Skrittura
Duttrina u Patti 98


Sezzjoni 98

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is‑6 ta’ Awwissu, 1833. Din ir‑rivelazzjoni ġiet mogħtija b’riżultat tal‑persekuzzjoni li kienu qed jesperjenzaw il‑Qaddisin f’Missouri. In‑numru dejjem jikber ta’ membri tal‑Knisja li bdew jissetiljaw f’Missouri beda jinkwieta lil xi wħud li kienu marru jissetiljaw hemm ukoll, li bdew iħossuhom mhedda b’dan in‑numru kbir ta’ Qaddisin, kif ukoll bl‑influwenza politika u ekonomika tagħhom u bid‑differenzi kulturali u reliġjużi tagħhom. Nhar l‑20 ta’ Lulju, 1833, marmalja ta’ nies qerdu l‑propjetà tal‑Knisja, u xeħtu l‑qatran u r‑rix fuq żewġ membri tal‑Knisja, u ordnaw lill‑Qaddisin biex iħallu l‑Kontea ta’ Jackson. Tlett ijiem wara, il‑mexxejja tal‑Knisja ffirmaw ftehim li kienu lesti jagħmlu dan. Minkejja li ma kienx hemm dubju li l‑Profeta, li kien jinsab f’Kirtland (disa’ mitt mil ’il bogħod), ftit jew ieħor kien sema’ b’dak li kien ġara, kien biss permezz ta’ rivelazzjoni li f’dan il‑jum huwa sar jaf kemm kienet serja s‑sitwazzjoni.

1–3, It‑tbatija li jesperjenzaw il‑Qaddisin se tkun għall‑ġid tagħhom; 4–8, Il‑Qaddisin għandhom juru l‑appoġġ tagħhom lejn il‑liġi kostituzzjonali tal‑pajjiż; 9–10, Fejn jidħol il‑gvern sekulari, huma għandhom juru l‑appoġġ tagħhom lejn individwi li huma onesti, għaqlin, u twajba; 11–15, Dawk li jagħtu ħajjithom għall‑kawża tal‑Mulej jiksbu l‑ħajja ta’ dejjem; 16–18, Irrinunzjaw il‑gwerra u xandru l‑paċi; 19–22, Il‑Qaddisin f’Kirtland jaqilgħu ċanfira u jiġu ordnati jindmu; 23–32, Il‑Mulej jiżvela l‑liġijiet tiegħu li jirregolaw il‑persekuzzjoni u t‑tbatija imposta fuq il‑poplu tiegħu; 33–38, Il‑gwerra hi ġġustifikata biss meta jordnaha l‑Mulej; 39–48, Il‑Qaddisin għandhom jaħfru lill‑għedewwa tagħhom, li, jekk jindmu, jeħilsuha wkoll mill‑vendetta tal‑Mulej.

Tassew ngħidilkom, O ħbieb tiegħi, la tibżgħux, agħmlu l‑qalb; iva, thennew għal dejjem, u f’kollox roddu ħajr;

Ittamaw fil‑Mulej, għax talbkom wasal f’widnejn il‑Mulej tal‑Eżerċti, u jinsab iddokumentat permezz ta’ dan is‑siġill u t‑testment—il‑Mulej ħalef u ddikjara li se jisma’ talbkom.

Għalhekk, huwa jagħmel wegħda magħkom, permezz ta’ patt li ma jitreġġax lura, li talbkom se jinstama’; u t‑tbatija kollha li qed tesperjenzaw se tkun għall‑ġid tagħkom, u biex jiġi gglorifikat ismi, jgħid il‑Mulej.

U issa, dwar il‑liġijiet tal‑pajjiż jien tassew ngħidilkom li hija r‑rieda tiegħi li l‑poplu tiegħi jara li jwettaq dak kollu li jiena nordnalu.

U l‑liġi tal‑pajjiż, li hi kostituzzjonali, hija ta’ sapport għal dak il‑prinċipju ta’ libertà, fejn hija tħares id‑drittijiet u l‑privileġġi li jappartjenu għall‑umanità kollha, u f’għajnejja hija ġusta.

Għalhekk, jien, il‑Mulej, niġġustifika li intom, u ħutkom tal‑knisja tiegħi, turu l‑appoġġ tagħkom lejn dik il‑liġi li hija l‑liġi kostituzzjonali tal‑pajjiż;

U fejn tidħol il‑liġi tal‑bniedem, dak kollu li hu aktar jew anqas minn hekk, ġej mill‑ħażen.

Jien, il‑Mulej, neħliskom, għalhekk intom ħielsa tabilħaqq; u l‑liġi teħliskom ukoll.

Madankollu, meta l‑ħakkiema jkunu ħżiena, il‑poplu jitniehed.

10 Għalhekk, għandkom taraw li tagħżlu nies onesti u għaqlin, u li tappoġjaw nies twajbin u għaqlin; altrimenti min hu anqas minn hekk ġej mill‑ħażen.

