2010-2019
Insiru Rgħajja
Ottubru 2018


Insiru Rgħajja

Nittama li dawk li lilhom intom timministraw iħarsu lejkom bħala ħbieb u jirrealizzaw li fikom, huma għandhom xi ħadd li jista’ jiddefendihom u li jistgħu jafdaw fih.

Sena ilu, wieħed tifel tal-Primarja li jien iltqajt miegħu ġewwa ċ-Ċili verament ġabli tbissima fuq fommi. “Bonġu” qalli hu, “Jiena David. Fil-konferenza ġenerali tista’ titkellem dwari?”

Fi skiet, jiena bdejt nixtarr il-kliem xejn mistenni li David laqagħni bih. Ilkoll kemm aħna rridu li niġu rikonoxxuti. Irridu nkunu importanti, li ħadd ieħor jiftakar fina u jħobbna.

Ħuti, intom kollha importanti. Anke jekk ħadd ma jsemmikom waqt il-konferenza ġenerali, is-Salvatur jafkom u jħobbkom. Jekk m’intomx ċerti li dan hu minnu, kull m’għandkom tagħmlu hu li tikkontemplaw li Hu “naqqaxkom fuq il-keffa ta’ jdejh.”1

La nafu li s-Salvatur verament iħobbna, aħna nafu nistaqsu lilna nfusna, b’liema mod aħna nistgħu nuruh imħabbitna?

Is-Salvatur staqsa lil Pietru, “Tħobbni int … ?”

Pietru wieġeb, “Iva, Mulej, int taf li nħobbok. Huwa qallu, Irgħa l-ħrief tiegħi.”

Meta huwa ġie mistoqsi l-mistoqsija għat-tieni u t-tielet darba, “Tħobbni int?” Pietru, ħassu mnikket iżda xorta kkonferma l-imħabba tiegħu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok. Qallu Ġesù, Irgħa n-nagħaġ tiegħi.2

Pietru ma kienx wera diġà li huwa kien dixxiplu leali ta’ Kristu? Mill-ewwel laqgħa li huwa kellu miegħu ħdejn xatt il-baħar, hu “mill-ewwel” telaq ix-xbiek biex jimxi wara s-Salvatur.3 Pietru sar sajjied vera tal-bnedmin. Huwa akkumpanja lis-Salvatur waqt il-ministeru personali Tiegħu u għen biex jgħallem l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu lil ħaddieħor.

Iżda issa l-Mulej imqajjem mill-imwiet kien jaf li ma kienx se jkun aktar dejjem ħdejn Pietru, fejn joqgħod jurih kif u meta għandu jservi. Fin-nuqqas tas-Salvatur, Pietru kellu jfittex biex jiġi ggwidat mill-Ispirtu, kellu jirċievi r-rivelazzjoni għalih innifsu, u mbagħad kellu jkollu l-kuraġġ u l-fidi li jaġixxi. B’ attenzjoni speċjali fuq in-nagħaġ Tiegħu, is-Salvatur xtaq li Pietru jagħmel dak li seta’ jagħmel kieku Hu stess kien preżenti. Huwa talab lil Pietru biex isir ragħaj.

April li għadda, il-President Russell M. Nelson għamlilna stedina simili biex nirgħu n-nagħaġ ta’ Missierna b’ mod aktar qaddis u biex nagħmlu dan permezz tal-ministeru.4

Biex naċċettaw b’ mod effettiv din l-istedina, jeħtieġ li aħna niżviluppaw fina qalb ta’ ragħaj u nifhmu l-bżonnijiet tan-nagħaġ tal-Mulej. Għalhekk aħna kif nistgħu nsiru r-rgħajja li l-Mulej jeħtieġna nkunu?

Bħal kull mistoqsija oħra li jista’ jkollna, jeħtieġ li aħna nħarsu lejn is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu—ir-Ragħaj it-Tajjeb. Is-Salvatur kien jaf lin-nagħaġ kollha Tiegħu, Huwa kien iħarishom u huma kienu lkoll parti mill-merħla ta’ Alla.

