2010-2019
Il-Ħuġġieġa ta’ Fidi Tagħna
Ottubru 2018


Il-Ħuġġieġa ta’ Fidi Tagħna

Għal dawk li jfittxuha, u jagħtuha ċ-ċans u jaħdmu għaliha, is-sebħ tal-fidi, kultant ftit ftit, għad tasal u tista’ terga’ tasal.

Għeżież ħuti, mhijiex verament xi ħaġa meraviljuża li aħna nistgħu nirċievu rivelazzjoni kontinwa mis-smewwiet permezz tal-President Russell M. Nelson u l-mexxejja tagħna tal-Knisja li jistednuna biex ngħixu b’ mod aktar ġdid u qaddis,1 kemm fid-dar kif ukoll fil-knisja, b’ qalbna kollha, b’ moħħna kollu u bil-qawwa tagħna kollha?

Intom qatt kellkom l-opportunità li twettqu xi ħaġa li ma ħassejtukomx preparati jew adegwati biżżejjed għaliha iżda intom ġejtu mberkin talli ppruvajtu?

Jiena ġieli ħassejtni hekk. Ħa nagħtikom eżempju.

Ftit tas-snin ilu, il-Presbiteru Richard G. Scott, membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, ġentilment stedinni, “Gerrit, trid tiġi miegħi ħalli noqogħdu npinġu flimkien bl-akkwarell?”

Il-Presbiteru Scott qal li t-tpinġija kienet tgħinnu josserva u jikkrea. Huwa kiteb: “Ipprova kun kreattiv anke jekk ir-riżultat ikun wieħed modest. … Il-kreattività tista’ toħloq spirtu ta’ gratitudni għall-ħajja u għal dak li l-Mulej għoġbu jbierkek bih. … Jekk inti tagħżel b’ għaqal, dan ma joħodlokx ħafna ħin.”2

Il-President Henry B. Eyring iddeskriva l-meditazzjonijiet artistiċi tiegħu bħala meditazzjonijiet motivati minn “sentimenti ta’ mħabba,” inkluż “l-imħabba ta’ Ħallieq li jistenna li uliedu jsiru bħalu—li joħolqu u jibnu.”3 Ix-xogħlijiet kreattivi tal-President Eyring jipprovdu “perspettiva unika u spiritwali dwar it-testimonjanza u l-fidi.”4

Ix-xogħol tal-arti tal-President Boyd K. Packer juri fih messaġġ tal-evanġelju fundamentali: “Alla huwa l-Ħallieq tas-sema u l-art u ta’ kull ħaġa li tinsab fihom, li n-natura kollha tagħti xhieda ta’ dak il-ħolqien imfassal b’ mod divin, u li hemm armonija sħiħa bejn in-natura, ix-xjenza u l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.”5

Alma jixhed, “Kollox juri li hemm Alla.”6 It-tfal tagħna tal-Primarja jkantaw, “Kull meta nisma’ l-għanja ta’ għasfur jew inħares lejn is-sema blu blu, … jiena kuntent li ninsab ngħix f’ din id-dinja daqstant sabiħa li Missierna tas-Smewwiet ħoloq għalija.”7 L-Awtur Victor Hugo jiċċelebra “ir-relazzjonijiet mirakolużi bejn il-ħlejjaq u l-affarijiet tal-madwar; f’ din id-dinja ineżawribbli, mix-xemx sal-iċken nemlu. … L-għasafar kollha li jtiru għandhom fihom parti mid-divinità. … Nebula hija bħal bejta kwiekeb.”8

U dan jirreferina lura għall-istedina tal-Presbiteru Scott.

“Presbiteru Scott,” weġibt jiena, “Jiena nixtieq nitgħallem nosserva aħjar u nkun aktar kreattiv. Jiena verament nimmeravilja ruħi meta nimmaġina lil Missierna tas-Smewwiet ipinġi s-sħab immewweġ u s-sema u l-baħar bi lwien differenti. Iżda”—u hawn jiena waqaft għal pawsa twila —“Presbiteru Scott,” għidtlu jien, “Jiena m’inix kapaċi bl-akkwarell. Ninkwieta li se tkun verament diffiċli li tipprova tgħallimni.”