11 U jien nordnalkom sabiex tirrinunzjaw kull ħażen u tintrabtu ma’ kull ħaġa tajba, u biex tgħixu skont kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

12 Għax lil min jemmen, huwa jagħtih linja wara linja, preċett wara preċett; u permezz ta’ dan lilkom jiena nġarrab u nipprova.

13 U min jagħti ħajtu għalija, għall‑kawża tiegħi, huwa jsibha mill‑ġdid, anzi, huwa jsib ħajja li hi għal dejjem.

14 Għalhekk, la tibżgħux mill‑għedewwa tagħkom, għax jiena ddikjarajt ġewwa qalbi, jgħid il‑Mulej, li lilkom jiena se nġarrab f’kull ħaġa, biex nara jekk intom tibqgħux fidili, anke sal‑mewt, lejn il‑patt tiegħi, biex ikun jistħoqqilkom li tkunu miegħi.

15 Għax jekk ma tibqgħux fidili lejn il‑patt tiegħi, intom ma jkunx jistħoqqilkom li tkunu miegħi.

16 Għalhekk, araw li tirrinunzjaw il‑gwerra u xxandru l‑paċi, u araw li tfittxu bir‑reqqa li treġġgħu l‑qlub tal‑ulied lejn missirijiethom, u l‑qlub tal‑missirijiet lejn uliedhom;

17 Kif ukoll, il‑qlub tal‑Lhud lejn il‑profeti, u l‑qlub tal‑profeti lejn il‑Lhud; li ma niġix naħbat għall‑art u nħalliha tinqered, u kulħadd jispiċċa rmied quddiemi.

18 Tħallux qalbkom titħawwad; għax fid‑dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet, u jiena ħejjejt post għalikom; u fejn hemm Missieri u jiena, hemm tkunu intom ukoll.

19 Araw, jien, il‑Mulej, m’iniex kuntent b’ħafna minn dawk li hemm fil‑knisja ta’ Kirtland;

20 Għax huma ma jiċħdux dnubiethom, u l‑għemejjel ħżiena tagħhom, u r‑regħba tagħhom, u l‑kruhat kollha tagħhom, u ma jagħtux widen għal kliem il‑għerf u l‑ħajja ta’ dejjem li jiena tajthom.

21 Tassew ngħidilkom, li jien, il‑Mulej, lilhom se nikkastiga u se nagħmel bihom dak li rrid, jekk huma ma jindmux u jħarsu dak kollu li għidtilhom jien.

22 U jien ngħidilkom għal darb’oħra, jekk intom taraw li twettqu dak kollu li nordnalkom, jien, il‑Mulej, inreġġa’ lura minnkom kull għadab u korla, u s‑setgħat tal‑infern ma jegħlbukomx.

23 Issa, se ngħidilkom xi ħaġa dwar il‑familji tagħkom—jekk xi ħadd isawwat lilkom jew il‑familji tagħkom, darba, u bis‑sabar kollu toqogħdu għaliha u ma tweġbuhx lura bit‑tgħajjir, u ma tippruvawx tpattuhielu, intom ikollkom ħlas tajjeb;

24 Iżda jekk ma toqogħdux għaliha bis‑sabar kollu, il‑kejl tal‑kastig jitqies bħala wieħed ġust.

25 U jekk l‑għadu tagħkom jerġa’ jsawwatkom għat‑tieni darba, u lill‑għadu tagħkom ma tweġbuhx lura bit‑tgħajjir, u bis‑sabar kollu toqogħdu għaliha, intom tirċievu l‑ħlas tajjeb tagħkom għal mitt darba aktar.

26 U jekk huwa jerġa’ jsawwatkom għat‑tielet darba, u bis‑sabar kollu toqogħdu għaliha, il‑ħlas tajjeb tagħkom jirdoppja għal erba’ darbiet aktar;

27 U jekk huwa jibqa’ ma jindimx, dawn it‑tlieta se jkunu ta’ xhieda kontra l‑għadu tagħkom, u jibqgħu ma jitħassrux.

28 U issa, tassew ngħidilkom, jekk dak l‑għadu jeħlisha mill‑vendetta tiegħi, jekk hu ma jinġiebx quddiemi biex jiena nagħmel ħaqq minnu, f’dak il‑każ għandkom taraw li twissuh f’ismi, biex hu ma jerġax jiġi biex jeħodha magħkom, jew mal‑familja tagħkom, kif ukoll ma’ wlied uliedkom sat‑tielet u r‑raba’ ġenerazzjoni.

29 Imbagħad, jekk huwa jiġi biex jeħodha magħkom jew ma’ wliedkom, jew ma’ wlied uliedkom sat‑tielet u r‑raba’ ġenerazzjoni, jiena nagħtikom f’idejkom l‑għadu tagħkom;

30 U mbagħad jekk intom ikollkom ħniena minnu, intom tirċievu ħlas tajjeb minħabba t‑tjieba tagħkom; u l‑istess uliedkom u wlied uliedkom sat‑tielet u r‑raba’ ġenerazzjoni.

