Skrittura
Duttrina u Patti 119


Sezzjoni 119

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, ġewwa Far West, f’Missouri, nhar it-8 ta’ Lulju, 1838, bħala tweġiba għat-talba, “O Mulej! Uri lill-qaddejja tiegħek kemm teħtieġ bħala dieċmi mill-ġid kollu tal-poplu tiegħek.” Il-liġi tad-dieċmi, kif nifhmuha llum, kienet għadha ma ngħatatx lill-Knisja qabel din ir-rivelazzjoni. It-terminu dieċmi fit-talba li għadha kif ġiet ikkwotata u fir-rivelazzjonijiet ta’ qabel (64:23; 85:3; 97:11) ma kenitx tfisser biss għaxra fil-mija, iżda l-offerti jew il-kontribuzzjonijiet kollha li wieħed kien lest li jagħti għall-fondi tal-Knisja. Din ir-rivelazzjoni ngħatat wara li l-Qaddisin esperjenzaw ċerti sfidi finanzjarji ġewwa Missouri u Ohio minħabba l-bini tat-Tempju ta’ Kirtland; minħabba l-persekuzzjoni ġewwa l-Kontea ta’ Jackson, f’Missouri; u minħabba kriżi finanzjarja mal-pajjiż kollu. Il-Qaddisin komplew jibnu wkoll komunitajiet ġewwa Missouri.

1–5, Bħala ħlas, il-Qaddisin għandhom jagħtu l-ġid żejjed tagħhom, u kull sena, mbagħad, għandhom jagħtu, bħala dieċmi, għaxra fil-mija tal-interessi tagħhom; 6–7, Ħaġa bħal din twassal biex titqaddes l-art ta’ Sijon.

Tassew, dan jgħid il-Mulej, jiena rrid li huma jgħaddu l-ġid żejjed tagħhom kollu f’idejn l-isqof tal-knisja tiegħi f’Sijon,

Għall-bini ta’ dari, u biex jitħejjew is-sisien tal-bini ta’ Sijon, kif ukoll għas-saċerdozju, u għad-dejn tal-Presidenza tal-Knisja tiegħi.

U dan għandu jkun il-bidu tal-ħlas tad-dieċmi tal-poplu tiegħi.

U wara li jsir dan, dawk li jkunu ordnati jħallsu d-dieċmi għandhom iħallsu kull sena għaxra fil-mija tal-interessi tagħhom; u din għandha tkun għalihom liġi permanenti, għas-saċerdozju mqaddes tiegħi, jgħid il-Mulej.

Tassew ngħidilkom, għad jiġri li dawk kollha li jinġabru fl-art ta’ Sijon għandhom iħallsu d-dieċmi fuq il-ġid żejjed tagħhom, u għandhom ikomplu josservaw din il-liġi, altrimenti huma ma jinstabux denji li jgħammru fostkom.

U jien ngħidilkom, li jekk il-poplu tiegħi ma josservax din il-liġi, u ma jqaddishiex, u ma jqaddisx l-art ta’ Sijon għalija skont din il-liġi, ħalli fiha jkunu jistgħu jiġu mħarsa l-liġijiet u d-digrieti tiegħi, biex tkun art mill-aktar qaddisa, araw, tassew ngħidilkom, hija ma tkunx għalikom art ta’ Sijon.

U dan hu l-mod li warajh għandhom jimxu l-pali kollha ta’ Sijon. Hekk għandu jkun. Ammen.