2010-2019
Titħawdu Xejn
Ottubru 2018


Titħawdu Xejn

Agħmlu l-kuraġġ, ħuti. Iva, aħna ninsabu ngħixu f’ żminijiet perikolużi, iżda hekk kif aħna nibqgħu mexjin fit-triq tal-patt, m’għandniex għalfejn nibżgħu.

Jiena nżid ix-xhieda tiegħi mal-messaġġi tal-President Russell M. Nelson u tal-Presbiteru Quentin L. Cook li huma taw ftit ħin ilu dwar l-armonija u l-unanimità tal-Kunsill tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Jiena naf li dan it-tħabbir rivelatorju huwa l-moħħ u r-rieda tal-Mulej u jwassal biex ibierek u jsaħħaħ l-individwi, il-familji u l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Xi snin ilu, waħda mit-tfal, mara żagħżugħa u miżżewġa, flimkien ma’ żewġha staqsew lili u lil Sister Rasband mistoqsija verament importanti li tista’ tinfluwenza lill-ħajja: “Taħseb li huwa sikur u għaqli li nġibu t-tfal f’ din id-dinja li ninsabu ngħixu fiha li aktar ma jmur aktar qed tidher bħala waħda mimlija ħażen u tal-biżà?”

Issa, dik kienet mistoqsija mill-aktar importanti li aħna bħala ġenituri jeħtieġ li nikkunsidraw kif se nwieġbu lill-għeżież ulied miżżewġin tagħna. Stajna ninnotaw il-biża’ f’ leħinhom u nħossu l-biża’ f’ qalbhom. It-tweġiba li aħna tajniehom b’ mod mill-aktar ferm kienet “Iva, altru li hekk hu,” filwaqt li komplejna naqsmu magħhom ċertu tagħlim fundamentali tal-evanġelju kif ukoll ċerti sentimenti mill-qalb u esperjenzi tal-ħajja.

Il-biżà mhix xi ħaġa ġdida. Id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu, li kienu jinsabu fuq il-baħar fil-Baħar tal-Galilija, beżgħu mir- “riefnu kbir, u l-mewġ” fid-dalma tal-lejl.1 Bħala d-dixxipli Tiegħu llum, aħna wkoll għandna l-biżgħat tagħna. L-adulti mhuż miżżewġin tagħna jibżgħu jikkommettu ruħhom biex per ezempju jiżżewġu. Il-miżżewġin friski, bħal uliedna, jista’ jkun li jibżgħu jġibu t-tfal f’ dinja li aktar ma tmur aktar qed tinħakem mill-ħażen. Il-missjunarji jibżgħu minn ħafna affarijiet, speċjalment javviċinaw nies li ma jafuhomx. Ir-romol jibżgħu jgħixu l-kumplament ta’ ħajjithom weħidhom. L-adoloxxenti jibżgħu li ma jiġux aċċettati; it-tfal iż-żgħar jibżgħu mill-ewwel ġurnata tal-iskola; l-istudenti tal-università jibżgħu meta jirċievu r-riżultat ta’ xi eżami. Aħna lkoll nibżgħu mill-falliment, mill-abbandun, mid-diżappunt, u minn dak li ma nafu xejn dwaru. Aħna nibżgħu mill-uragani, mit-terrimoti u min-nirien li jħarbtu kemm artna kif ukoll ħajjitna. Aħna nibżgħu li ma niġux magħżulin u, min-naħa l-oħra, nibżgħu li niġu magħżulin. Aħna nibżgħu li m’aħniex tajbin biżżejjed; nibżgħu li l-Mulej m’għandu l-ebda barkiet għalina. Aħna nibżgħu mill-bidla, u l-biżgħat tagħna jistgħu jeskalaw għal terrur. Irnexxieli ninkludi prattikament lil kulħadd?

Minn żminijiet tal-qedem, il-biża’ llimitat il-perspettiva ta’ wlied Alla. Jien minn dejjem kelli għal qalbi r-rakkont ta’ Eliżew li nsibu f’ 2 Slaten. Is-sultan tas-Sirja kien bagħat leġjun ta’ nies biż-żwiemel li “waslu billejl u dawru ’l-belt.”2 L-intenzjoni tagħhom kienet li jaqbdu u joqtlu lill-profeta Eliżew. Naqraw:

“U l-qaddej tal-bniedem ta’ Alla qam kmieni filgħodu u ħareġ barra, u ra eżerċtu sħiħ madwar il-belt, u żwiemel u karrijiet. U l-qaddej tiegħu qallu, Ah, sidi, x’se nagħmlu?”3

Il-qaddej kien maħkum mill-biża’.

