2010-2019
Ejjew u Ismgħu l-Leħen ta’ Profeta
Ottubru 2018


Ejjew u Ismgħu l-Leħen ta’ Profeta

Hekk kif aħna nissolidifaw f’ ħajjitna d-drawwa li nisimgħu u nagħtu kas il-leħen tal-profeti ħajjin, aħna nkunu nistgħu ngawdu minn barkiet eterni.

Meta kien qed jitkellem dwar il-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, il-Mulej iddikjara:

“U wkoll, id-dmir tal-President tal-uffiċċju tas-Saċerdozju Għoli hu li jippresedi fuq il-knisja kollha, u jkun bħal Mosè—

“… Iva, ikun bassâr, rivelatur, traduttur u profeta, ikollu d-doni kollha ta’ Alla li hu jixħet fuq il-mexxej tal-knisja” (Doctrine and Covenants 107:91–92; enfażi miżjuda).

Jiena ġejt imbierek billi rajt b’ għajnejja xi wħud mid-doni ta’ Alla fuq il-profeti Tiegħu. Tippermettuli naqsam magħkom waħda minn dawn l-esperjenzi sagri? Qabel ma’ jien ġejt imsejjaħ fis-sejħa li għandi bħalissa, jiena kont nassisti fl-identifikazzjoni u r-rakkomandazzjoni tas-siti futuri għat-tempji. Wara l-11 ta’ Settembru, 2001, żdied il-kontroll biex wieħed jaqsam il-fruntieri tal-Istati Uniti. B’ riżultat ta’ dan, ħafna membri kienu jdumu xi sagħtejn jew tlieta biex jaqsmu minn Vancouver, il-Kanada, ħalli jmorru fit-Tempju ta’ Seattle, Washington. Il-President Gordon B. Hinckley, il-President tal-Knisja ta’ dak iż-żmien, issuġġerixxa li tempju ġewwa Vancouver kien żgur iwassal biex ibierek lill-membri tal-Knisja. Ġie awtorizzat li ssir tfittxija għal sit, u wara li aħna eżaminajna għadd ta’ propjetà li kienet tal-Knisja, investigajna wkoll xi siti oħra li ma kinux propjetà tal-Knisja.

Irnexxielna nsibu sit mill-isbaħ, li kellu diġa l-permess biex fuqu jinbeda bini reliġjuż, li kien ħdejn l-awtostrada ewlenija li taqsam il-Kanada min-naħa għall-oħra. Il-propjetà kellha aċċess eċċellenti, kienet imdawra b’għadd kbir ta’ siġar tal-arżnu Kanadiż, u kienet tgawdi minn pożizzjoni mill-aktar prominenti li setgħu jarawha eluf ta’ sewwieqa li jkunu għaddejjin mill-viċin.

Aħna ppreżentajna dan is-sit bl-istampi u l-mapep fil-laqgħa ta’ kull xhar tal-Kumitat tas-Siti tat-Tempji. Il-President Hinckley awtorizza li aħna norbtu s-sit b’ kuntratt u nagħmlu l-istudji neċessarji. F’ Diċembru ta’ dik is-sena, aħna rrapportajna lura lill-kumitat li l-istudji konna lestejniehom u konna qed nistennew l-approvazzjoni tagħhom biex inkunu nistgħu nixtru s-sit. Wara li sema’ r-rapport tagħna, il-President Hinckley qal, “Jiena nħoss li għandi niġi nara dan is-sit.”

Aktar tard dak ix-xahar, jumejn wara l-Milied, aħna tlaqna lejn Vancouver flimkien mal-President Hinckley; il-President Thomas S. Monson; u Bill Williams, perit tat-tempji. Aħna ltqajna ma’ Paul Christensen, il-president lokali tal-wited, li ħadna ħdejn is-sit. Dak inhar kienet ġurnata mċajpra b’ xita ħafifa, iżda l-President Hinckley ħareġ jiġri mill-karozza u beda jimxi madwar is-sit.