Il-Presbiteru Scott tbissem u rranġa biex aħna niltaqgħu flimkien. Dak in-nhar li kellna niltaqgħu huwa ħejja l-karti, iż-żebgħa u l-pniezel. Huwa fassal ftit linji u għeni nxarrab il-karta.

Immaġni
Ħuġġieġa fi Nżul ix-Xemx

Bħala mudell użajna l-pittura bl-akkwarell tiegħu bl-isemĦuġġieġa fi Nżul ix-Xemx. Hekk kif aħna konna qed inpinġu, bdejna nitkellmu dwar il-fidi—kif meta aħna nesperjenzaw id-dawl u s-sħana tal-ħuġġieġa, aħna ninsew għal kollox id-dalma u l-inċertezza—kif xi kultant, waqt l-iljieli twal u solitarji, il-ħuġġieġa ta’ fidi tagħna tista’ twasslilna t-tama u l-assigurazzjoni. U sewwasew jisbaħ jum ġdid. Il-ħuġġieġa ta’ fidi tagħna—il-memorji, l-esperjenzi u l-wirt ta’ fidi tagħna fit-tjubija u l-ħniena ta’ Alla f’ ħajjitna—ikunu saħħewna tul il-lejl.

It-testimonjanza tiegħi hi—li dawk li jfittxuha, jagħtuha ċ-ċans u jgħixu għaliha—huma jesperjenzaw jew jerġgħu jħossu fihom mill-ġdid is-sebħ tal-fidi, u xi kultant dan iseħħ b’ mod gradwali. Id-dawl ifeġġ meta aħna nixtiquh u nfittxuh, meta aħna nkunu paċenzjużi u ubbidjenti lejn il-kmandamenti ta’ Alla, meta aħna nkunu lesti li naċċettaw il-grazzja, il-fejqan u l-patti ta’ Alla.

Hekk kif aħna bdejna npinġu, il-Presbiteru Scott ħeġġiġni, “Gerrit, anke wara sempliċiment lezzjoni waħda inti se tkun kapaċi tpinġi xi ħaġa li tkun tixtieq iżżommha u tibqa’ tiftakarha.” Sew kien qalli l-Presbiteru Scott. Jiena għadni ngħożż l-akkwarell tal-ħuġġieġa ta’ fidi tagħna li l-Presbiteru Scott għenni npitter. L-abbiltà artistika tiegħi kienet u tibqa’ waħda limitata, iżda t-tifkira tal-ħuġġieġa ta’ fidi tagħna tista’ tħeġġiġna b’ ħames modi.

L-ewwel, il-ħuġġieġa ta’ fidi tagħna tista’ tħeġġiġna biex insibu l-ferħ f’ kreattività xierqa.

Verament insibu l-ferħ meta aħna nimmaġinaw, nitgħallmu u nagħmlu ħwejjeġ ġodda u xerqa. Dan hu speċjalment minnu hekk kif aħna nkabbru l-fidi u l-fiduċja tagħna f’ Missierna tas-Smewwiet u f’ Ibnu, Ġesù Kristu. Aħna ma nistgħux inħobbu lilna nfusna biżżejjed li naslu biex nifdu lilna nfusna. Iżda Missierna tas-Smewwiet iħobbna aktar u jafna aħjar milli nħobbu u nafu lilna nfusna aħna stess. Aħna nistgħu nafdaw fil-Mulej u ma niddependux fuq l-għarfien tagħna.9

Intom ġieli kontu l-uniċi nies li ma ġejtux mistednin għal xi riċeviment ta’ xi ħadd?

Intom qatt kontu l-aħħar nies li ġejtu magħżulin meta jiġu magħżulin it-tìmijiet jew saħansitra ma ġejtu magħżulin xejn?

Intom qatt preparajtu rwieħkom għal xi eżami tal-iskola, jew għal xi intervista għal xi impjieg, jew għal xi opportunità li ma ridtux titilfu—u wara ħassejtukom li fallejtu?