“U wieġbu, La tibżax: hemm nies aktar magħna milli magħhom.”4

Iżda huwa ma waqafx hemm.

“U Eliżew beda jitlob u jgħid, Mulej, iftaħlu għajnejh biex jara. U l-Mulej fetaħ għajnejn il-qaddej, u dan ra l-għolja mimlija żwiemel u karrijiet tan-nar madwar Eliżew.”5

Aħna jista’ jkollna u jista’ ma jkollniex madwarna karrijiet tan-nar li jintbagħtu biex ikeċċu l-biżgħat tagħna u jgħinuna negħlbu d-dgħjufijiet tagħna, iżda l-lezzjoni hija waħda ċara. Il-Mulej jinsab magħna, konxju minna u jberikna b’ mod li Hu biss jista’ jagħmel dan. It-talb jista’ jagħtina l-qawwa u r-rivelazzjoni li neħtieġu biex niffokaw ħsibijietna fuq Ġesù Kristu u s-sagrifiċċju Tiegħu tal-fidwa. Il-Mulej jaf li xi kultant aħna nħossu fina din il-biża’. Jiena għandi esperjenza ta’ dan u l-istess intom, u huwa għalhekk li l-iskrittura hija mimlija bil-kunsill tal-Mulej:

“Kun ferħan, u tibżax.”6

“Ħarsu lejja f’ kull ħsieb; tiddubitawx, tibżgħux.”7

“Merħla ċkejkna, tibżgħu xejn.”8 Kemm inħobb it-tenerezza ta’ “merħla ċkejkna.” F’ din il-Knisja jista’ jkun li aħna m’aħniex ħafna fin-numru, biex nidhru daqstant sinifikanti f’ għajnejn id-dinja, iżda meta aħna niftħu l-għajnejn spiritwali tagħna, “hemm nies aktar magħna milli magħhom.”9 Ir-Ragħaj tagħna li tant iħobbna, Ġesù Kristu, imbagħad kompla, “Għalhekk, tibżgħux, merħla ċkejkna; ħallu d-dinja u l-infern jingħaqdu t-tnejn kontrikom, għaliex jekk intom tkunu mibnija fuq il-blata tiegħi, huma ma jegħlbukomx.”10

Kif nistgħu nkeċċu l-biża’? Għal dak it-tfajjel żagħżugħ, huwa kien jinsab wieqaf ħdejn Eliżew, profeta ta’ Alla. Aħna għandna dik l-istess wegħda. Meta aħna nisimgħu lill-President Russell M. Nelson jitkellem, meta aħna nimxu wara l-kunsill tiegħu, aħna nkunu ninsabu weqfin ma’ profeta ta’ Alla. Ftakru fi kliem Joseph Smith: “U issa, wara l-ħafna testimonjanzi li ngħataw dwaru, din hija t-testimonjanza, l-aħħar waħda, li aħna sa nagħtu dwaru: Li huwa jgħix!”11 Ġesù Kristu jgħix. L-imħabba tagħna lejh u l-evanġelju Tiegħu tkeċċi l-biża’.

Ix-xewqa tagħna li “dejjem ikollna l-Ispirtu Tiegħu”12 magħna tbiegħed minna l-biża’ u minflok nibdew naraw panorama aktar eterna tal-ħajja mortali tagħna. Il-President Nelson wissa, “Fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.”13

Rigward il-pjagi li se jolqtu lid-dinja u li se jwebbsu qlub bosta bnedmin, il-Mulej qal: “Id-dixxipli tiegħi se jieqfu f’ postijiet qaddisa, u minnhom ma jitħarrkux.”14

U mbagħad lissen dan il-kunsill divin: “Titħawdu xejn, għax meta jseħħ dan kollu, intom tkunu tafu li l-wegħdiet li sarulkom kollha sejrin jiġu fis-seħħ.”15

Ieqfu f’ postijiet qaddisa—titħawdu xejn—u l-wegħdiet kollha jiġu fis-seħħ. Ejjew nagħtu ħarsa lejn kull waħda minn dawn b’ relazzjoni mal-biżgħat tagħna.

L-ewwel, nieqfu f’ postijiet qaddisa. Meta aħna nieqfu f’ postijiet qaddisa—fid-djar twajba tagħna, fil-kappelli ddedikati tagħna, fit-tempji kkonsagrati–aħna nħossu l-Ispirtu tal-Mulej magħna. Aħna niksbu tweġiba għall-mistoqsijiet li jħawduna jew niksbu l-paċi biex ma nħalluhomx jinkwetawna. Dan huwa l-Ispirtu li jkun qed jaħdem. Dawn il-postijiet sagri fis-saltna ta’ Alla fid-dinja jirrikjedu minna li aħna nuru l-qima, ir-rispett lejn l-oħrajn, l-aħjar tagħna bil-mod li ngħixu l-evanġelju, u t-tamiet tagħna biex inwarrbu l-biżgħat tagħna u nfittxu l-qawwa tal-fejqan ta’ Ġesù Kristu permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu.

