2010-2019
Midruba
Ottubru 2018


Midruba

Fil-borma kbira tal-ħajja mimlija sfidi, jekk aħna nibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-paċenzja, u bl-għajnuna tal-qawwa tal-fejqan tas-Salvatur aħna niksbu d-dawl, l-għarfien, il-paċi, u t-tama.

Fit-22 ta’ Marzu, 2016, ftit qabel it-tmienja ta’ filgħodu, żewġ bombi terroristiċi splodew ġewwa l-Ajruport ta’ Brussel. Il-Presbiteru Richard Norby, il-Presbiteru Mason Wells, u l-Presbiteru Joseph Empey kienu ħadu lil Sister Fanny Clain sal-ajruport biex hija taqbad ajruplan għall-missjoni tagħha ġewwa Cleveland, Ohio. Tnejn u tletin ruħ tilfu ħajjithom, u l-missjunarji kollha ġew midruba.

L-aktar li ndarab serjament kien il-Presbiteru Richard Norby, ta’ 66 sena, li kien qed iservi flimkien ma’ martu, Sister Pam Norby.

Il-Presbiteru Norby irrifletta dwar dak il-mument:

“Minnufih, jien fhimt x’ kien ġara.

“Jiena ppruvajt niġri lil hinn mill-periklu, iżda immedjatament waqajt mal-art. … Stajt nara li sieqi x-xellugija kienet intlaqtet ħażin ħafna. Innutajt bħal nugrufun iswed, bħallikieku xi għanqbuta, nieżel minn idejja t-tnejn. Jiena ppruvajt nimsħu bil-mod, iżda ndunajt li ma kienx nugrufun iżda l-ġilda tiegħi li kienet inħarqet. Il-qmis bajda tiegħi bdiet issir ħamra riżultat ta’ ferita fuq dahri.

“Hekk kif bdejt nifhem sewwa x’ kien għadu kemm ġara, f’ moħħi feġġ ħsieb mill-aktar ċar: … is-Salvatur kien jaf jien fejn kont, x’ kien għadu kif ġara u x’kont qed nesperjenza f’ dak il-mument.”1

Immaġni
Richard Norby f’ koma indotta

Il-futur ma kienx se jkun wieħed faċli għal Richard Norby u għal martu, Pam. Huwa tqiegħed f’ koma indotta, u l-jiem ta’ wara kienu kkaratterizzati minn operazzjonijiet, infezzjonijiet u inċertezza kbira.

Richard Norby baqa’ ħaj, iżda ħajtu ma baqgħetx aktar l-istess. Sentejn u nofs wara, il-ġrieħi tiegħu għadhom ma fiqux għal kollox; il-parti li huwa tilef minn siequ ġiet sostitwita minn bust ortopediku; kull pass huwa differenti mill-passi li hu kien jieħu qabel dak li seħħ fl-Ajruport ta’ Brussel.

Immaġni
Richard u Pam Norby

Għalfejn dan kellu jiġri sewwasew lil Richard u Pam Norby?2 Huma minn dejjem kieku leali lejn il-patti tagħhom, kienu anke qdew missjoni oħra qabel ġewwa l-Kosta tal-Ivorju u rabbew familja meraviljuża. Tifhem li xi ħadd jaf jgħid, “Hija inġusta! Mhux sew! Huma kienu qed jiddedikaw ħajjithom għall-evanġelju ta’ Ġesù Kristu; kif jista’ jkun jiġri dan?”

Din Hi l-Mortalità

Minkejja li d-dettalji huma differenti, it-traġedji, l-isfidi u l-provi tal-ħajja li ma nkunux qed nistennew, kemm dawk fiżiċi kif ukoll dawk spiritwali, jolqtu lil kull wieħed u waħda minna peress li din hija l-mortalità.

