Skrittura
Duttrina u Patti 102


Sezzjoni 102

Minuti tal‑organizzazzjoni tal‑ewwel kunsill għoli tal‑Knisja, f’Kirtland, Ohio, nhar is‑17 ta’ Frar, 1834. Il‑minuti oriġinali ttieħdu mill‑Presbiteri Oliver Cowdery u Orson Hyde. Fil‑jum ta’ wara l‑Profeta rreveda l‑minuti, u l‑għada l‑minuti riveduti ġew aċċettati b’mod unanimu mill‑kunsill għoli bħala “forma u kostituzzjoni tal‑kunsill għoli” tal‑Knisja. Versi 30 sa 32, li jitkellmu dwar il‑Kunsill tat‑Tnax‑il Appostlu, ġew miżjuda fl‑1835 taħt id‑direzzjoni ta’ Joseph Smith meta din is‑sezzjoni ġiet imħejjija għall‑pubblikazzjoni fid‑Duttrina u Patti.

1–8, Jinħatar kunsill għoli biex jirrisolvi ċerti diffikultajiet importanti li jqumu fil‑Knisja; 9–18, Jingħataw il‑proċeduri għall‑każijiet mismugħa; 19–23, Il‑president tal‑kunsill jagħti s‑sentenza; 24–34, Elenkata l‑proċedura tal‑appell.

Illum iltaqa’ flimkien kunsill ġenerali magħmul minn erba’ u għoxrin qassis il‑kbir fid‑dar ta’ Joseph Smith, Jun., u permezz ta’ rivelazzjoni huma raw li jorganizzaw il‑kunsill għoli tal‑knisja ta’ Kristu, li kellu jikkonsisti minn tnax‑il qassis il‑kbir, u minn president, jew tlieta, skont il‑ħtieġa tal‑każ.

Il‑kunsill għoli ġie maħtur permezz ta’ rivelazzjoni bil‑għan li jirrisolvi ċerti diffikultajiet importanti li jafu jqumu fil‑knisja, li ma jkunux jistgħu jiġu risolvi mill‑knisja jew mill‑kunsill tal‑isqof għas‑sodisfazzjon tan‑naħat kollha kkonċernati.

Joseph Smith, Jun., Sidney Rigdon u Frederick G. Williams ġew rikonoxxuti bħala presidenti permezz ta’ vot tal‑kunsill; u Joseph Smith, Sen., John Smith, Joseph Coe, John Johnson, Martin Harris, John S. Carter, Jared Carter, Oliver Cowdery, Samuel H. Smith, Orson Hyde, Sylvester Smith, u Luke Johnson, li huma qassisin il‑kbar, intgħażlu biex ikunu membri ta’ kunsill permanenti għall‑knisja, permezz ta’ vot unanimu tal‑kunsill.

Il‑kunsilliera msemmija hawn fuq mbagħad intalbu jgħidu jekk humiex lesti jaċċettaw il‑ħatra tagħhom, u jekk kinux lesti li jwettqu dmirhom f’dak l‑uffiċċju skont il‑liġi tas‑smewwiet, fejn għal dan huma wieġbu lkoll li kienu lesti jaċċettaw il‑ħatra tagħhom, u li jwettqu dmirhom fl‑uffiċċji tagħhom skont il‑grazzja ta’ Alla li ġiet msawba fuqhom.

Dawk li kienu jiffurmaw il‑kunsill, li vvutaw f’isem il‑knisja u għall‑knisja, biex jaħtru l‑kunsilliera msemmija aktar ’il fuq, kienu tlieta u erbgħin, u kienu jikkonsistu minn: disa’ qassisin il‑kbar, sbatax‑il presbiteru, erba’ qassisin, u tlettax‑il membru.

Huma vvutaw: li l‑kunsill għoli ma jistax ikollu s‑setgħa li jaġixxi mingħajr ma jkunu preżenti sebgħa mill‑kunsilliera msemmija aktar ’il fuq, jew is‑suċċessuri li jinħatru b’mod regolari minflokhom.

Dawn is‑sebgħa għandu jkollhom is‑setgħa li jaħtru qassisin il‑kbar oħra, li jqisuhom li huma denji u kapaċi jaġixxu fin‑nuqqas tal‑kunsilliera li ma jkunux preżenti.

Huma vvutaw: li kull meta jkun hemm xi pożizzjoni battala minħabba xi mewt, tneħħija minn xi uffiċċju minħabba trasgressjoni, jew għax persuna tkun telqet lil hinn mill‑pal, il‑pożizzjoni li kien jokkupa wieħed mill‑kunsilliera msemmija aktar ’il fuq għandha timtela permezz ta’ nomina mill‑president jew mill‑presidenti, u tiġi sanzjonata permezz ta’ vot li jittieħed minn kunsill ġenerali tal‑qassisin il‑kbar, li jiltaqa’ flimkien għal dak il‑għan, biex jaġixxi f’isem il‑knisja.