Nafuhom

Hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur, aħna, l-ewwel, għandna nkunu nafu lin-nagħaġ Tiegħu u ninnumerawhom. Aħna ġejna assenjati ċerti individwi u familji speċifiċi biex nieħdu ħsiebhom biex inkunu żguri li dejjem ikun hemm xi ħadd li jieħu ħsieb lil kull nagħġa li hemm fil-merħla tal-Mulej u ħadd ma jkun minsi. Li aħna nkunu nafu lin-nagħaġ ifisser li aħna naraw li kull persuna tista’ tħoss l-imħabba tas-Salvatur permezz ta’ xi ħadd li jkun qed iservi f’ismu. B’ dan il-mod, kollha kemm huma jistgħu jagħrfu li Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna lilhom jafhom verament.

Immaġni
Is-Salvatur bil-ħaruf

M’ilux jiena ltqajt ma’ mara żagħżugħa li ġiet assenjata biex timministra lil waħda oħt li kienet kważi ħames darbiet akbar minnha. Flimkien huma skoprew li t-tnejn li huma jħobbu l-mużika. Meta din it-tfajla tmur iżżurha, huma t-tnejn iqattgħu ħin ikantaw xi kanzunetti favoriti tagħhom. Huma qed joħolqu bejniethom ħbiberija li tberikhom it-tnejn li huma.

Nittama li dawk li lilhom intom timministraw iħarsu lejkom bħala ħbieb u jirrealizzaw li fikom, huma għandhom xi ħadd li jistgħu jafdaw fih—xi ħadd li hu konxju taċ-ċirkustanzi tagħhom u li jissapportjahom fl-aspirazzjonijiet u t-tamiet tagħhom.

Riċentiment jiena rċevejt essajnment biex nimministra lil waħda oħt li la jiena u lanqas is-sieħba tiegħi ma konna nafu sew. Hekk kif jiena tkellimt ma’ Jess, is-sieħba tiegħi ta’ 16-il sena fil-ministeru, hija b’ għaqal issuġġeriet, “Jeħtieġ li aħna nsiru nafuha.”

Immaġni
Sister Cordon u s-sieħba tagħha fil-ministeru

Immedjatament aħna ddeċidejna li nibagħtulha messaġġ b’ ritratt tagħna u xi żewġ kelmiet biex nintroduċu lilna nfusna. Jiena żammejt il-mowbajl f’ idi u Jess għafset il-buttuna biex tiġbet ir-ritratt. L-ewwel opportunità tagħna fil-ministeru kien fil-fatt sforz ikkumbinat.

Fl-ewwel żjara tagħna, aħna staqsejna lil din oħtna jekk hemm xi ħaġa li nistgħu nitolbu f’isimha fit-talb tagħna. Hija qasmet magħna sfida mill-aktar personali li hija kellha u qaltilna li riedet li ninkluduha f’ talbna. L-onestà u l-kunfidenza tagħha wasslu biex f’ ħin qasir aħna niffurmaw rabta ta’ mħabba bejnietna. X’ privileġġ mill-isbaħ għalija li kelli l-opportunità li niftakar fiha kuljum fit-talb tiegħi.

Hekk kif intom titolbu, intom tħossu fikom l-imħabba ta’ Ġesù Kristu għal dawk li lilhom timministraw. Aqsmu dik l-imħabba magħhom. B’liema mod aħjar intom tistgħu tirgħu lin-nagħaġ Tiegħu milli tgħinuhom iħossu fihom l-imħabba Tiegħu—permezz tagħkom?

Ħarsuhom

It-tieni mod kif aħna nistgħu niżviluppaw qalb ta’ ragħaj hu billi nħarsu lin-nagħaġ Tiegħu. Bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna nistgħu nressqu, nirranġaw, insewwu u nibnu mill-ġdid kważi kollox. Aħna ma noqogħdux naħsbuha biex ngħinu lil dak li jkun jew biex neħdulhom xi platt gallettini. Iżda dan biżżejjed?