Hekk kif dalgħodu jiena bdejt nikkontempla dwar il-kelliema f’ din is-sezzjoni tal-konferenza, irrealizzajt li anke sempliċiment fis-sezzjoni waħda tal-lum, tnejn minnhom tilfu lil xi ħadd minn uliedhom u tlieta minnhom tilfu neputijiet li bla mistenni reġgħu lura fid-dar tagħhom fis-smewwiet. Ħadd minnhom ma ġie eżentat mill-mard u n-niket, u kif intqal diġà, din il-ġimgħa stess, anġlu miexja fl-art li aħna lkoll inħobbu, Sister Barbara Ballard, għaddiet bil-ħlewwa kollha għan-naħa l-oħra tal-velu. President Ballard, aħna mhu ħa ninsew qatt it-testimonjanza li inti tajt dalgħodu.

Aħna nfittxu l-ferħ. Aħna nixtiequ l-paċi. Aħna nittamaw li ssaltan l-imħabba. U l-Mulej jixħet fuqna abbundanza meraviljuża ta’ barkiet. Iżda flimkien mal-ferħ u l-hena, hemm ħaġa li hi ċerta: se jkun hemm mumenti, sigħat, jiem, u xi kultant snin meta ruħkom tindarab.

L-iskrittura tgħallem li aħna se nduqu kemm il-morr kif ukoll il-ħelu3 u li se jkun hemm “oppożizzjoni f’ kollox.”4 Ġesù qal, “Missierkom italla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.”5

Il-ġrieħi tar-ruħ mhumiex esklussivi biss għall-għonja jew għall-foqra, għal xi kultura waħda partikolari, xi ġens wieħed partikolari jew xi ġenerazzjoni waħda partikolari. Huma jolqtuna lkoll u huma parti mit-taħriġ u t-tagħlim li aħna nirċievu f din l-esperjenza mortali.

It-Twajbin mhumiex Eżentati

Il-messaġġ tiegħi llum huwa indirizzat speċjalment lejn dawk li jinsabu jżommu l-kmandamenti ta’ Alla, iżommu l-wegħdiet ta’ Alla, u, bħan-Norbys u bosta rġiel, nisa u tfal oħra f’ din l-udjenza dinjija jinsabu jħabbtu wiċċhom ma’ ċerti sfidi mill-aktar diffiċli li qatt ma kienu qed tistennew.

Il-ġrieħi tagħna jafu huma riżultat ta’ xi diżastru naturali jew xi aċċident sfortunat. Jafu huma l-effett ta’ xi raġel jew mara li fiż-żwieġ ma onorawx il-fedeltà tagħhom, fejn lil marthom jew lil żwieġhom u lil uliedhom qallbulhom ħajjithom ta’ taħt fuq. Il-ġrieħi jafu huma riżultat tad-dalma u l-qtigħ il-qalb tad-dipressjoni, tas-sofferenza u l-mewt prematura ta’ xi ħadd li aħna nħobbu, talli xi membru tal-familja ċaħad il-fidi tiegħu jew tagħha, tas-solitudni li intom tħossu meta ċ-ċirkustanzi ma jwasslukomx biex ikollkom is-sieħeb etern jew is-sieħba eterna tagħkom, jew riżultat ta’ xi mitt sitwazzjoni oħra ta’ niket u ta’ “[swied il-qalb] li l-ebda għajn ma tista’ tara.”6

Aħna lkoll nifhmu li d-diffikultajiet huma parti mill-ħajja, iżda meta lilna jolqtuna personalment, jafu jaħsduna bil-kbir. Mingħajr ma nallarmaw ruħna, jeħtieġ li aħna nkunu preparati. L-Appostlu Pietru qal, “Tistagħġbux għax tinsabu fil-forġa qalila tan-nar, li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom, bħallikieku ġratilkom xi ħaġa mhux tas-soltu.”7 Flimkien mal-kuluri vivaċi tal-ferħ u l-hena, il-ħajt skur tal-isfidi u t-traġedji jinsab minsuġ fil-qalba tal-arazzi tal-pjan ta’ Missierna. Dan it-taqbid, minkejja diffiċli, ħafna drabi jsir l-akbar għalliem tagħna.8

Meta aħna nirrakkuntaw l-istorja mirakoluża tal-2,060 suldat żagħżugħ ta’ Ħilaman, aħna nieħdu gost naqraw b’ mod partikolari din l-iskrittura: “Skont it-tjubija ta’ Alla, u b’ għaġeb kbir għalina, kif ukoll minħabba l-ferħ tal-armata kollha tagħna, l-ebda wieħed minnhom ma nqered.”