Wara li għaddejna xi ftit ħin mhux ħażin fuq is-sit, jiena staqsejt lill-President Hinckley jekk huwa riedx jara xi siti oħra li kienu ġew ikkunsidrati. Huwa qal li iva, hekk xtaq. Għax b’hekk, billi morna u tajna ħarsa lejn is-siti l-oħra, aħna stajna nqabblu l-virtujiet tagħhom.

Aħna dorna dawra mhux ħażin madwar Vancouver biex naraw il-propjetajiet l-oħra, fejn ultimament erġajna lura lejn is-sit oriġinali. Il-President Hinckley qal, “Dan huwa sit mill-isbaħ.” Imbagħad huwa staqsa, “Nistgħu mmorru ftit sad-dar tal-laqgħat tal-Knisja li tinsab xi kwart ta’ mil ‘il bogħod?”

“Dażgur, President,” weġibna aħna.

Aħna morna lura fil-karozzi u soqna lejn id-dar tal-laqgħat ftit ‘il bogħod minn fejn konna. Hekk kif aħna wasalna ħdejn il-kappella, il-President Hinckley qal, “Dur lejn ix-xellug.” Aħna dorna u komplejna nsuqu tul it-triq kif ġejna mitlubin. Aktar ma bdejna nsuqu, aktar bdejna nindunaw li t-triq kienet qisha telgħa.

Hekk kif il-karozza waslet fin-naħa ta’ fuq tat-triq, il-President Hinckley qal, “Ieqaf hawn bil-karozza, ieqaf hawn.” Imbagħad huwa pponta lejn biċċa art fuq il-lemin tagħna u qal, “X’ tgħiduli dwar din il-propjetà? Hawnhekk għandu jinbena t-tempju. Hawnhekk iridu l-Mulej it-tempju. Tistgħu tiksbuha din l-art? Tistgħu tiksbuha din l-art?”

Aħna ma konniex ħarisna lejn din il-propjetà. Kienet biċċa art ftit aktar ‘il bogħod mit-triq il-prinċipali u ma kenitx immarkata li kienet għall-bejgħ. Meta aħna weġibna li ma konniex nafu, il-President Hinckley reġa’ pponta lejn il-propjetà u reġa’ qal, “Hawnhekk għandu jinbena t-tempju.” Aħna qattajna ftit minuti hemmhekk u mbagħad tlaqna lejn l-ajruport biex nerġgħu lura d-dar.

L-għada, jien u Brother Williams konna mitlubin biex immorru fl-uffiċċju tal-President Hinckley. Huwa kien pinġa kollox fuq biċċa karta: it-toroq, il-kappella, ikser hawn lejn ix-xellug, X kienet turi l-post fejn kellu jiġi t-tempju. Huwa staqsiena x’ konna skoprejna. Aħna għidnielu li hu ma setax għażel propjetà aktar diffiċli minn dik. Is-sidien tagħha kienu tliet individwi: wieħed mill-Kanada, wieħed mill-Indja u l-ieħor miċ-Ċina! U ma kellhiex il-permessi meħtieġa għal bini reliġjuż.

“Mela, araw li tagħmlu l-aħjar li tistgħu,” qalilna hu.

Imbagħad seħħ miraklu. Wara ftit xhur aħna sirna s-sidien tal-propjetà, u aktar tard il-belt ta’ Langley, fil-British Columbia, ħarġet il-permess biex jinbena t-tempju.

Immaġni
It-Tempju ta’ Vancouver British Columbia

Hekk kif nirrifletti dwar din l-esperjenza, jiena nħossni nimtela bl-umiltà meta nirrealizza li filwaqt li jien u Brother Williams konna nippossedu ċerta edukazzjoni formali u snin sħaħ ta’ esperjenza fil-proprjetà u fid-disinn tat-tempji, il-President Hinckley ma kellu l-ebda taħriġ formali, iżda kellu xi ħaġa ferm akbar—id-don profetiku li jbassar. Huwa kien kapaċi jara fejn kellu jinbena t-tempju ta’ Alla.