Intom qatt tlabtu għal xi relazzjoni li, għal xi raġuni jew oħra, ma rnexxietx?

Intom qatt ħabbattu wiċċkom ma’ xi marda kronaka, qatt ġejtu abbandunati mill-mara jew mir-raġel tagħkom, jew ħassejtukom imnikktin għall-familja?

Is-Salvatur tagħna jaf sew x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna. Hekk kif aħna neżerċitaw l-għażla ħielsa mogħtija lilna minn Alla u ningaġġaw il-fakultajiet kollha tagħna b’ umiltà u fidi, is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, ikun jista’ jgħinna niffaċċjaw l-isfidi u l-ferħ tal-ħajja. Il-fidi tinkludi x-xewqa u l-għażla li temmnu. Il-fidi tasal ukoll meta aħna nobdu l-kmandamenti ta’ Alla, li Huwa jagħtina biex iberikkna, hekk kif aħna nimxu fit-triq tal-patt Tiegħu.

Meta aħna ħassejna lilna nfusna inċerti, jew qed inħossuna inċerti, weħidna, frustrati, irrabjati, iddiżappuntati, jew ‘il bogħod minn Alla u l-Knisja rrestawrata Tiegħu, jista’ jkun li aħna nkunu neħtieġu xi ftit aktar sforz u fidi biex inkunu nistgħu nerġgħu nidħlu lura fit-triq tal-patt Tiegħu. Iżda ibqgħu ċerti li dan kollu se jkun vallapena! Jekk jogħġobkom ejjew, jew erġgħu lura għand il-Mulej Ġesù Kristu! L-imħabba ta’ Alla hija aktar b’ saħħitha mill-ktajjen tal-mewt—kemm il-mewt temporali kif ukoll dik spiritwali.10 L-Att tal-Fidwa tas-Salvatur tagħna huwa infinit u etern. Ilkoll kemm aħna jaf ikollna xi dubji u nafu niżolqu xi ftit. Jista’ jkun li aħna, għal xi żmien, nitilfu triqtna. B’ imħabba, Alla jassigurana, inkunu ninsabu fejn ninsabu u nkunu għamilna x’ għamilna, illi qatt ma huwa tard wisq. Huwa jkun jinsab jistenniena biex iħaddanna miegħu.11

It-tieni, il-ħuġġieġa ta’ fidi tagħna tista’ tħeġġiġna biex nimministraw b’ modi aktar innovattivi, ogħla u aktar qaddisa mimlijin bl-Ispirtu.

Dan il-ministeru jwassal għall-mirakli u l-barkiet tar-rabta tal-patt—fejn aħna nħossu fina l-imħabba ta’ Alla u nfittxu li nimministraw lill-oħrajn f’ dak l-ispirtu.

M’ilux wisq, jien u Sister Gong sirna midħla ta’ wieħed missier u l-familja tiegħu li ġew imberkin permezz ta’ wieħed raġel fidil li jħaddan is-saċerdozju li mar għand l-isqof u staqsieh jekk hu (dan ir-raġel li jħaddan is-saċerdozju) setax ikun is-sieħeb ta’ dan il-missier fit-tagħlim tad-dar. Il-missier ma kienx attiv u ma kienx jinteressah mit-tagħlim tad-dar. Iżda hekk kif seħħet bidla f’ qalbu, dan il-missier flimkien ma’ dak ir-raġel twajjeb li jħaddan is-saċerdozju bdew iżuru l-familji “tagħhom.” Wara waħda minn dawn iż-żjarat, martu—li hi stess ma kenitx tattendi l-knisja—staqsiet lil żewġha kif kienu sejrin l-affarijiet. Il-missier ammetta, “Jista’ jkun li ħassejt xi ħaġa ġo fija”—imbagħad mar fil-kċina biex iġib birra.12

Iżda ħaġa wasslet għall-oħra: l-esperjenzi ħelwin, is-servizz tal-ministeru, il-bidla fil-qalb, il-klassi tat-tħejjija għat-tempju, l-attendenza fil-knisja, u l-issiġillar tagħhom bħala familja fit-tempju mqaddes. Immaġinaw kemm huma grati l-ulied u n-neputijiet għal missierhom u ommhom u għal dan is-sieħeb fil-ministeru li mar bħala ħabib u sieħeb ta’ missierhom biex jimministra u jħobb lill-oħrajn.