M’hemmx lok għall-biża’ f’ dawn il-postijiet qaddisa ta’ Alla jew f’ qalb uliedu. Għalfejn? Minħabba l-imħabba. Alla jħobbna—dejjem—u aħna nħobbuh. L-imħabba tagħna lejn Alla tkeċċi l-biżgħat kollha tagħna u l-imħabba Tiegħu tgħammar f’ postijiet qaddisa. Aħsbu ftit dwar dan. Meta aħna nkunu inċerti fl-impenn tagħna lejn il-Mulej, meta aħna nitbiegħdu mit-triq Tiegħu li twassal għall-ħajja eterna, meta aħna niddubitaw fis-sinifikat tagħna fil-pjan divin Tiegħu, meta aħna nippermettu l-biża’ biex tiftaħ il-bieb tagħha għal sħabha l-oħra kollha—l-iskoraġġiment, ir-rabja, il-frustrazzjoni, id-diżappunt—l-Ispirtu jispiċċa jħallina, u aħna m’aħna xejn mingħajr il-Mulej. Jekk intom tafu dan xi jfisser, tafu li mhu sentiment sabiħ xejn. B’ kuntrast għal dan, meta aħna nieqfu f’ postijiet qaddisa, aħna nkunu nistgħu nħossu l-imħabba ta’ Alla u “l-imħabba perfetta tkeċċi ‘l barra kull biża’.”16

It-tieni wegħda hi “Titħawdu xejn.”17 Hawn kemm hawn ħażen u taqlib fid-dinja, aħna ġejna mwiegħda permezz tal-fidi kontinwa tagħna f’ Ġesù Kristu “is-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kulma l-moħħ jista’ jifhem.”18 U meta Kristu jerġa’ jiġi bil-qawwa u l-glorja kollha, il-ħażen, ir-ribelljoni u l-inġustizzja jispiċċaw.

Żmien twil ilu l-Appostlu Pawlu pprofetizza dwar żmienna, meta liż-żagħżugħ Timotju qallu:

“Dan għandek tkun taf, li l-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes.

Għax il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; ikunu faħħarin, suppervi, dgħajja; ma jisimgħux mill-ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba, …

“… iħobbu aktar il-pjaċir milli ‘l Alla.”19

Ftakru, “in-nies li hemm magħna” fuq iż-żewġ naħat tal-velu, dawk li jħobbu lill-Mulej b’ qalbhom kollha, bil-qawwa tagħhom kollha, b’ moħħhom kollu u bis-saħħa tagħhom kollha huma “aktar milli hemm magħhom.”20 Jekk aħna b’ mod attiv nafdaw fil-Mulej u fit-triqat Tiegħu, jekk aħna nkunu ingaġġati fil-ħidma Tiegħu, aħna ma nibżgħux mill-bidliet li jseħħu fid-dinja jew inkella ma nħalluhomx jinkwetawna. Nitlobkom biex tinjoraw l-influwenzi u l-pressjoni tad-dinja u tfittxu l-ispiritwalità fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum. Ħobbu dak li jħobb il-Mulej—li jinkludi l-kmandamenti Tiegħu, id-djar imqaddsa Tiegħu, il-patti sagri tagħna Miegħu, is-sagrament kull Jum is-Sabbath, il-komunikazzjoni tagħna permezz tat-talb—u m’għandkomx għalfejn titħawdu.

L-aħħar punt, afdaw fil-Mulej u fil-wegħdiet Tiegħu. Jiena naf li l-wegħdiet kollha Tiegħu se jiġu fis-seħħ. Jiena dan nafu b’ ċertezza daqs kemm jien ċert li ninsab wieqaf hawn quddiekom f’ din il-laqgħa sagra.

