2010-2019
Inħejju għall-Miġja tal-Mulej
April 2019 Konferenza Ġenerali


Inħejju għall-Miġja tal-Mulej

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija unikament mogħtija s-setgħa u kkummissjonata biex twettaq it-tħejjija neċessarja għat-Tieni Miġja tal-Mulej.

Ħmistax oħra, aħna se niċċelebraw l-Għid. Il-Qawmien mill-Imwiet jikkonferma d-divinità ta’ Ġesù Kristu u r-realtà ta’ Alla l-Missier. Ħsibijietna jduru lejn is-Salvatur, u aħna nixtarru “il-ħajja bla paragun Tiegħu u l-virtù infinit tas-sagrifiċċju l-kbir tal-att tal-fidwa Tiegħu.”1 Nittama li aħna naħsbu wkoll dwar ir-ritorn pendenti Tiegħu meta “Huwa jsaltan bħala s-Sultan tas-Slaten u … s-Sid tas-Sidien.”2

Xi żmien ilu ġewwa Buenos Aires, l-Arġentina, jiena ħadt sehem f’konferenza ma’ għadd ta’ mexxejja minn reliġjonijiet differenti. L-imħabba tagħhom lejn għajrhom kienet waħda reali. L-intenzjoni tagħhom kienet li jtaffu s-sofferenza u jgħinu lin-nies jegħlbu l-oppressjoni u l-faqar. Jien bdejt nirrifletti fuq il-ħidma kbira umanitarja ta’ din il-Knisja, inkluż il-proġetti b’kollaborazzjoni ma’ għadd ta’ gruppi reliġjużi rappreżentati fil-konferenza. Jiena ħassejt fija gratitudni mill-aktar profonda għall-ġenerożità tal-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li jagħmlu dan it-tip ta’ servizz kif irid Kristu possibbli.

F’dak il-mument, l-Ispirtu s-Santu rriafferma miegħi żewġ affarijiet. L-ewwel, il-ħidma tal-ministeru għall-bżonnijiet temporali hija waħda mill-aktar importanti u għandha tkompli. It-tieni kienet xi ħaġa mistennija, madankollu ħaġa mill-aktar qawwija u ċara. Kienet din: lil hinn mis-servizz altruwista, huwa mill-aktar importanti li nħejju d-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej Ġesù Kristu.

Meta huwa jerġa’ jiġi, l-oppressjoni u l-inġustizzja mhux biss se jonqsu; sejrin jieqfu.

“Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun, daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom. …

“Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.”3

Il-faqar u s-sofferenza mhux biss se jonqsu; se jgħibu:

“Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, u anqas ebda għomma.

“Ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja: u Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.”4

Anke l-uġigħ u n-niket tal-mewt se jintemm:

“F’dak il-jum l-ebda tarbija mhu se tmut qabel ix-xjuħija tagħha; u se tgħix daqs siġra;

“U meta tmut hija mhux se tindifen f’żaqq id-dinja, iżda hija se tinbidel f’ħakka t’għajn, u se tinħataf fi sħaba u l-mistrieħ tagħha se jkun wieħed glorjuż.”5

Mela iva, ejjew ilkoll nagħmlu dak kollu li nistgħu biex bħalissa ntaffu s-sofferenza u n-niket, u ejjew niddedikaw lilna nfusna b’aktar deliġenza għat-tħejjija meħtieġa għall-jum meta l-uġigħ u l-ħażen jispiċċaw għal kollox, meta “Kristu għandu jsaltan personalment fid-dinja; u … d-dinja se tiġi mġedda u se tirċievi l-glorja paradiżjakali tagħha.”6 Se jkun jum ta’ fidwa u ġudizzju. Dott. N. T. Wright, li kien l-Isqof Anglikan ta’ Durham, iddeskriva b’mod xieraq is-sinifikat tal-Att tal-Fidwa, tal-Qawmien mill-Imwiet u tal-Ġudizzju ta’ Kristu biex tingħeleb l-inġustizzja u titwettaq is-sewwa kollha.