It-tielet inkuraġġiment tal-ħuġġieġa ta’ fidi: il-ferħ u l-barkiet kreattivi tal-evanġelju niksbuhom meta aħna nfittxu li nħobbu lill-Mulej u lill-oħrajn b’ qalbna kollha u ruħna kollha.

L-iskrittura tistedinna biex noffru dak kollu li aħna bħalissa u dak li għad irridu nkunu fuq l-artal tal-imħabba u s-servizz. Fit-Testment il-Qadim, Dewteronomju jgħidilna biex “inħobbu lill-Mulej, Alla tagħna” b’ qalbna kollha, b’ ruħna kollha u bil-qawwa tagħna kollha.13 Ġożwè jħeġġiġna, “Ħobbu lill-Mulej, Alla tagħkom, … imxu fi triqatu kollha, …ħarsu l-kmandamenti tiegħu, … intrabtu miegħu, u … aqduh b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha.”14

Fit-Testment il-Ġdid, is-Salvatur tagħna ddikjara ż-żewġ kmandamenti l-kbar: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, … u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”15

Fil-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu, is-Sultan Benjamin ħadem “bil-qawwa kollha ta’ ġismu u bil-fakultà sħiħa ta’ ruħu” u ġab il-paċi fl-art.16 Fid-Duttrina u Patti, kif jaf kull missjunarju, il-Mulej jitlobna biex naqduh b’ “qalbna kollha, bis-setgħa tagħna kollha, b’ moħħna kollu u bil-qawwa tagħna kollha.”17 Meta l-Qaddisin daħlu ġewwa l-Kontea ta’ Jackson, il-Mulej ikkmandahom biex iqaddsu jum is-Sabbath, billi “tħobbu lill-Mulej, Alla tagħkom, b’qalbkom kollha, b’ saħħitkom kollha, b’moħħkom kollu, u bil-qawwa tagħkom kollha; u għandkom taqduh f’ isem Ġesù Kristu.”18

Aħna nifirħu fl-istedina li niddedikaw ħajjitna kollha biex infittxu modi ogħla u aktar qaddisa kif inħobbu lil Alla u nħobbu lil dawk ta’ madwarna u nsaħħu l-fidi tagħna f’ Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu ġewwa qalbna , ġo djarna u fil-knisja.

Ir-raba’, il-ħuġġieġa ta’ fidi tagħna tħeġġiġna biex nistabbilixxu drawwiet regolari ta’ għixien ġust li jsaħħu fina l-fidi u l-ispiritwalità.

Dawn l-osservanzi qaddisa, dawn ir-rutini xierqa jew id-drawwiet li nwettqu bl-għajnuna divina jistgħu jinkludu t-talb; l-istudju tal-iskrittura; is-sawm; li niftakru fis-Salvatur tagħna u fil-patti tagħna permezz tal-ordinanza tas-sagrament; li naqsmu l-barkiet tal-evanġelju mal-oħrajn permezz tas-servizz missjunarju, tas-servizz tat-tempju u l-istorja tal-familja, u servizz ieħor; billi nżommu djarju ta’ ħsibijiet personali; eċċetra.

Meta jingħaqdu ċerti drawwiet xierqa flimkien ma’ ċerti xewqat spiritwali, aħna nkunu qed nagħqdu flimkien il-ħajja u l-eternità. Id-dawl u l-ħajja spiritwali niksbuhom meta ċerta osservanza reliġjuża regolari tressaqna aktar viċin Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Meta aħna nibdew inħobbu kemm l-ispirtu tal-liġi kif ukoll l-għemejjel tal-liġi, il-ħwejjeġ tal-eternità jkunu jistgħu jinżlu fuq ruħna bħan-nida mis-sema.19 Permezz ta’ ubbidjenza regolari u tal-ilma ħaj u rifreskanti, aħna nsibu t-tweġibiet, il-fidi u l-qawwa li nilqgħu l-isfidi u l-opportunitajiet tagħna ta’ kuljum permezz tal-paċenzja, tal-perspettiva u tal-ferħ tal-evanġelju.