Iżda s-sentenza tkompli: “Iżda ma kien hemm ħadd fosthom li ma ġarrabx għadd ta’ ġrieħi.”9 Kull wieħed mill-2060 irċieva bosta ġrieħi, u kull wieħed u waħda minna se nindarbu fil-battalja tal-ħajja, fiżikament jew spiritwalment jew mit-tnejn.

Ġesù Kristu Huwa s-Samaritan it-Tajjeb Tagħna

Qatt taqtgħu qalbkom—huma kemm huma fondi l-ġrieħi tagħkom, hu x’inhu s-sors tagħhom, ġraw fejn ġraw u ġraw meta ġraw, u jippersistux għal żmien twil jew qasir, l-intenzjoni żgur mhijiex li intom tinqerdu spiritwalment. Il-pjan hu li intom tkomplu għaddejjin spiritwalment u tiffjorixxu fil-fidi u l-fiduċja tagħkom f’ Alla.

Alla ma ħoloqx l-ispirti tagħna biex ikunu indipendenti minnu. Il-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, permezz tar-rigal inkalkulabbli tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, mhux biss isalvana mill-mewt u joffrilna, permezz tal-indiema, il-maħfra minn dnubietna, iżda Huwa jinsab lest li jsalvana min-niket u l-uġigħ tar-ruħ midruba tagħna.10

Immaġni
Is-Samaritan it-Tajjeb

Is-Salvatur huwa s-Samaritan it-Tajjeb tagħna,11 mibgħut “biex ifejjaq lil dawk ta’ qalb miksura.”12 Huwa jieqaf ħdejna meta ħaddieħor jibqa’ sejjer. B’ kompassjoni, Huwa jpoġġi l-balzmu Tiegħu tal-fejqan fuq il-ġrieħi tagħna u jinfaxxahomna. Huwa jġorrna. Huwa jimpurtah minna. Huwa joffrilna, “Ejjew għandi … u jiena nfejjaqkom.”13

“U Ġesù għandu … isofri kull tip ta’ uġigħ, tbatija u tentazzjoni … sabiex … hu jkun jista’ jieħu fuqu l-uġigħ u l-mard tal-poplu tiegħu. … jieħu fuqu s-sofferenza tagħna, għaliex huwa mimli ħniena.”14

Ejjew, intom l-imnikktin, intom minn fejn intom;

Ejjew lejn it-tron tal-ħniena, inxteħtu quddiemu b’ mod ferventi.

Ġibu hawn il-qalb imġarrba tagħkom; hawnhekk iftħu qalbkom.

Fid-dinja m’hemm l-ebda niket li s-sema ma tistax tfejqu.15

F’ mument ta’ sofferenza enormi, il-Mulej qal lill-Profeta Joseph, “Dan kollu se jagħtik l-esperjenza, u se jkun għall-aħjar tiegħek.”16 Kif inhu possibbli li l-ġrieħi kollha wġigħ ikunu għall-aħjar tagħna? Fil-borma kbira tal-ħajja mimlija sfidi, jekk aħna nibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-paċenzja, u bl-għajnuna tal-qawwa tal-fejqan tas-Salvatur aħna niksbu d-dawl, l-għarfien, il-paċi u t-tama.17

Qatt Taqtgħu Qalbkom

Itolbu b’ qalbkom kollha. Saħħu l-fidi tagħkom f’ Ġesù Kristu, fir-realtà Tiegħu, u fil-grazzja Tiegħu. Ibqgħu żommu ma’ kliemu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.”18