Huwa qal: “Alla ppjana jum li fih huwa se jara li d-dinja se tiġi ġġudikata b’mod ġust minn raġel li ħatar huwa stess—u dwar dan huwa ta assigurazzjoni lil kulħadd billi qajjem lil dan ir-raġel mill-mewt. Il-fatti dwar Ġesù ta’ Nazaret, u speċjalment dwar il-qawmien tiegħu mill-Imwiet, huma s-sisien tal-assigurazzjoni li d-dinja ma saritx b’kumbinazzjoni. Mhijiex ultimament kaos; li meta fil-preżent aħna nwettqu l-ġustizzja aħna ma nkunux qed nagħżqu fil-vojt, nippruvaw insalvaw bini li xorta waħda se jaqa’, jew li nsemmu xi karozza li fil-fatt se tispiċċa mormija. Meta Alla qajjem lill-Ġesù mill-mewt, dik kienet il-ġrajja mikrokosmika li fiha l-akbar att makrokosmiku tal-ġudizzju ġie fis-seħħ favveniment wieħed qasir, iż-żerriegħa … tal-akbar tama tagħna. Alla ddikjara, bl-aktar mod setgħan immaġinabbli, li Ġesù ta’ Nazaret verament kien il-Messija. … F’dik li hi l-akbar ironija fl-istorja, Ġesù nnifsu kellu jgħaddi minn ġudizzju mill-aktar krudili u inġust, fejn ittieħed f’post li kien jissimbolizza l-moħqrija u l-inġustizzja kollha fl-istorja, biex jieħu fuqu dak il-kaos, dik id-dalma, dik il-moħqrija, dik l-inġustizzja u jegħleb il-qawwa tagħhom.”7

Waqt li jiena kont fil-konferenza f’Buenos Aires li għamilt referenza għaliha qabel, l-Ispirtu għamilha ċara miegħi li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija unikament mogħtija s-setgħa u kkummissjonata biex twettaq it-tħejjija neċessarja għat-Tieni Miġja tal-Mulej; fil-fatt, ġiet irrestawrata għal dan il-għan. Hawn x’imkien ieħor fejn intom tistgħu ssibu poplu li jħaddan l-era preżenti bħala “id-dispensazzjoni [ipprofetizzata] tal-milja taż-żminijiet” li fiha Alla ddeċieda li “kollox jinġabar taħt ras waħda, li hu Kristu”?8 Jekk ma ssibx hawnhekk komunità li l-intenzjoni tagħha hi li twettaq dak li jeħtieġ li jsir kemm għall-ħajjin kif ukoll għall-mejtin bi tħejjija għal dak il-jum, jekk ma ssibx hawnhekk organizzazzjoni li hi lesta li tiddedika ammont kbir ta’ ħin u fondi għall-ġabra u t-tħejjija ta’ poplu tal-patt li lest jirċievi lill-Mulej, m’għandek ċans issibha mkien.

F’indirizz lill-Knisja fl-1831, il-Mulej iddikjara:

“L-imfietaħ tas-saltna ta’ Alla ġew mogħtijin lill-bniedem fid-dinja, u minn hemm l-evanġelju se jinfirex sat-truf id-dinja. …

“Itolbu lill-Mulej, sabiex is-saltna tiegħu tkompli tinfirex madwar id-dinja, ħalli l-abitanti tagħha jirċevuha, u jkunu mħejjija għaż-żmien li ġej, fejn Bin il-Bniedem għandu jinżel mis-smewwiet, imlibbes bid-dija tal-glorja tiegħu, biex jiltaqa’ mas-saltna ta’ Alla li hija mwaqqfa fid-dinja.”9

X’ nistgħu nagħmlu biex bħalissa nħejju għal dak il-jum? Aħna nistgħu nħejju lilna nfusna bħala poplu; nistgħu niġbru flimkien il-poplu tal-patt tal-Mulej; u nistgħu ngħinu biex tiġi fis-seħħ il-wegħda tas-salvazzjoni “li saret ma’ missirijietna,” l-antenati tagħna.10 Ħafna minn dan jeħtieġ li jiġi fis-seħħ qabel jerġa’ jasal il-Mulej.

L-ewwel, u ħaġa mill-aktar kruċjali għar-ritorn tal-Mulej, hija l-preżenza fid-dinja ta’ nies imħejjija biex jilqgħuh fil-miġja Tiegħu. Huwa ddikjara li dawk li jibqgħu fid-dinja f’dan il-jum “mill-iċken sal-akbar, … se jimtlew bl-għarfien tal-Mulej, u se jkunu ħaġa waħda, u jgħollu leħinhom u b’vuċi waħda jkantaw flimkien din l-għanja ġdida: Il-Mulej ġab lura Sijon. … Il-Mulej kollox ġabar taħt ras waħda. Il-Mulej niżżel mis-smewwiet lil Sijon. Il-Mulej ġieb fis-seħħ l-eżaltazzjoni ta’ Sijon.”11

