dak li hu tajjeb,” u li hu aktar setgħan minn dak kollu li tista’ twettaq “ix-xabla” (Alma 31:5). Hekk kif jiena fittixt l-għerf t’Alla biex nikkumbatti l-isfidi li jkolli f’ħajti, hekk kif jiena ppruvajt “il-virtù tal-kelma ta’ Alla” (Alma 31:5), jiena dejjem ħassejtni ispirat u kapaċi nieħu deċiżjonijiet għaqlin, negħleb it-tentazzjoni u mbierek ħajti b’fidi akbar fi Kristu u b’imħabba lejn dawk ta’ madwari. Il-profeta tagħna, Russell M. Nelson, għallimna li “fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu” (“Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna,” 96). Ir-rivelazzjoni meħtieġa tasal hekk kif aħna nippruvaw “il-virtù tal-kelma,” u dik il-kelma tkun aktar qawwija minn kull ħaġa oħra li nistgħu nippruvaw jew nimmaġinaw.

It-tieni, meta aħna nkunu qed nissieltu minħabba l-identità tagħna u n-nuqqas ta’ kunfidenza fina nfusna, il-“kelma ħelwa ta’ Alla” (Jacob 2:8) fl-iskrittura tgħinna nsiru nafu min verament aħna u tagħtina qawwa aktar milli nippossedu. Il-mument li fih jiena għaraft l-identità tiegħi bħala iben Alla kien wieħed mill-mumenti l-aktar ħelwin li qatt esperjenzajt. Fl-ewwel snin taż-żogħżija tiegħi, jien ma kont naf xejn dwar it-tagħlim tas-Salvatur. Meta jiena qrajt għall-ewwel darba t-Testment il-Ġdid, kliem Kristu verament ħassejtu jfejjaq ir-ruħ imġarrba tiegħi. Jiena rrealizzajt li ma kontx waħdi u li jien iben Alla. Hekk kif jien għaraft l-identità vera tiegħi quddiem Alla, jiena rrealizzajt x’kien il-potenzjal infinit tiegħi permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu.

Bl-istess mod, Enos qasam l-esperjenza personali tiegħu dwar id-dawl li huwa kiseb mill-ħin li fih għadda jikkontempla kliem Kristu. Hekk kif Enos ħalla l-kliem li għallmu missieru rigward “il-ħajja eterna, u l-ferħ tal-qaddisin, jidħol fil-fond ta’ qalbu,” ruħu “ixxenqet; u hu niżel għarkupptejh quddiem il-Ħallieq tiegħu … jitlob b’qawwa” (Enos 1:3–4). Permezz ta’ dak it-talb huwa sar jaf lis-Salvatur u tgħallem li aħna għandna valur kbir, aħna maħbubin u nistgħu niġu maħfurin mill-iżbalji tagħna, u li aħna verament ulied Alla.

It-tielet, aħna nistgħu nelevaw il-ħajja ta’ ħaddieħor permezz ta’ kliem Kristu. L-istess kif wasal il-mument u l-post opportun għal Enos biex kliem Kristu misslu l-qiegħ ta’ qalbu, il-Mulej se jagħmel il-parti Tiegħu biex imiss il-qalb ta’ dawk li aħna nixtiequ naqsmu l-evanġelju magħhom. Jista’ jkun li ħafna minna ħassejna lilna nfusna ħa naqtgħu qalbna meta aħna ppruvajna nistiednu lil xi ħadd biex jisma’ l-evanġelju peress li r-riżultat ma kienx eżatt kif xtaqna aħna. Ikun xi jkun ir-riżultat, il-Mulej jistedinna biex niftħu fommna u naqsmu l-messaġġ tal-evanġelju ma’ ħaddieħor.