31 Madankollu, l‑għadu tagħkom jinsab f’idejkom; u jekk intom tħallsuh skont għemilu, intom tkunu ġġustifikati; jekk huwa jipprova jneħħilkom ħajjitkom, u jpoġġi ħajjitkom fil‑periklu, araw, l‑għadu tagħkom jinsab f’idejkom u intom iġġustifikati.

32 Araw, din hija l‑liġi li jiena tajt lill‑qaddej tiegħi Nefi, u lil missirijietkom, Ġużeppi, Ġakobb, Iżakk, u Abraham, u lill‑profeti u l‑appostli tiegħi żmien ilu.

33 U għal darb’oħra, din hija l‑liġi li jiena tajt lill‑poplu tiegħi żmien ilu, li huma m’għandhomx joħorġu jitqabdu kontra xi ġens, tribù, ilsien, jew poplu, jekk ma nkunx jien, il‑Mulej, li nordnalhom jagħmlu dan.

34 U jekk xi ġens, ilsien, jew poplu jiddikjara gwerra kontrihom, huma l‑ewwel għandhom jgħollu l‑istendard tal‑paċi quddiem dak il‑poplu, ġens, jew ilsien;

35 U jekk dak il‑poplu jibqa’ ma jilqax l‑offerta ta’ paċi, għal darba, tnejn, tlieta, huma għandhom jippreżentaw din ix‑xhieda quddiem il‑Mulej;

36 Imbagħad jien, il‑Mulej, nordnalhom, u niġġustifika, li huma joħorġu jitqabdu kontra dak il‑ġens, ilsien, jew poplu.

37 U jien, il‑Mulej, niġġieled il‑battalji tagħhom, u l‑battalji ta’ wliedhom, u ta’ wlied uliedhom, sakemm huma jkunu tħallsu mill‑għedewwa tagħhom kollha, sat‑tielet u r‑raba’ ġenerazzjoni.

38 Araw, fuq dan l‑eżempju għandu jimxi kulħadd, jgħid il‑Mulej Alla tagħkom, biex intom tkunu ġġustifikati quddiemi.

39 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, jekk wara l‑ewwel darba li l‑għadu tagħkom jiġi biex jaħbat għalikom huwa jindem u jiġi quddiemkom jitlobkom il‑maħfra, araw li taħfrulu, u m’għandkomx tibqgħu żżommu dan bħala xhieda kontra l‑għadu tagħkom—

40 U araw li tagħmlu l‑istess it‑tieni u t‑tielet darba; u kull darba li l‑għadu tagħkom jindem mid‑deni li jkun għamlilkom, araw li taħfrulu, sa sebgħa u sebgħin darba.

41 U jekk jagħmlilkom id‑deni u l‑ewwel darba ma jindimx, madankollu araw li taħfrulu.

42 U jekk jagħmlilkom id‑deni t‑tieni darba, u ma jindimx, madankollu araw li taħfrulu.

43 U jekk jagħmlilkom id‑deni t‑tielet darba, u ma jindimx, araw li terġgħu taħfrulu.

44 Iżda jekk jagħmlilkom id‑deni r‑raba’ darba, m’għandkomx taħfrulu, iżda għandkom tippreżentaw din ix‑xhieda quddiem il‑Mulej; u hija ma titħassarx qabel ma huwa jindem u jpattihielkom bit‑tajjeb, għal erba’ darbiet aktar, għall‑ħsara li għamlilkom.

45 U jekk huwa jagħmel dan, araw li taħfrulu b’qalbkom kollha; u jekk ma jagħmilx dan, jien, il‑Mulej, nitħallas mill‑għadu tagħkom mitt darba aktar;

46 U l‑istess nagħmel minn ulied, u wlied ulied dawk kollha li jobogħduni, sat‑tielet u r‑raba’ ġenerazzjoni.

47 Iżda jekk l‑ulied, jew l‑ulied ulied jindmu, u jduru lejn il‑Mulej Alla tagħhom, b’qalbhom kollha u bis‑setgħa u l‑qawwa u l‑fakultà mentali tagħhom kollha, u jpattuhielkom bit‑tajjeb għal erba’ darbiet aktar għall‑ħsara li għamlulkom, jew għall‑ħsara li għamlulkom missirijiethom jew missier missirijiethom, intom għandkom treġġgħu lura l‑korla tagħkom kontrihom;

48 U m’għandiex isir aktar vendetta minnhom, jgħid il‑Mulej Alla tagħkom, u ħtijiethom m’għandhomx jinġiebu aktar quddiem il‑Mulej bħala xhieda kontrihom. Ammen.