Fi żminijiet tal-qedem, Alla ħa għandu l-belt ġusta ta’ Sijon.12 B’kuntrast għal dan, fl-aħħar jiem Sijon ġdida se tilqa’ lill-Mulej fir-ritorn Tiegħu.13 Sijon hija dawk ta’ qalbhom safja, poplu ta’ qalb waħda u moħħ wieħed, jgħammru fis-sewwa fejn fosthom m’hemmx foqra.14 Il-Profeta Joseph Smith iddikjara, “L-akbar għan tagħna għandu jkun li nibnu Sijon.”15 Nibnu Sijon fi djarna, fl-oqsma, fil-fergħat u fl-utied tagħna permezz tal-għaqda, tat-tjieba u l-karità.16

Aħna jeħtieġ nagħrfu li l-bini ta’ Sijon se jseħħ fi żminijiet imqallba—“żmien ta’ korla, żmien ta’ nirien, żmien ta’ desolazzjoni, ta’ biki, ta’ luttu, ta’ krib; u bħal tromba tal-arja se tinżel fuq wiċċ id-dinja, qal il-Mulej.”17 Għalhekk, il-ġabra fl-utied issir, “bħala difiża u bħala refuġju mill-maltemp, u mill-għadab meta dan jinżel bil-qawwa kollha madwar id-dinja.”18

L-istess bħal żminijiet passati, aħna “niltaqgħu flimkien ta’ spiss, biex insumu u nitolbu u biex nitkellmu bejnietna dwar il-ġid ta’ ruħna. U … nieklu mill-ħobż u nixorbu mill-ilma, b’ tifkira tal-Mulej Ġesù.”19 Kif spjega l-President Russell M. Nelson fl-aħħar konferenza ġenerali ta’ Ottubru, “L-għan tal-Knisja ilu għal żmien twil li jassisti lill-membri kollha ħalli huma jkabbru l-fidi tagħhom f’Sidna Ġesù Kristu u fl-Att tal-Fidwa Tiegħu, li tassistihom fil-patti li huma jagħmlu ma’ Alla u tgħinhom iżommuhom, u li ssaħħaħ u tissiġilla l-familji.”20 Minħabba f’hekk, huwa enfasizza s-sinifikat tal-patti tat-tempju, li nqaddsu s-Sabbath, u li kuljum niffesteġġjaw permezz tal-evanġelju, iċċentrat madwar id-dar u ssapportjat minn kurrikulu ta’ studju integrat fil-knisja. Aħna rridu nkunu nafu dwar il-Mulej, u rridu nsiru nafu lill-Mulej.21

Fi sforz mill-aktar bażiku biex nibnu Sijon hemm il-ġabra tal-poplu tal-patt tal-Mulej li ilu ħafna mxerred mad-dinja.22 “Aħna nemmnu fil-ġabra reali ta’ Iżrael u fir-restawrazzjoni tal-Għaxar Tribujiet.”23 Dawk kollha li jindmu, jemmnu fi Kristu u jitgħammdu huma l-poplu tal-patt.24 Il-Mulej Innifsu bassar li qabel ir-ritorn Tiegħu, l-evanġelju se jkun imxandar mad-dinja kollha25 “biex jiġbor flimkien lill-poplu Tiegħu li hu mid-dar ta’ Iżrael,”26 “u mbagħad jiġi t-tmiem.”27 Il-profezija ta’ Ġeremija qed tiġi fis-seħħ.

“Għalhekk, Araw, ġejjin jiem, qal il-Mulej, meta ma jgħidux iżjed, Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, li tella’ ’l ulied Iżrael mill-art tal-Eġittu;

“Imma daqs kemm hu ħaj il-Mulej li tella’ lil ulied Iżrael mill-art tat-tramuntana u mill-artijiet kollha li fihom xerridhom: għax jiena nreġġagħhom lura fl-art li kont tajt lil missirijiethom.”28

Il-President Nelson ripetutament enfasizza li “il-ġabra ta’ Iżrael hija l-aktar ħaġa importanti li qed isseħħ illum fid-dinja. M’hawn xejn li tista’ tqabblu magħha fil-kobor, xejn li tista’ tqabblu magħha fl-importanza, xejn li tista’ tqabblu magħha fil-majestà. U jekk din hija l-għażla tagħkom, … intom tistgħu tkunu part importanti minnha.”29 Il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem minn dejjem kienu poplu missjunarju. Mijiet ta’ eluf wieġbu għas-sejħa li jservu missjoni mill-bidu tar-Restawrazzjoni ‘l hawn; għexieren ta’ eluf qed iservu bħalissa. U kif għadu kif għallimna l-Presbiteru Quentin L. Cook, ilkoll kemm aħna nistgħu nipparteċipaw b’mod sempliċi u naturali, b’imħabba, nistiednu lil ħaddieħor biex jingħaqad magħna fil-knisja, jew jiġi fi djarna, isir parti miċ-ċirku tagħna. Il-pubblikazzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon kien is-sinjal li l-ġabra bdiet.30 Il-Ktieb ta’ Mormon innifsu huwa l-istrument tal-ġabra u l-konverżjoni.