Il‑president tal‑knisja, li huwa wkoll il‑president tal‑kunsill, jinħatar permezz ta’ rivelazzjoni, u jiġi sostnut fis‑sejħa tiegħu permezz ta’ vot fil‑knisja.

10 U hu għandu jippresedi fuq il‑kunsill tal‑knisja skont id‑dinjità tal‑uffiċċju tiegħu; u huwa privileġġ tiegħu li huwa jkun assistit minn żewġ presidenti oħra, maħtura bl‑istess mod kif inħatar hu.

11 U f’każ li xi wieħed minn dawk li ġew maħtura biex jassistuh, jew it‑tnejn li huma, ikun assenti, huwa għandu s‑setgħa li jippresedi fuq il‑kunsill mingħajr ebda assistent; u jekk huwa stess ikun assenti, il‑presidenti l‑oħra għandhom is‑setgħa li jippresedu minfloku, jew it‑tnejn li huma jew wieħed minnhom.

12 Kull fejn ikun hemm kunsill għoli tal‑knisja ta’ Kristu organizzat b’mod xieraq, bil‑mod imsemmi qabel, għandu jkun id‑dmir tat‑tnax‑il kunsillier li jagħżlu numru permezz tax‑xorti, u b’hekk jiddeterminaw min minn fost it‑tnax għandu jitkellem l‑ewwel, fejn għandhom jibdew min‑numru wieħed u jibqgħu sejrin, wieħed wara l‑ieħor, san‑numru tnax.

13 Kull meta jiltaqa’ dan il‑kunsill biex jaġixxi dwar xi każ, it‑tnax‑il kunsillier għandhom jiddeterminaw jekk il‑każ huwiex wieħed diffiċli jew le; jekk mhuwiex, għandhom jitkellmu dwaru biss tnejn mill‑kunsilliera, skont il‑mod imsemmi aktar ’il fuq.

14 Iżda jekk jaħsbu li huwa każ diffiċli, għandhom jinħatru erbgħa; u jekk huwa aktar diffiċli, sitta; iżda fl‑ebda każ m’għandhom jinħatru biex jitkellmu aktar minn sitta.

15 L‑akkużat, f’kwalunkwe każ, huwa d‑dritt tiegħu li l‑kunsilliera jaraw li ma jkun hemm l‑ebda insult jew inġustizzja fil‑konfront tiegħu.

16 U l‑kunsilliera li jinħatru biex jitkellmu quddiem il‑kunsill għandhom jippreżentaw il‑każ kif inhu tassew quddiem il‑kunsill, wara li tiġi eżaminata l‑evidenza; u kull bniedem għandu jitkellem b’mod xieraq u ġust.

17 Dawk il‑kunsilliera li jagħżlu numri pari, jiġifieri, 2, 4, 6, 8, 10, u 12, huma dawk li għandhom jieqfu f’isem l‑akkużat, u jaraw li ma jkun hemm l‑ebda insult jew inġustizzja fil‑konfront tiegħu.

18 Ikun x’ikun il‑każ, sew min jagħmel l‑akkuża u sew l‑akkużat għandu jkollhom il‑privileġġ li jitkellmu għalihom infushom quddiem il‑kunsill, wara li tinstema’ l‑evidenza kollha u wara li l‑kunsilliera li jinħatru sabiex jitkellmu fuq il‑każ ikunu għamlu r‑rimarki tagħhom.

19 Wara li tinstama’ l‑evidenza kollha, u wara li jitkellmu l‑kunsilliera, min jagħmel l‑akkuża u l‑akkużat, il‑president għandu jħabbar id‑deċiżjoni tiegħu skont l‑għarfien li huwa jkollu tal‑każ, u għandu jitlob lill‑kunsilliera biex jirratifikaw id‑deċiżjoni tiegħu permezz tal‑vot tagħhom.

20 Iżda jekk il‑kumplament tal‑kunsilliera, li ma jkunux tkellmu, jew xi ħadd minnhom, wara li jisimgħu l‑evidenza u d‑dikjarazzjonijiet b’mod imparzjali, jinnutaw xi żball fid‑deċiżjoni tal‑president, huma jistgħu jirrimarkaw dan, u l‑każ ikollu jerġa’ jinstama’.

21 U jekk, wara li jerġa’ jinstama’ bir‑reqqa, ifeġġ xi dawl ġdid fuq il‑każ, id‑deċiżjoni għandha tinbidel skont l‑iżvilupp li jkun hemm.

