2010-2019
Għażlu Illum
Ottubru 2018


Għażlu Illum

Il-kobor tal-ferħ etern tagħna jiddependi jekk aħna nagħżlux lil Alla l-ħaj u jekk aħniex lesti ningħaqdu Miegħu fil-ħidma Tiegħu.

Il-karattru fittizju ta’ Mary Poppins huwa nenì tipika Ingliża—li inzertat li kellha l-qawwa li tagħmel ħwejjeġ maġiċi.1 Hija kienet kapaċi ttir mar-riħ biex tkun tista’ tmur tgħin lill-membri tal-familja Banks, familja b’ bosta problemi, li kienu joqogħdu f’ numru 17, Sqaq Cherry Tree, ġewwa Londra fi żmien ir-Re Dwardu. Hija tiġi mitluba biex tieħu ħsieb it-tfal, Jane u Michael. B’ mod sod iżda ġentili, hija bdiet tgħallimhom ċerti lezzjonijiet prezzjużi b’ mod mill-aktar uniku u maġiku.

Jane u Michael bdew jagħmlu progress konsiderevoli, iżda Mary iddeċidiet li kien wasal iż-żmien li hi ma tibqax aktar magħhom. Fil-produzzjoni ta’ fuq il-palk, Bert, il-ħabib ta’ Mary li jnaddaf iċ-ċmieni, jipprova jipperswadiha biex ma titlaqx. L-argument tiegħu ikun, “Iżda jidhru tfal twajbin, Mary.”

Mary twieġbu, “Kieku kont se naħli ħini magħhom kieku ma kenux? Iżda jiena ma nistax ngħinhom jekk huma ma jħallunix, u l-aktar nies diffiċli biex tgħallimhom huma dawk it-tfal li jafu kollox.”

Bert jistaqsi, “Allura?”

Mary twieġeb, “Għalhekk jeħtieġ li huma jkomplu jitgħallmu mingħajr l-għajnuna tiegħi.”2

Ħuti, bħal Jane u Michael Banks, aħna “tfal twajbin” li jixirqilna li jkun hawn minn jagħti kasna. Missierna tas-Smewwiet irid jgħinna u jberikna, iżda aħna mhux dejjem inħalluh. Xi kultant, aħna anke ġieli naġixxu bħallikieku diġà nafu kollox. U aħna wkoll neħtieġu li “inkomplu nitgħallmu” weħidna. Huwa għalhekk li aħna tlaqna mid-dar primortali, id-dar ċelestjali u ġejna hawn fid-dinja. Parti “mit-tagħlim tagħna” jinvolvi li aħna nagħmlu ċerti għażliet.

L-għan ta’ Missierna tas-Smewwiet bħala ġenitur mhuwiex li jwassal lil uliedu biex jagħmlu dak li hu tajjeb; hu li jwassal lil uliedu biex jagħżlu li jagħmlu dak li hu tajjeb u ultimament isiru bħalu. Jekk l-għan Tiegħu kien li aħna sempliċiment inkunu ubbidjenti, Huwa seta’ uża sistema ta’ premjijiet u kastigi immedjati biex jinfluwenza l-imġieba tagħna.

Iżda Alla mhux interessat li uliedu jiġu mħarrġa u jsiru sempliċiment “pets” ubbidjenti li ma joqogħdux igerrmu l-karkur tiegħu fis-salott ċelestjali.3 Le, Alla jrid li wliedu jikbru spiritwalment u jingħaqdu Miegħu fin-negozju tal-familja.

Alla stabbilixxa pjan li permezz tiegħu aħna nistgħu nsiru werrieta fis-saltna Tiegħu, fit-triq tal-patt li twassalna biex insiru nixbhuh aktar, biex ikollna t-tip ta’ ħajja li għandu Hu, u biex ngħixu għal dejjem bħala familji fil-preżenza Tiegħu.4 L-għażla personali tagħna kienet—u għadha—importanti ħafna għall-pjan tiegħu, liema pjan aħna tgħallimna dwaru fl-eżistenza primortali tagħna. Aħna aċċettajna l-pjan u għażilna li niġu hawn fid-dinja.

Biex Hu jiżgura li aħna nkunu nistgħu neżerċitaw il-fidi u nitgħallmu nużaw sewwa l-għażla ħielsa tagħna, moħħna ġie mgħotti permezz ta’ velu biex aħna ma nibqgħux niftakru l-pjan ta’ Alla. Mingħajr dak il-velu, l-għanijiet ta’ Alla ma setgħux iseħħu għaliex aħna ma konniex inkunu nistgħu navvanzaw u nsiru l-werrieta li jista’ jafda fina, kif iridna nkunu Hu.