In-nagħaġ tagħna jafu verament li aħna ninsabu nħarsuhom b’ imħabba u li aħna lesti nkunu hemm biex ngħinuhom?

F’ Mattew 25 aħna naqraw:

“Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom … :

“Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni: …

“Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek ?

“Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek?”5

Ħuti, il-kelma ewlenija hija rajniek. It-twajbin jaraw lil dawk fil-bżonn għaliex huma jkunu qed iħarsuhom u jinnutawhom. Aħna wkoll nistgħu nżommu ħarsitna fuqhom biex inkunu nistgħu ngħinuhom u nfarrġuhom, biex niċċelebraw u saħansitra noħolmu magħhom. Kif aħna nagħmlu dan, aħna nkunu nistgħu nkunu ċerti mill-wegħda li nsibu f’ Mattew: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, … għamiltuh miegħi.”6

Immaġni
Is-Salvatur jindokra nagħġa

Ħabib tiegħi—li nistgħu nsejħulu John—qasam miegħi dak li jista’ jiġri meta aħna ma nintebhux bil-bżonnijiet anqas ovvji tal-oħrajn: “Waħda oħt fil-qasam tiegħi għamlet attentat ta’ suwiċidju. Wara xahrejn, jiena skoprejt li ħadd fil-kworum tiegħi ma kien mar iżur lir-raġel tagħha biex jindirizza din l-esperjenza trawmatika. Sfortunatament, dan kien jinkludi lili wkoll. Finalment, jiena stedint lir-raġel tagħha d-dar għall-ikel. Huwa kien raġel mistħi, kif ukoll xi ftit riservat. U madankollu meta jiena għidtlu, “Martek għamlet attentat ta’ suwiċidju. Nista’ nimmaġina minn xiex għaddejt. Triq nitkellmu ftit dwar dan?’ huwa nfaqa’ jibki quddiemi. Aħna kellna konverżazzjoni mill-aktar tenera u intima u fi ftit minuti żviluppat bejnietna ċerta ħbiberija u fiduċja meraviljuża.”

John kompla jgħid, “Naħseb li t-tendenza tagħna hi li mmorru bil-gallettini f’ idejna minflok ma’ naraw kif għandna niffaċċjaw dak il-mument b’ onestà u mħabba.”7

In-nagħaġ tagħna jafu qed iħossuhom imweġġgħin, mitlufin jew saħansitra jinsabu minn rajhom jiġġerrew lil hin mit-triq. Aħna nistgħu nisimgħu u nħobbu mingħajr ma noqogħdu niġġudikaw u noffru t-tama u l-għajnuna tagħna bil-gwida tal-Ispirtu s-Santu li tgħinna nagħrfu x’ azzjonijiet għandna nieħdu.

Ħuti, it-tama u l-ferħ jistgħu jkunu ferm aktar preżenti fid-dinja grazzi għall-għemejjel tat-tjubija mill-aktar ispirati li intom twettqu. Hekk kif intom tfittxu d-direzzjoni tal-Mulej dwar kif tistgħu twasslu l-imħabba Tiegħu lill-ħaddieħor u taraw il-bżonnijiet ta’ dawk li lilhom timministraw, għajnejnkom jinfetħu. L-essajnments sagri tagħkom tal-ministeru jagħtukom id-dritt divin li tirċievu l-ispirazzjoni. Intom tistgħu tfittxu din l-ispirazzjoni b’ kunfidenza.

Inġabru flimkien fil-Merħla ta’ Alla.

It-tielet, aħna rridu li n-nagħaġ tagħna jinġabru flimkien fil-merħla ta’ Alla. Biex nagħmlu dan, jeħtieġ li aħna nikkunsidraw fejn huma jinsabu bħalissa fit-triq tal-patt u nkunu lesti li nimxu magħhom fil-vjaġġ tagħhom ta’ fidi. Huwa privileġġ għalina li nsiru nafu x’hemm f’qalbhom u li nidderiġuhom lejn is-Salvatur tagħhom.

