Skrittura
Duttrina u Patti 111


Sezzjoni 111

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Salem, Massachusetts, nhar is-6 ta’ Awwissu, 1836. F’dan iż-żmien, il-Knisja u l-mexxejja tagħha kienu mgħobbijin waħda sew bid-dejn minħabba l-bini tat-Tempju ta’ Kirtland u l-persekuzzjoni li kien hemm ġewwa Missouri. Peress li kienu semgħu li kien hemm somma flus mhux ħażin lesta għalihom ġewwa Salem, il-Profeta, Sidney Rigdon, Hyrum Smith, u Oliver Cowdery telqu ’l hemm minn Kirtland, Ohio, biex jinvestigaw dan l-għajdut, kif ukoll biex ixandru l-evanġelju. L-aħwa ħadu ħsieb bosta ħwejjeġ relatati mal-ħidma tal-Knisja u għaddew ftit ħin ixandru l-kelma. Meta deher ċar li ma kien se jkun hemm l-ebda flus disponibbli għalihom, huma marru lura lejn Kirtland.

1–5, Il-Mulej jieħu ħsieb il-ħtiġijiet temporali tal-qaddejja tiegħu; 6–11, Huwa juri ħniena ma’ Sijon u jara li kollox iseħħ għall-ġid tal-qaddejja tiegħu.

Jien, il-Mulej Alla tagħkom, m’iniex kontra li intom għamiltu dan il-vjaġġ, minkejja l-bluhat kollha tagħkom.

F’din il-belt għandi ġid kbir lest għalikom, għall-benefiċċju ta’ Sijon, u f’din il-belt għandi wkoll bosta nies, li lilhom sejjer nagħżel, permezz tagħkom, meta jkun il-waqt għall-benefiċċju ta’ Sijon.

Għalhekk, ikun jaqbel li intom issiru midħla tan-nies ta’ din il-belt, kif tiġu mmexxija biex tagħmlu, u kif jiġi żvelat lilkom.

U għad jiġri, meta jkun il-waqt, li jiena nagħti din il-belt f’idejkom, biex ikollkom poter fuqha, dejjem jekk huma ma jindunawx bil-pjanijiet moħbija tagħkom; u ġidha, f’dak li huwa deheb u fidda, ikun tagħkom.

Toqogħdux tinkwetaw dwar id-dejn tagħkom, għax jiena nagħtikom il-qawwa biex tfenduh.

Toqogħdux tinkwetaw dwar Sijon, għax magħha jiena se nuri ħniena.

Ibqgħu għammru f’dan il-post, u fl-inħawi tal-madwar;

U l-post fejn jiena rridkom tibqgħu tgħammru l-aktar se jiġi żvelat lilkom permezz tas-sliem u l-qawwa tal-Ispirtu tiegħi, li se jissawwab fuqkom.

Intom tistgħu tiksbu dan il-post billi tħallsu l-kera. U araw li tfittxu bir-reqqa dwar l-ewwel nies li waqqfu din il-belt u li kienu jgħammru f’din il-belt u li waqqfuha;

10 Għax f’din il-belt hawn ferm aktar ġid lest għalikom.

11 Għalhekk, kunu għaqlin bħas-sriep iżda mingħajr dnub; u jiena nfassal kull ħaġa għall-ġid tagħkom, u sta għalikom kemm tkunu lesti li tilqgħuha. Ammen.