Tiftakru, l-indiema hija mediċina spiritwali mill-aktar effettiva.19 Żommu l-kmandamenti u kunu denji li jkollkom magħkom il-Farràġ, billi tiftakru f’ dak li wiegħed is-Salvatur, “Ma nħallikomx iltiema: Nerġa’ niġi għandkom.”20

Il-paċi tat-tempju hija balzmu li jtaffi l-uġigħ li tħoss ir-ruħ imġarrba. Erġgħu lura f’ dar il-Mulej b’ qalb imġarrba u ħudu magħkom l-ismijiet tal-familja tagħkom. It-tempju jipproġetta l-mument qasir tagħna fil-mortalità fuq l-iskrin il-kbir tal-eternità.21

Jekk tħarsu lura, ftakru li fl-istat primortali tagħkom intom urejtu li intom denji . Intom ulied qalbiena ta’ Alla, u bl-għajnuna Tiegħu, intom tistgħu tirbħu l-battalji ta’ din id-dinja mitlufa. Intom dan diġà rnexxielkom tagħmluh, u jista’ jirnexxielkom għal darb’oħra.

Ħarsu ‘l quddiem. L-inkwiet u n-niket tagħkom huwa mill-aktar reali, iżda mhux se jibqa’ għal dejjem.22 Il-lejl mudlam tagħkom għad jgħaddi, għaliex “L-Iben … qam mill-imwiet bil-fejqan f’ ġwinħajh.”23

In-Norbys qaluli, “Minn żmien għall-ieħor jiġi jżurna d-diżappunt iżda m’għandna qatt inħalluh jibqa’ magħna.”24 L-Appostlu Pawlu qal, “Aħna ninsabu magħfusin … iżda m’aħniex mgħattnin; aħna mħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin mal-art, iżda m’aħniex meqrudin.”25 Intom tafu tħossukom eżawriti, iżda araw qatt taqtgħu qalbkom.26

Minkejja l-ġrieħi kollha wġieħ tagħkom, intom istintivament tistgħu tgħinu lil ħaddieħor, hekk kif tafdaw fil-wegħda tas-Salvatur: “min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.”27 Il-midruba li jdewwu l-ġrieħi tal-oħrajn huma l-anġli ta’ Alla fid-dinja.

Ftit mumenti oħra, aħna sejrin nisimgħu lill-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, bniedem ta’ fidi kbira f’ Ġesù Kristu, bniedem ta’ tama u paċi, maħbub minn Alla iżda mhux eżentat mill-ġrieħi tar-ruħ.

Fl-1995, bintu Emily, li kienet qed tistenna tarbija, ħarġilha l-kanċer. Kien żmien ta’ tama u ferħ hekk kif hija welldet it-tarbija b’ saħħitha tagħha. Iżda l-kanċer reġa’ ġie jżurha, u l-għażiża tagħhom Emily għaddiet minn din il-ħajja ġimgħatejn biss wara li għalqet 37 sena, fejn ħalliet warajha lir-raġel maħbub tagħha u lill-ħames uliedhom ċkejknin.

Immaġni
Il-President Nelson jitkellem fl-1995

Fil-konferenza ġenerali, ftit wara li hija għaddiet minn din il-ħajja, il-President Nelson qal: “Flimkien mad-dmugħ ta’ niket ħassejt ukoll ix-xewqa li jien stajt għamilt aktar għat-tifla tagħna. … Kieku jiena kelli l-qawwa tal-qawmien mill-imwiet, żgur kont naqa’ fit-tentazzjoni li nipprova nġibha lura. … [Iżda] Ġesù Kristu jħaddan dawk l-imfietaħ u sejjer jużahom għal Emily … u għan-nies kollha fiż-żmien li jagħżel il-Mulej.”28

Immaġni
Il-President Nelson fil-Puerto Rico

Ix-xahar li għadda, meta huwa kien qed iżur lill-Qaddisin ġewwa l-Puerto Rico, u beda jitkellem dwar l-uragan mill-aktar devastanti tas-sena l-oħra, il-President Nelson tkellem b’ imħabba u kompassjoni:

“Din hija parti mill-ħajja. Għalhekk aħna ninsabu hawn. Ninsabu hawn biex ikollna ġisem u niġu ppruvati u ttestjati. Xi wħud minn dawn it-testijiet huma fiżiċi; oħrajn huma spiritwali, u l-isfidi li intom esperjenzajtu kienu kemm fiżiċi kif ukoll spiritwali.”29

“Intom ma qtajtux qalbkom. Aħna kburin bikom. Intom Qaddisin fidili li verament tliftu tant f’ ħajjitkom, iżda qalb dan kollu, intom rawwimtu l-fidi tagħkom fil-Mulej Ġesù Kristu.”30

“Jekk aħna nżommu l-kmandamenti ta’ Alla, aħna nistgħu nsibu l-ferħ anke qalb l-aktar ċirkustanzi diffiċli ta’ ħajjitna.”31

Għad Jixxuttalkom Kull Demgħa

Għeżież ħuti, hija l-wegħda tiegħi lilkom li jekk intom tkabbru l-fidi tagħkom fil-Mulej Ġesù Kristu, intom tiksbu qawwa akbar u jkollkom fikom aktar tama. Għalikom, il-fidili, il-Fejjieq ta’ ruħna żgur, fil-ħin Tiegħu u bil-mod Tiegħu, sejjer ifejjaq il-ġrieħi tagħkom kollha.32 L-ebda inġustizzja, l-ebda persekuzzjoni, l-ebda sfida, l-ebda niket, l-ebda uġigħ il-qalb, l-ebda sofferenza, l-ebda ġerħa—fonda kemm hi fonda u kbira kemm hi kbira, u li qed tikkawżalkom kemm tikkawżalkom uġigħ—mhu se tiġi eskluża mill-faraġ, mill-paċi u t-tama dejjiema ta’ Dak li d-dirgħajn miftuħa u l-idejn imġarrba Tiegħu sejrin jilqgħuna lura fil-preżenza Tiegħu. F’ dak il-jum, l-Appostlu Ġwanni jixhed, li l-ġusti “li ġejjin mit-taħbit il-kbir”33 sejrin jieqfu “bl-ilbiesi twal bojod … quddiem it-tron ta’ Alla.” Il-Ħaruf “se jgħammar fostna … u Alla jixxuttalkom kull demgħa minn għajnejkom.”34 Dak il-jum se jasal żgur. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Korrispondenza personali, 26 ta’ Jannar, 2018.

  2. Waqt konverżazzjoni li jiena kelli ma’ Richard Norby, aktar kmieni din is-sena, huwa qalli, “Aħna naġixxu skont dak jiġi mogħti lilna.” Huwa qasam magħna dan il-kliem mid-djarju tiegħu: “L-isfidi li niffaċċjaw aħna lkoll jagħtuna l-opportunità u l-privileġġ li nkunu nafu aħjar lis-Salvatur u nifhmu f’ aktar dettall is-sagrifiċċju tiegħu tal-fidwa. Fih aħna nafdaw. Lilu aħna nfittxu. Fuqu aħna niddependu. Fih aħna għandna l-kunfidenza. Lilu aħna nħobbu b’ qalbna kollha, mingħajr ebda riserva. Is-Salvatur sofra l-uġigħ fiżiku u emozzjonali kollu li hu parti mill-mortalità. Huwa jtaffilna l-uġigħ tagħna. Huwa jassorbi n-niket tagħna.”

  3. Ara Doctrine and Covenants 29:39.

  4. 2 Nephi 2:11.

  5. Mattew 5:45.

  6. “Lord, I Would Follow Thee,” Hymns, nu. 220.

  7. 1 Pietru 4:12.

  8. “Nippruvawhom ħalli naraw jekk jagħmlux dak kollu li jitlobhom jagħmlu l-Mulej Alla tagħhom” (Abraham 3:25; ara wkoll Doctrine and Covenants 101:4–5).