Il-profeta Leħi qal, “Għalhekk, il-Mulej Alla ta lil bniedem l-opportunità li huwa jista’ jagħżel għalih innifsu. Għalhekk, il-bniedem jista’ jagħżel għalih innifsu biss jekk huwa jiġi mħajjar minn wieħed jew mill-ieħor.”5 F’ livell fundamentali, l-ewwel għażla hija rappreżentata minn Ġesù Kristu, l-Ewwel Wild tal-Missier. L-għażla l-oħra hija rappreżentata minn Satana, Luċifru, li jrid jeqred l-għażla ħielsa tagħna u jkollu s-setgħa f’ idejh.6

F’ Ġesù Kristu, “aħna għandna avukat mal-Missier.”7 Wara li wettaq is-sagrifiċċju Tiegħu tal-fidwa, Ġesù tela’ s-sema … biex jikseb mingħand il-Missier id-drittijiet tiegħu tal-ħniena li huwa għandu għal ulied il-bnedmin.” U, wara li kiseb id-drittijiet tal-ħniena, “huwa ddefenda l-kawża ta’ wlied il-bnedmin.”8

Id-difiża ta’ Kristu mal-Missier f’ isimna mhijiex waħda kontradittorja. Ġesù Kristu, li ppermetta li r-rieda Tiegħu tiġi kkunsmata fir-rieda tal-Missier,9 ma kienx lest jissapportja xi ħaġa li l-Missier ma kienx iridha. Missierna tas-Smewwiet mingħajr ebda dubju jifraħ bis-suċċessi kollha tagħna u jfaħħarhom.

Id-difiża ta’ Kristu hi, almenu parzjalment, li jfakkarna li Huwa ħallas għal dnubietna u li ħadd mhu eskluż milli jilħaq il-ħniena ta’ Alla.10 Lil dawk li jemmnu f’ Ġesù Kristu, jindmu, jitgħammdu, u jibqgħu sodi sat-tmiem—proċess li jwassal għar-rikonċiljazzjoni11—lilhom is-Salvatur jaħfer, ifejjaq, u jiddefendi. Huwa Dak li lilna jgħinna, ifarraġna, u jiddefendina—Hu jafferma u jissapportja r-rikonċiljazzjoni tagħna ma’ Alla.12

B’ kuntrast qawwi għal dan, Luċifru hu akkużatur u prosekutur. Ġwanni r-Rivelatur iddeskriva d-disfatta aħħarija ta’ Luċifru: “U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid, Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, u s-Saltna ta’ Alla tagħna, u s-setgħa tal-Messija tiegħu.” Għalfejn? Għaliex “twaddab ‘il barra dak li jixli ‘l ħutna, li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna. U huma ħarġu rebbieħa fuqu permezz tad-demm tal-Ħaruf u bis-saħħa tal-kelma li xehdu.”13

Luċifru hu dak li lilna jixlina. Huwa tkellem kontrina fl-eżistenza primortali, u hu jkompli jiddenunzjana f’ din il-ħajja. Huwa jipprova jiġbidna ‘l isfel. Huwa jrid li aħna nesperjenzaw gwaj bla tmiem. Huwa dak li lilna jgħidilna li aħna m’aħniex adegwati, dak li jgħidilna li aħna m’aħniex tajbin biżżejjed, dak li jgħidilna li m’hemmx rimedju għall-iżball. Huwa l-akbar buli, dak li jagħtina bis-sieq meta aħna nkunu ninsabu mal-art.

Jekk Luċifru kellu jkun qed jgħallem tifel jimxi u t-tifel jitfixkel u jaqa’ mal-art, huwa jibda jgħajjat mat-tifel, jikkastigah, u jgħidlu biex ma jkomplix jipprova. Il-mod ta’ Luċifru jwassal għall-iskoraġġiment u d-disperazzjoni—eventwalment u dejjem. Dan missier il-gideb huwa l-akbar proveditur tal-falsità14 u b’ makakkerija hu jaħdem biex iqarraq bina u jiddistruġġina, “għax huwa jara x’ jagħmel biex il-bnedmin kollha jkunu miżerabbli bħalu.”15

Jekk Kristu kellu jkun qed jgħallem tifel jimxi u t-tifel jitfixkel u jaqa’ mal-art, huwa jgħin lit-tifel iqum, u jħeġġu biex jagħmel pass ieħor.16 Kristu huwa dak li lilna jgħinna u jikkonslana. Il-mod Tiegħu iġibilna l-ferħ u t-tama—eventwalment u dejjem.