Sentejn ilu, il-Mulej miss qalb l-għażiża ommi, fejn għenha tiddeċiedi li tirċievi l-ordinanza tal-magħmudija. Domt nistenna dak il-jum jasal kważi 35 sena. Biex hija waslet biex ħadet dik id-deċiżjoni, kienu bosta l-membri tal-Knisja li mministrawlha kif kieku kien jimministralha Kristu. Darba waħda, f’jum il-Ħadd, hija ħasset li kellha tmur il-knisja. Hija obdiet is-suġġerimenti li ħasset ġo fiha. Hekk kif kienet bilqiegħda fir-ringiela ta’ quddiem u bdiet tistenna biex jibda s-servizz tas-sagrament, wieħed tifel ta’ erba’ snin waqaf quddiemha u ħares lejha. Hija bdiet titbissimlu. It-tifel ċkejken telaq jiġri minn quddiemha u reġa’ mar bilqiegħda f’postu, li kien fuq in-naħa l-oħra tar-ringiela fejn kienet bilqiegħda ommi. It-tifel ċkejken ħa f’idu xi ħaġa li kienet fuq is-siġġu tiegħu u reġa’ lura u ta lil ommi ktieb tal-innijiet u reġa’ mar lura f’postu. Ommi nnotat li l-kotba tal-innijiet kienu qegħdin ippostjati siġġu iva u siġġu le. Hija faċilment setgħet qabdet ktieb li kien jinsab fuq is-siġġu ta’ ħdejha. Madankollu, hija ħassitha impressjonata ħafna bl-att mill-aktar altruwista u innoċenti ta’ dak it-tifel, xi ħaġa li huwa kien tgħallem f’daru u fil-knisja. Għaliha dak kien mument mill-aktar ħelu. Hija ħasset ġo fija b’qawwa li Alla kien qed jistedinha biex tmur u timxi warajh. Hija ħasset li kellha titgħammed. Dan it-tifel ċkejken ma fittexx l-ebda rikonoxximent għal dak li għamel, iżda hu sempliċiment għamel dak kollu li seta’ biex jgħix il-kelma ta’ Alla u jħobb il-proxxmu tiegħu. It-tjubija tiegħu wasslet għal bidla importanti fil-qalb ta’ ommi.

Kliem Kristu jasal biex profondament imiss il-qlub u jiftaħ għajnejn dawk li għadhom mhux qed jarawh. Fit-triq ta’ Għemmaws, kien hemm żewġ dixxipli li mxew ma’ Ġesù. Huma kienu mdejqin u ma setgħux jifhmu li s-Salvatur kien rebaħ il-mewt. Fin-niket tagħhom, huma m’għarfux li Kristu l-ħaj kien jinsab miexi magħhom. Minkejja li Ġesù “beda jfissrilhom kull ma kien hemm fuqu fl-Iskrittura,” huma xorta waħda ma għarfuhx bħala s-Salvatur imqajjem mill-imwiet sakemm huma poġġew bilqiegħda miegħu u qasmu l-ħobż miegħu. Imbagħad għajnejhom “infetħu.” Hekk kif aħna—jew sħabna, il-kollegi tagħna u l-ġirien tagħna—niffesteġġjaw u naqsmu l-ħobż Miegħu, l-għajnejn tal-għarfien tagħna jinfetħu. Meta d-dixxipli f’Għemmaws bdew jirriflettu dwar il-ħin li huma qattgħu mas-Salvatur imqajjem mill-imwiet, huma qalu li ħassew bħal nar jaqbad ġewwa qalbhom hekk kif Huwa beda jfissrilhom l-iskrittura (ara Luqa 24:27–32). Aħna wkoll nistgħu nesperjenzaw dan.

Konklużjoni

Biex nagħlaq, jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi li aħna nistgħu niffesteġġjaw permezz ta’ kliem Kristu f’kull ħin u f’kull mument, jekk aħna nħejju qalbna biex nirċevuh. Li aħna niffesteġġjaw permezz ta’ kliem Kristu jwasslilna rivelazzjoni ta’ sosteniment għal ħajjitna, jafferma mill-ġdid l-identità u l-valur veru tagħna quddiem Alla bħala wliedu, u jressaq lil sħabna lejn Kristu u l-ħajja ta’ dejjem. Ippermettuli nirrepeti l-istedina ta’ Nefi meta qal: “Għalhekk ibqgħu mexjin ‘il quddiem b fidi soda fi Kristu, b’tama ta’ dija perfetta u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. Għalhekk, jekk tibqgħu mexjin ‘il quddiem, tiffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u tibqgħu sodi sat-tmiem, araw, dan jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna” (2 Nephi 31:20). F’ isem Ġesù Kristu, amen.