  9. Alma 57:25.

  10. Wieħed ħabib tiegħi kitibli: “Battalja ta’ kważi ħames snin mad-‘dalma u s-sofferenza’ emozzjonali, fi gradi differenti, tittestjalek il-limitu tal-abbiltà tiegħek, tar-rieda tiegħek li tibqa’ għaddej, u tal-fidi u l-paċenzja tiegħek. Wara jiem ta’ ‘sofferenza,’ inti tgħejja. Wara ġimgħat ta’ ‘sofferenza’ into tħossok eżawrit. Wara xhur ta’ ‘sofferenza,’ inti tibda tiddgħajjef. Wara snin ta’ ‘sofferenza,’ inti tissottometti ruħek għall-possibbiltà li inti qatt mhu se tħossok aħjar. It-tama ssir l-aktar don prezzjuż u elużiv fost id-doni kollha. F’ kelma waħda, ma nafx kif kien se jirnexxieli nibqa’ għaddej waqt din l-isfida kieku ma kienx għas-Salvatur. Din hi l-unika spjegazzjoni. Ma nistax nispjega kif jiena naf dan ħlief li hekk hu. Bis-saħħa Tiegħu, irnexxieli nibqa’ għaddej.”

  11. Ara Luqa 10:30-35.

  12. Luqa 4:18; ara wkoll Isaija 61:1.

  13. 3 Nephi 18:32.

  14. Alma 7:11–12. “Huwa ċċekken aktar minn kulħadd biex ikun jista’ jifhem lil kulħadd” (Duttrina u Patti 88:6).

  15. “Come, Ye Disconsolate,” Hymns, nu. 115.

  16. Doctrine and Covenants 122:7.

  17. “Intom tafu l-kobor ta’ Alla; u hu se jikkonsagra s-sofferenza tagħkom għall-gwadann tagħkom ” (2 Nephi 2:2). “Jien naf li kull min jafda f’ Alla se jiġi megħjun fl-isfidi tiegħu, fl-inkwiet tiegħu u fis-sofferenza tiegħu, u se jiġi mgħolli ‘l fuq fl-aħħar jum” (Alma 36:3).

  18. 2 Korintin 12:9.

  19. Ara Neil L. Andersen, “The Joy of Becoming Clean,” Ensign, Apr. 1995, 50–53.

  20. Ġwanni 14:18.

  21. “Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin” (1 Korintin 15:19).

  22. Fl-ewwel vers tal-Ktieb ta’ Mormon, Nefi spjega li “fil-mixja ta’ ħajti jiena ħabbatt wiċċi ma’ bosta sofferenza” (1 Nephi 1:1). Aktar tard, Nefi qal, “Madankollu, jiena ħarist lejn Alla tiegħi, u lilu jien faħħart il-jum kollu; u ma qgħadtx ingerger kontra l-Mulej minħabba s-sofferenza tiegħi” (1 Nephi 18:16).

  23. 3 Nephi 25:2.

  24. Korrispondenza personali, 26 ta’ Jannar, 2018.

  25. 2 Korintin 4:8-9.

  26. Il-President Hugh B. Brown, waqt li kien qed iżur Iżrael, ġie mistoqsi għalfejn Abraham ġie mitlub biex jissagrifika lil ibnu. Huwa wieġeb “Abraham kellu bżonn jitgħallem xi ħaġa dwar Abraham” (f’ Truman G. Madsen, Joseph Smith the Prophet [1989], 93).

  27. Mattew 16:25.

  28. Russell M. Nelson, “Children of the Covenant,” Ensign, Mejju 1995, 32.

  29. Russell M. Nelson, f’ Jason Swensen, “Better Days Are Ahead for the People of Puerto Rico,” Church News, 9 ta’ Sett., 2018, 4.

  30. Russell M. Nelson, f’ Swensen, “Better Days Are Ahead,” 3.

  31. Russell M. Nelson, f’ Swensen, “Better Days Are Ahead,” 4.

  32. Ara Russell M. Nelson, “Jesus Christ—the Master Healer,” Liahona, Nov. 2005, 85-88.

  33. Rivelazzjoni 7:14.

  34. Ara Rivelazzjoni 7:13, 15, 17.