Il-pjan ta’ Alla jinkludi li lilna jagħtina ċerti direzzjonijiet, li fl-iskrittura nirreferu għalihom bħala kmandamenti. Dawn il-kmandamenti la huma xi sett regoli indispensabbli u lanqas xi ġabra arbitrarja ta’ liġijiet imposti fuqna li l-għan tagħhom hu biss li jħarrġuna nkunu ubbidjenti. Huma jissapportjawna biex aħna niżviluppaw il-kwalitajiet divini li hemm ġewwa fina, jgħinuna nerġgħu lura għand Missierna tas-Smewwiet u nirċievu ferħ bla tmiem. L-ubbidjenza lejn il-kmandamenti Tiegħu mhijiex waħda għamja; aħna konxjament nagħżlu lil Alla u t-triq Tiegħu li twassalna lura d-dar. Il-mudell tagħna huwa l-istess mudell li mxew warajh Adam u Eva, fejn “Alla tahom il-kmandamenti, wara li wriehom il-pjan tal-fidwa.”17 Minkejja li Alla jridna nibqgħu fit-triq tal-patt, Huwa lilna jagħtina d-dinjità li nagħżlu.

Verament, Alla jixtieq, jistenna u jidderieġi b’ tali mod li kull wieħed u waħda minn uliedu nagħmlu din l-għażla għalina infusna. Huwa ma jisfurzaniex. Permezz tad-don tal-għażla ħielsa, Alla jippermetti lil uliedu “li huma jaġixxu minn rajhom u mhux xi ħadd jaġixxi f’ isimhom.”18 L-għażla ħielsa tippermettilna jekk nagħżlux jew le li nimxu fit-triq. Tippermettilna jekk noħorġux jew le mit-triq. Bl-istess mod li aħna ma nistgħux niġu sfurzati biex nobdu, aħna ma nistgħu niġu sfurzati biex ma nobdux. Ħadd ma jista’, mingħajr il-kooperazzjoni tagħna stess, joħroġna mit-triq. (Issa, hawn m’aħniex nirreferu għal dawk li l-għażla ħielsa tagħhom ġiet miċħuda lilhom. Huma ma jinsabux mitlufa; huma fil-fatt vittmi. Huma jirċievu l-għarfien, l-imħabba u l-kompassjoni ta’ Alla.)

Iżda meta aħna noħorġu ‘l barra mit-triq, Alla jitnikket minħabba fina għaliex Huwa jaf li dan eventwalment, iżda dejjem, iwassal għal anqas ferħ u biex aħna nitilfu ċerti barkiet. Fl-iskrittura, li wieħed joħroġ ‘il barra mit-triq nirreferu għalih bħala dnub, u dak li jirriżulta f’ nuqqas ta’ ferħ u telfien ta’ barkiet nirreferu għalih bħala kastig. F’ dan is-sens, Alla ma jkunx Hu li qed jikkastigana; il-kastig huwa konsegwenza tal-istess għażliet tagħna, mhux Tiegħu.

Meta aħna niskopru li nkunu ħriġna ‘l barra mit-triq, aħna nistgħu nagħżlu jew li nibqgħu fuq in-naħa ta’ barra, jew inkella, grazzi għall-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, nistgħu nagħżlu li nduru lura u nerġgħu nidħlu fit-triq it-tajba. Fl-iskrittura, il-proċess li aħna niddeċiedu li ninbidlu u nerġgħu lura fit-triq it-tajba nirreferu għalih bħala l-indiema. Jekk aħna nagħżlu li ma nindmux ikun ifisser li aħna nkunu qed nagħżlu li niskwalifikaw ruħna mill-barkiet li Alla jixtieq jagħtina. Jekk aħna “m’aħniex lesti ngawdu dak li aħna stajna nirċievu,” aħna “nerġgħu lura … fejn jixirqilna, biex hemm ingawdu dak li aħna għażilna li nirċievu”19—l-għażla tagħna, mhux t’ Alla.