22 Iżda f’każ li ma jfeġġ l‑ebda dawl ġdid, l‑ewwel deċiżjoni għandha tibqa’ valida, u l‑maġġoranza tal‑kunsill għandhom is‑setgħa li jaraw li jkun dan.

23 F’każ ta’ xi diffikultà fejn tidħol duttrina jew fejn jidħol prinċipju, jekk ma hemm xejn miktub li hu biżżejjed, li ma jħalli l‑ebda dubju f’moħħ il‑membri tal‑kunsill, il‑president jista’ jistaqsi lill‑Mulej biex permezz ta’ rivelazzjoni jurih x’inhi r‑rieda tiegħu.

24 Il‑qassisin il‑kbar, meta jkunu jinsabu ’l bogħod, għandhom is‑setgħa li jsejħu u jorganizzaw kunsill bil‑mod kif inhu deskritt aktar ’il fuq, biex jirrisolvu ċerti diffikultajiet, meta n‑nies ikkonċernati, jew xi ħadd minnhom, jitolbu li jsir dan.

25 U dan l‑istess kunsill ta’ qassisin il‑kbar għandu jkollu s‑setgħa li jaħtar wieħed minnhom stess biex għal dak il‑mument partikolari jippresedi fuq dan l‑istess kunsill.

26 Għandu jkun id‑dmir ta’ dan l‑istess kunsill li jgħaddi minnufih lill‑kunsill għoli, li jinsab fil‑kwartieri ewlenin tal‑Ewwel Presidenza tal‑Knisja, kopja bil‑punti ewlenin ta’ ħidmiethom, flimkien ma’ dikjarazzjoni sħiħa tat‑testimonjanza tagħhom tad‑deċiżjoni li jkunu ħadu.

27 Jekk in‑naħat involuti, jew xi ħadd minnhom, ma jkunux sodisfatti bid‑deċiżjoni ta’ dan l‑istess kunsill, huma jistgħu jappellaw id‑deċiżjoni mal‑kunsill għoli li jinsab fil‑kwartieri ewlenin tal‑Ewwel Presidenza tal‑Knisja, u l‑każ jerġa’ jinstama’ mill‑ġdid, liema każ jitmexxa hemmhekk skont dak li hemm miktub aktar ’il fuq, bħallikieku kienet għadha ma ttieħdet l‑ebda deċiżjoni.

28 Dan il‑kunsill ta’ qassisin il‑kbar li jinsabu ’l bogħod għandu jissejjaħ biss għall‑aktar każijiet diffiċli, ta’ ħwejjeġ relatati mal‑knisja; u l‑ebda każ komuni jew ordinarju mhu raġuni biżżejjed li jissejjaħ dan it‑tip ta’ kunsill.

29 Il‑qassisin il‑kbar vjaġġaturi jew li jinsabu ’l bogħod għandhom is‑setgħa li jiddeċiedu jekk huwiex neċessarju jew le li jissejjaħ dan it‑tip ta’ kunsill.

30 Hemm distinzjoni fid‑deċiżjonijiet li jittieħdu mill‑kunsill għoli jew mill‑qassisin il‑kbar vjaġġaturi, u dawk li jittieħdu mill‑membri vjaġġaturi tal‑kunsill għoli li hu magħmul mit‑tnax‑il appostlu.

31 Id‑deċiżjoni li jieħdu tal‑ewwel tista’ tiġi appellata; iżda d‑deċiżjoni li jieħdu tat‑tieni ma tistax.

32 Id‑deċiżjoni li jieħdu tat‑tieni tista’ tiġi kkontestata biss mill‑awtoritajiet ġenerali tal‑knisja f’każ ta’ trasgressjoni.

33 Ġie deċiż: li l‑president jew il‑presidenti li jinsabu fil‑kwartieri ewlenin tal‑Ewwel Presidenza tal‑Knisja għandu jkollhom is‑setgħa li jiddeċiedu jekk dan il‑każ partikolari, jekk ikun appellat, huwiex intitolat li jinstama’ mill‑ġdid, wara li huma jeżaminaw l‑appell u l‑evidenzi u d‑dikjarazzjonijiet mehmuża miegħu.

34 It‑tnax‑il kunsillier mbagħad ivvutaw, jew raw permezz tax‑xorti, min għandu jitkellem l‑ewwel, u r‑riżultat kien dan: 1, Oliver Cowdery; 2, Joseph Coe; 3, Samuel H. Smith; 4, Luke Johnson; 5, John S. Carter; 6, Sylvester Smith; 7, John Johnson; 8, Orson Hyde; 9, Jared Carter; 10, Joseph Smith, Sr.; 11, John Smith; 12, Martin Harris.Wara t‑talba, il‑konferenza ġiet aġġornata.

Oliver Cowdery,

Orson Hyde,

Skrivani