Il-Mulej żvela: “Għaliex dawk li huma għaqlin u rċevew il-verità, u li jħarsu lejn l-Ispirtu s-Santu bħala l-gwida tagħhom, u li ma ġewx imqarrqin—fis-sewwa ngħidilkom, huma mhux se jitqaċċtu u jinxteħtu fin-nar, iżda se jkunu meħlusin.”21

Huwa għalhekk li aħna m’għandniex noqogħdu ninkwetaw minħabba t-taqlib ta’ żmienna, minħabba dawk li jinsabu fil-bini kbir u spazjuż, minn dawk li jiddisprezzaw bl-isforz onest u s-servizz dedikat lejn il-Mulej Ġesù Kristu. L-ottimiżmu, il-kuraġġ kif ukoll il-karità huma kollha frott il-qalb li mhijiex imtaqqla minħabba l-inkwiet jew it-taqlib. Il-President Nelson, li hu “ottimist dwar il-futur,” fakkarna li “Jekk aħna rridu li jkollna tama li nkunu kapaċi niflu sew il-ħafna opinjonijiet u filosofiji tal-bnedmin li jattakkaw il-verità, jeħtieġ li aħna nitgħallmu nirċievu r-rivelazzjoni.”22

Biex nirċievu r-rivelazzjoni personali, aħna għandna nagħtu prijorità lejn il-mod kif ngħixu l-evanġelju u kif aħna ninkuraġġixxu l-fedeltà u l-ispiritwalità f’ ħaddieħor kif ukoll fina nfusna.

Spencer W. Kimball kien wieħed mill-profeti meta jiena kont għadni żagħżugħ. Dawn l-aħħar snin, wara li jien ġejt imsejjaħ bħala Appostlu, jiena ħassejtni nimtela bil-paċi meta qrajt l-ewwel messaġġ li huwa kien ta fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 1943. Huwa ħassu verament kommoss minħabba s-sejħa tiegħu; jiena naf x’ jiġifieri. Il-Presbiteru Kimball qal: “Għaddejt ħafna ħin naħseb u nitlob u nsum u nitlob. Bosta ħsibijiet konfliġġenti bdew ifeġġu ġewwa moħħi—bħal ilħna li bdew jgħidu: ‘Inti ma tistax twettaq dil-ħidma. Inti mhux den. Inti mhux kapaċi’—u finalment dejjem spiċċa jfeġġ f’ moħħi il-ħsieb trijonfanti: ‘Jeħtieġ li inti twettaq il-ħidma assenjata lilek—jeħtieġ taħdem biex tkun kapaċi, den u kkwalifikat.’ U l-battalja ma waqfitx hemm.”23

Din it-testimonjanza ta’ dan l-Appostlu li aktar tard sar it-12-il President ta’ din il-Knisja setgħana verament timlieni bil-kuraġġ. Huwa għaraf li huwa kellu jinjora l-biżgħat tiegħu biex “iwettaq il-ħidma assenjata lilu” u li huwa kellu jafda fil-Mulej biex jikseb il-qawwa biex jaħdem ħalli jkun “kapaċi, den u kkwalifikat.” Aħna nistgħu nagħmlu l-istess. Il-battalji mhux se jieqfu, iżda aħna nistgħu niffaċċjawhom bl-Ispirtu tal-Mulej. Aħna m’għandna “nitħawdu xejn” għaliex meta aħna nieqfu mal-Mulej u nieqfu għall-prinċipji Tiegħu u l-pjan etern Tiegħu, aħna nkunu ninsabu weqfin fuq art imqaddsa.

Issa, rigward it-tifla tagħna u r-raġel tagħha li snin ilu staqsew il-mistoqsija onesta u personali bbażata fuq il-biża’? Huma serjament ikkunsidraw il-konverżazzjoni li aħna kellna dik il-lejla; huma talbu u samu u spiċċaw wasslu huma stess għall-konklużjoni. B’ ferħ kbir għalihom u għalina, in-nanniet, illum huma ġew imberkin b’ sebat itfal meraviljużi hekk kif huma jinsabu mexjin ‘il quddiem b’ fidi u mħabba.

Immaġni
Seba’ min-neputijiet tal-Presbiteru u Sister Rasband.

Agħmlu l-kuraġġ, ħuti. Iva, aħna ninsabu ngħixu f’ żminijiet perikolużi, iżda hekk kif aħna nibqgħu mexjin fit-triq tal-patt, m’għandniex għalfejn nibżgħu. Jiena nberikkom li hekk kif intom tagħmlu dan, intom ma toqogħdux tinkwetaw minħabba ż-żminijiet li ninsabu ngħixu fihom jew minħabba l-inkwiet li tħabbtu wiċċkom miegħu. Jiena nberikkom biex intom tagħżlu li tieqfu f’ postijiet qaddisa u li ma titħarrkux minn hemm. Jiena nberikkom biex intom temmnu fil-wegħdiet ta’ Ġesù Kristu, li Huwa jgħix u li Huwa jinsab iħarisna, jieħu ħsiebna u jieqaf magħna. F’ isem is-Salvatur tagħna, Ġesù Kistu, amen.