Importanti ħafna wkoll għat-tħejjija għat-Tieni Miġja huwa l-isforz kbir ta’ fidwa f’isem l-antenati tagħna. Il-Mulej wiegħed li jibgħat lil Elija l-profeta qabel it-Tieni Miġja, “jum il-Mulej u jum il-biża’,”31 biex “jiżvela … is-Saċerdozju” u “jiżra’ f’qalb l-ulied il-wegħdiet li saru lill-missirijiet.”32 Elija ġie kif kien imwiegħed. Id-data kienet it-3 ta’ Apri, 1836; il-post kien it-Tempju ta’ Kirtland. F’dan il-post u f’dak il-mument, huwa fil-fatt ikkonferixxa dan is-saċerdozju mwiegħed, l-imfietaħ għall-fidwa tal-mejtin u s-siġill tal-koppji (bħala raġel u mara) u tal-familji tul il-ġenerazzjonijiet kollha taż-żmien u tul l-eternità kollha.33 Mingħajru, l-għan tal-ħolqien jisfaxxa fix-xejn, u f’dak is-sens, id-dinja tiġi misħuta jew “tinqered għal kollox.”34

Waqt id-devozzjonali għaż-żgħażagħ li saret qabel id-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Ruma, l-Italja, mijiet ta’ żgħażagħ li kienu preżenti wrew lill-President Nelson il-kards li huma kienu ħejjew bl-ismijiet tal-antenati tagħhom. Huma kienu lesti biex jidħlu t-tempju biex iwettqu magħmudijiet f’isem dawk l-antenati wara li jinfetaħ. Kien mument ta’ sodisfazzjon kbir, madankollu kien eżempju wieħed biss tal-isforz mgħaġġel biex nistabbilixxu Sijon għall-ġenerazzjonijiet li ġew qabilna.

Hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nibnu Sijon, inkluż il-parti tagħna fil-ġabra tal-magħżulin tal-Mulej u l-fidwa tal-mejtin, aħna għandna nieqfu għal ftit ħin u niftakru li din hi l-ħidma tal-Mulej u huwa Hu li qed iwettaq dan. Huwa Sid l-għalqa, u aħna l-qaddejja Tiegħu. Hu jitlobna biex naħdmu fl-għalqa bil-qawwa tagħna kollha għal din “l-aħħar darba,” u Huwa jaħdem magħna.35 Probabbilment inkun aktar preċiż jekk ngħid li Hu jippermettilna li naħdmu Miegħu. Kif qal Pawlu, “Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar.”36 Huwa Hu li qed iħaffef il-ħidma Tiegħu fi żmienha.37 Billi juża l-isforzi ċertament imperfetti tagħna—“il-ħwejjeġ żgħar” tagħna—il-Mulej iġib fis-seħħ ħwejjeġ kbar.38

Din l-aħħar dispensazzjoni mill-aktar importanti qed tkompli tikber sakemm tilħaq il-kulminu tagħha, jiġifieri—Sijon fid-dinja, li tingħaqad ma’ Sijon mis-smewwiet fir-ritorn glorjuż tas-Salvatur. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu hija kkummissjonata li tħejji—u tinsab tħejji—id-dinja għal dak il-jum. U għalhekk, f’ dan iż-żmien tal-Għid, ejjew niċċelebraw il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu u dak kollu li dan ifisser għaż-żmien li ġej: ir-ritorn Tiegħu biex isaltan għal elf sena ta’ paċi, ġudizzju ġust u ġustizzja perfetta għal kulħadd, immortalità għal dawk kollha li qatt għexu f’din id-dinja, u l-wegħdiet ta’ ħajja eterna. Il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu hija l-akbar assigurazzjoni li kollox se jseħħ b’mod ġust. Ejjew ilkoll naħdmu lejn il-bini ta’ Sijon biex naraw li dak il-jum jasal malajr kemm jista’ jkun. F’isem Ġesù Kristu, amen.