Il-ħames, hekk kif aħna nżommu l-aqwa drawwiet familjari li nistgħu nżommu filwaqt li nfittxu modi aktar ġodda u qaddisa kif inħobbu lil Alla u hekk kif ngħinu lilna nfusna u lil ħaddieħor fit-tħejjija tagħna biex niltaqgħu Miegħu, il-ħuġġieġa ta’ fidi tagħna tista’ tħeġġiġna sabiex niftakru li l-perfezzjoni tinsab biss fi Kristu, mhux fina nfusna jew fil-perfezzjoniżmu tal-dinja.

L-istedini ta’ Alla huma kollha mħabba u possibbiltà għaliex Ġesù Kristu huwa “it-triq, il-verità u l-ħajja.”20 Lil dawk li jinsabu jħossu ċertu toqol f’ ħajjithom, Huwa jistedinhom, “Ejjew għandi,” u lil dawk li jmorru għandu, Huwa jwiegħed, “Jiena nserraħkom.”21 “Ejjew għand Kristu u pperfezzjonaw ruħkom fih, … ħobbu lil Alla b’ saħħitkom kollha, b’ moħħkom kollu, u bil-qawwa tagħkom kollha, imbagħad il-grazzja tiegħu tkun suffiċjenti għalikom, li permezz tal-grazzja tiegħu intom tkunu tistgħu tiġu pperfezzjonati fi Kristu.”22

F’ din l-assigurazzjoni “permezz tal-grazzja tiegħu intom tkunu tistgħu tiġu pperfezzjonati fi Kristu” insibu wkoll il-faraġ, il-paċi u l-wegħda li aħna nistgħu nimxu ‘l quddiem b’ fidi u kunfidenza fil-Mulej anke meta l-affarijiet ma jmorrux kif nittamaw, kif nistennew jew inkella kif jistħoqqilna, minkejja li ma jkunx tort tagħna, saħansitra anke wara li nkunu għamilna l-almu tagħna kollu.

F’ ħinijiet varji u b’ modi diversi, aħna lkoll inħossuna inadegwati, inċerti, u xi kultant mhux denji biżżejjed. Madankollu fl-isforzi tagħna li nħobbu lil Alla u nimministraw lill-oħrajn, aħna nafu nħossu l-imħabba ta’ Alla u l-ispirazzjoni meħtieġa għal ħajjithom u għal ħajjitna b’ modi ġodda u aktar qaddisa.

B’ kompassjoni, is-Salvatur tagħna jħeġġiġna u jwegħidna li aħna nistgħu “nibqgħu mexjin ‘il quddiem b’ fidi soda fi Kristu, u billi jkollna dija perfetta ta’ tama, u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha.”23 Id-duttrina ta’ Kristu, l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur tagħna, u l-mixja tagħna b’ ruħna kollha fit-triq Tiegħu tal-patt jistgħu jgħinuna nsiru nafu l-veritajiet Tiegħu u finalment iwasslu għall-ħelsien tagħna.24

Jiena nixhed li l-milja tal-evanġelju Tiegħu u l-pjan Tiegħu ta’ ferħ huma rrestawrati u mgħallmin fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, fl-iskrittura mqaddsa u permezz tal-profeti mill-Profeta Joseph Smith sal-president Russell M. Nelson illum. Jiena nixhed li t-triq Tiegħu tal-patt twassal għall-akbar rigal li jwegħidna Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna: “Intom ikollkom il-ħajja eterna.”25

Jalla aħna niksbu l-barkiet Tiegħu u l-ferħ dejjiem hekk kif aħna nqawwu qlubna u t-tamiet u l-impenni tagħna fil-ħuġġieġa tagħna ta’ fidi, hija t-talba tiegħi fl-isem sagru u mqaddes ta’ Ġesù Kristu, amen.