Meta l-Mulej talab lill-Qaddisin tal-ewwel żminijiet f’ din id-dispensazzjoni biex jibnu tempju, Huwa ddikjara:

“Iżda araw li tinbena dar lil ismi skont il-mod kif se nurihom jiena.

“U jekk il-poplu tiegħi ma jibnihiex skont il-mod kif nurih jiena … , jiena ma naċċettahiex minn idejhom” (Doctrine and Covenants 115:14–15).

Dak li kien japplika għall-Qaddisin tal-ewwel żminijiet, għadu japplika għalina llum: il-Mulej żvela u jkompli jiżvela lill-President tal-Knisja il-mod li bih titmexxa s-saltna ta’ Alla fi żmienna. U, fuq livell personali, huwa jipprovdi gwida dwar kif ilkoll kemm aħna għandna mmexxu ħajjitna, sabiex il-kondotta tagħna tkun ukoll aċċettabbli għall-Mulej.

F’ April, 2013 jiena tkellimt dwar l-isforzi involuti meta nkunu qed inħejju l-pedament ta’ xi tempju biex niżguraw li huwa jkun jista’ jikkumbatti l-maltemp u d-diżastri li jista’ jkun suġġett għalihom. Iżda l-pedament huwa biss il-bidu. Tempju huwa magħmul minn diversi blokok, li jitpoġġew flimkien skont id-disinn imfassal minn qabel. Jekk ħajjitna għandha ssir it-tempju li kull wieħed u waħda minna qed nagħmlu l-almu tagħna li nibnu kif mitlubin mill-Mulej (ara 1 Korintin 3:16–17), aħna bir-raġun nafu nistaqsu lilna nfusna, “X’ blokok tal-bini għandna npoġġu biex ħajjitna tkun waħda sabiħa, majestuża u reżistenti għall-maltemp tal-dinja?”

Aħna nistgħu nsibu t-tweġiba ta’ din il-mistoqsija fil-Ktieb ta’ Mormon. Dwar dan il-ktieb prezzjuż Joseph Smith qal hekk, “Jiena għidt lill-aħwa li l-Ktieb ta’ Mormon hu l-aktar ktieb korrett fost il-kotba kollha fid-dinja, u l-ġebla tax-xewka tar-reliġjon tagħna, u li l-bniedem jersaq aktar viċin Alla jekk jobdi l-preċetti li hemm fih, milli kieku jimxi wara xi ktieb ieħor” (introduzzjoni għall-Ktieb ta’ Mormon). Fl-introduzzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon, aħna mgħallmin li “dawk li jiksbu xhieda divina mill-Ispirtu s-Santu [li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla] jsiru jafu wkoll bl-istess qawwa li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tad-dinja, li Joseph Smith huwa r-rivelatur Tiegħu u [l-profeta tar-Restawrazzjoni], u li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija s-saltna tal-Mulej mwaqqfa għal darb’oħra fid-dinja.”

Dawn għalhekk huma xi wħud mill-blokok li jibnu l-fidi u t-testimonjanza individwali tagħna:

  1. Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tad-dinja.

  2. Il-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma żvelata ta’ Alla.

  3. Il-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija s-saltna ta’ Alla fid-dinja.

  4. Joseph Smith huwa profeta, u aħna għandna profeti ħajjin fid-dinja llum.

F’ dawn l-aħħar xhur, jiena smajt kull diskors li l-President Nelson ta waqt kull konferenza ġenerali minn meta huwa ġie msejjaħ għall-ewwel darba bħala Appostlu. Dan l-eżerċizzju bidilli ħajti. Hekk kif jiena studjajt u xtarrejt 34 sena ta’ għerf akkumulat ta’ President Nelson, jiena stajt nara quddiemi ċerti temi ċari u konsistenti fit-tagħlim tiegħu. Kull waħda minn dawn it-temi hija relatata ma’ dawk il-blokok tal-bini li għadni kif semmejt jew inkella hija nnifisha hi waħda mill-blokok li jibnu t-tempji personali tagħna. Dawn il-blokok jinkludu l-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, l-indiema, il-magħmudija għall-maħfra tad-dnubiet, id-don tal-Ispirtu s-Santu, il-fidwa tal-mejtin u l-ħidma tat-tempju, li nqaddsu jum il-Ħadd, li jkollna viżjoni ċara ta’ dak li rridu nwettqu, u li nibqgħu fit-triq tal-patt. Il-President Nelson tkellem dwar dan kollu b’ imħabba u devozzjoni.