Immaġni
Nagħaġ mexjin wara r-Ragħaj it-Tajjeb

Sister Josivini mill-Fiji kellha diffikultà tara jekk hija kenitx tinsab miexja ‘l quddiem fit-triq tal-patt—letteralment. Il-ħabiba tagħha għarfet li Josivini kienet issibha diffiċli biex l-iskrittura taraha ċara biżżejjed li tkun tista’ taqraha. Lil Josivini pprovditilha nuċċali tal-qari ġdid kif ukoll lapes isfar jgħajjat biex timmarka l-kliem kollha li kellhom referenza għal Ġesù Kristu fil-Ktieb ta’ Mormon. Dak li beda bħala sempliċiment xewqa biex timministra u tgħinha fl-istudju tal-iskrittura rriżulta f’ Josivini tattendi t-tempju għall-ewwel darba—28 sena wara li hija tgħammdet.

Immaġni
Sister Josivini
Immaġni
Sister Josivini fit-tempju

Kemm jekk in-nagħaġ tagħna huma sodi jew dgħajfin, ferħanin jew imnikktin, aħna jeħtieġ naraw li ħadd ma jimxi waħdu. Aħna nistgħu nħobbuhom, jinsabu fejn jinsabu spiritwalment, u noffrulhom is-sapport u l-inkuraġġiment biex huma jagħmlu l-pass li jmiss ‘il quddiem. Hekk kif aħna nitlobu u nfittxu li nifhmu x’hemm f’ qalbhom, jiena nixhed li Missierna tas-Smewwiet imexxina u l-Ispirtu Tiegħu ikun magħna. Aħna jkollna l-opportunità li nkunu “anġli mdawrin magħhom” daqslikieku Huwa stess ikun jinsab quddiemhom8

Immaġni
Ir-Ragħaj it-Tajjeb man-nagħaġ Tiegħu.

Il-Mulej jistedinna biex nirgħu n-nagħaġ Tiegħu, biex nieħdu ħsieb il-merħla Tiegħu kif kieku jieħu ħsiebha Hu. Huwa jistedinna biex inkunu rgħajja ta’ kull ġens, ta’ kull pajjiż. (U iva, Presbiteru Uchtdorf, aħna nħobbuhom ukoll ir-rgħajja Ġermaniżi u għandna bżonnhom.) U Huwa jixtieq jara li ż-żgħażagħ Tiegħu jingħaqdu wkoll f’ din il-kawża.

Iż-żgħażagħ tagħna jistgħu jkunu fost l-aktar rgħajja qalbiena tagħna. Huma, kif qal il-President Russell M. Nelson, “fost l-aqwa li l-Mulej qatt bagħat f’ din id-dinja.” Huma “spirti nobbli,” u “l-aqwa plejers tagħna” li jimxu wara s-Salvatur.9 Tistgħu timmaġinaw il-qawwa li dawn it-tip ta’ rgħajja jġorru magħhom hekk kif huma jmorru jieħdu ħsieb in-nagħaġ Tiegħu? Jekk aħna nimministraw flimkien ma’ dawn iż-żgħażagħ, aħna naslu biex naraw il-meravilji.

Lilkom iż-żgħażagħ tfajliet u ġuvintur, aħna għandna bżonnkom! Jekk intom m’għandkom l-ebda essajnment biex timministraw, tkellmu mal-president tagħkom tas-Soċjetà tal-Għajnuna jew tal-kworum tal-presbiteri. Huma żgur jifirħu meta jaraw kemm intom tinsabu lesti biex issiru tafu n-nagħaġ Tiegħu, u li tieħdu ħsiebhom u tiġbruhom fil-merħla ta’ Alla.

Meta jasal il-jum li aħna ninżlu għarkupptejna f’ riġlejn il-maħbub Salvatur tagħna, wara li nkunu ħadnielu ħsieb il-merħla Tiegħu, jien nitlob li aħna nkunu nistgħu nwieġbu bħal Pietru: “Iva Mulej; int taf li nħobbok.”10 Dawn, in-nagħaġ Tiegħek, huma maħbuba, huma salvi, u jinsabu dar. F’ isem Ġesù Kristu, amen.