Ilna kemm ilna ‘l barra mit-triq it-tajba jew tbiegħdna kemm tbiegħdna lil hinn mit-triq, il-mument li fih aħna niddeċiedu li ninbidlu, Alla jgħinna nerġgħu lura.20 Mill-perspettiva ta’ Alla, jekk aħna sinċerament nindmu u nibqgħu mexjin ‘il quddiem b’ fidi soda fi Kristu, ġa la darba aħna nkunu ninsabu lura fit-triq, aħna nkunu qisna bħallikieku aħna qatt ma konna ħriġna minnha.21 Is-Salvatur iħallas għal dnubietna u jeħlisna min-nuqqas imminenti ta’ ferħ u ta’ barkiet. Fl-iskrittura dan nirreferu għalih bħala l-maħfra. Wara l-magħmudija, il-membri kollha jiżolqu xi ftit tul it-triq—xi wħud minna anke nispiċċaw ngħoddsu xi waħda. Għalhekk, li aħna neżerċitaw il-fidi f’ Ġesù Kristu, li nindmu, li nirċievu l-għajnuna mingħandu, u li niksbu l-maħfra, dawn kollha mhumiex xi avvenimenti ta’ darba iżda huma proċess tul ħajjitna, proċess li huwa wieħed ripetittiv u iterattiv. Dan hu l-mod kif aħna nistgħu “nibqgħu sodi sat-tmiem.”22

Jeħtieġ li aħna nagħżlu lil min irridu nservu.23 Il-kobor tal-ferħ etern tagħna jiddependi jekk aħna nagħżlux lil Alla l-ħaj u jekk ninsabux lesti li ningħaqdu Miegħu fil-ħidma Tiegħu. Hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex “inkomplu nitgħallmu” weħdina, aħna nipprattikaw kif għandna nużaw sewwa l-għażla ħielsa tagħna. Kif qalu tnejn li kienu Presidenti Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, aħna m’għandniex inkunu “trabi li neħtieġu lil min joqgħod imellisna u jikkoreġina l-ħin kollu.”24 Le, Alla jridna nsiru adulti maturi li kapaċi mmexxu lilna nfusna.

Li nagħżlu li nimxu wara l-pjan tal-Missier huwa l-uniku mod kif aħna nistgħu nsiru werrieta fis-saltna Tiegħu; huwa biss jekk nagħmlu dan li Huwa jkun jista’ jafdana li aħna mhux sejrin nitolbuh xi ħaġa li tmur kontra r-rieda Tiegħu.25 Iżda jeħtieġ li aħna niftakru li “l-aktar nies diffiċli biex tgħallimhom huma dawk it-tfal li jafu kollox.” Għalhekk jeħtieġ li aħna nkunu lesti li niġu mgħallmin fil-mod tal-Mulej mill-Mulej innifsu u mill-qaddejja Tiegħu. Aħna nistgħu nħossuna ċerti li aħna wlied maħbubin ta’ Missierna tas-Smewwiet26 u “jixirqilna li jkun hawn minn jagħti kasna” u għandna nkunu nafu wkoll li “aħna stess” qatt ma tfisser “weħidna.”

Flimkien mal-profeta Ġakobb fil-Ktieb ta’ Mormon, jiena ntenni:

“Għalhekk, ifirħu u ftakru li intom ħielsa li taġixxu għalikom infuskom—li tagħżlu t-triq tal-mewt ta’ dejjem jew it-triq tal-ħajja eterna.

“Għalhekk, għeżież ħuti, irrekonċiljaw ruħkom mar-rieda ta’ Alla, u mhux mar-rieda tax-xitan … ; u ftakru, wara li intom tirrekonċiljaw ruħkom ma’ Alla, huwa biss fil-grazzja u permezz tal-grazzja ta’ Alla li intom tiġu salvati.”27

Għalhekk, agħżlu l-fidi fi Kristu; agħżlu l-indiema; agħżlu li tkunu mgħammdin u tirċievu l-Ispirtu s-Santu; agħżlu li kuxjenzjożament titħejjew għas-sagrament u tieklu u tixorbu minnu b’ mod den; agħżlu li tagħmlu l-patti fil-tempju; u agħżlu li taqdu lil Alla l-ħaj u lil uliedu. L-għażliet tagħna jiddeterminaw min aħna u min se nsiru.

Se nagħlaq bil-kumplament tal-barka ta’ Ġakobb: “Għalhekk, jalla Alla jqajjimkom mill- … mewt ta’ dejjem bil-qawwa tal-att tal-fidwa, biex intom tkunu tistgħu tiġu milqugħin fis-saltna eterna ta’ Alla.”28 F’ isem Ġesù Kristu, amen.