Il-ġebla tax-xewka u l-blokka ewlenija tal-Knisja u ta’ ħajjitna hu Ġesù Kristu. Din hi l-Knisja Tiegħu. Il-President Nelson huwa l-profeti Tiegħu. It-tagħlim tal-President Nelson jagħti xhieda u jiżvela għall-benefiċċju tagħna l-ħajja u l-karattru ta’ Ġesù Kristu. Huwa jitkellem b’ imħabba u b’ għarfien dwar in-natura tas-Salvatur u l-missjoni Tiegħu. Huwa wkoll qasam b’ mod frekwenti u ferventi t-testimonjanza tas-sejħa divina tal-profeti ħajjin—il-Presidenti tal-Knisja—li taħt it-tmexxija tagħhom aħna nservu.

Issa llum, huwa l-privileġġ tagħna li aħna nsostnu lilu bħala l-profeta ħaj tal-Mulej fid-dinja. Aħna mdorrijin insostnu l-mexxejja tal-Knisja permezz ta’ mod divin fejn ngħollu dirgħajna ‘l fuq biex nuru li aħna lesti naċċettawh u nissapportjawh. Għadna kif għamilna dan ftit tal-minuti ilu. Iżda l-veru vot ta’ sosteniment imur lil hinn mill-vot fiżiku tagħna. Kif hemm miktub fid- Duttrina u Patti 107:22, l-Ewwel Presidenza għandna tiġi “sostnuta permezz tal-kunfidenza, tal-fidi u tat-talb tal-knisja.” Aħna naslu biex nifhmu verament il-profeta l-ħaj hekk kif aħna niżviluppaw drawwa li nafdaw fi kliemu, li jkollna l-fidi li naġixxu skont l-istess kliemu u mbagħad nitolbu biex il-barkiet tal-Mulej jinxteħtu fuqu.

Meta jiena niftakar fil-President Russell M. Nelson, jiena nħossni nitfarraġ permezz ta’ kliem is-Salvatur meta Huwa qal, “U jekk in-nies tiegħi jisimgħu leħni, u leħen il-qaddejja tiegħi li jiena ħtart biex imexxu l-poplu tiegħi, araw, fis-sewwa ngħidilkom, huma qatt ma jiżvijjaw mill-post li jinsabu fih” (Doctrine and Covenants 124:45).

Li aħna nisimgħu u nagħtu kas dak li jgħidu l-profeti ħajjin iwassal biex dan iħalli effett profond f’ ħajjitna u saħansitra jasal biex jibdlilna l-istess ħajjitna. Aħna nissaħħu. Aħna nsiru aktar ċerti u kunfidenti fil-Mulej. Aħna nisimgħu l-kelma tal-Mulej. Aħna nħossu l-imħabba ta’ Alla. Aħna nsiru nafu kif għandna mmexxu ħajjitna b’ għan.

Jiena nħobb u nsostni lill-President Russell M. Nelson u lil oħrajn li ġew imsejħin bħala profeti, bassâra u rivelaturi. Jiena nixhed li hu għandu d-doni li l-Mulej xeħet fuqu, u jiena nixhed li hekk kif aħna nissolidifaw f’ ħajjitna d-drawwa li nisimgħu u nagħtu kas il-leħen tal-profeti ħajjin, ħajjitna tkun tista’ tinbena skont il-mudell li l-Mulej fassal għalina, u aħna nkunu nistgħu ngawdu minn barkiet eterni. Din hija stedina għal kull wieħed u waħda minna. Ejjew isimgħu leħen ta’ profeta; iva, ejjew għand Kristu u għixu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.