Skrittura
Duttrina u Patti 87


Sezzjoni 87

Rivelazzjoni u profezija relatata ma’ gwerra, mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, jew x’imkien fil‑qrib, nhar il‑25 ta’ Diċembru, 1832. F’dawn iż‑żminijiet, nqalgħet kontroversja sħiħa fl‑Istati Uniti dwar l‑iskjavitù u l‑aġir ta’ South Carolina li ma jħallsu l‑ebda tariffi federali. L‑istorja ta’ Joseph Smith tiddikjara li “d‑dehra li kien se jqum l‑inkwiet fost il‑ġnus” bdiet issir “ferm aktar ċara milli qatt kienet qabel” għall‑Profeta, “sa minn meta l‑Knisja bdiet bil‑vjaġġ tagħha lil hinn mill‑oskurità.”

1–4, Imbassra gwerra bejn l‑Istati tat‑Tramuntana u l‑Istati tan‑Nofsinhar; 5–8, Dawk kollha li jgħammru fuq l‑art se jintlaqtu minn għawġ mill‑aktar kbir.

Tassew, dan jgħid il‑Mulej dwar il‑gwerer li se jseħħu dalwaqt, fejn kollox se jibda minn irvell ġewwa South Carolina, li eventwalment se jwassal għall‑mewt u l‑hemm ta’ bosta erwieħ;

U se jasal iż‑żmien fejn dil‑gwerra se tispiċċa tolqot il‑ġnus kollha, u kollox se jibda minn dan il‑post.

Għax araw, l‑Istati tan‑Nofsinhar sejrin jinfirdu mill‑Istati tat‑Tramuntana, u l‑Istati tan‑Nofsinhar se jitolbu l‑għajnuna ta’ ġnus oħra, inkluż il‑ġens magħruf bħala l‑Gran Brittanja, u huma se jitolbu l‑għajnuna wkoll ta’ ġnus oħra, biex ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom kontra ġnus oħra; imbagħad il‑gwerra se tispiċċa tinfirex mal‑ġnus kollha.

U għad jiġri li wara bosta jiem, l‑iskjavi sejrin iqumu kontra s‑sidien tagħhom, li jispiċċaw jorganizzaw irwieħhom u jitħarrġu għall‑gwerra.

U għad jiġri wkoll li dawk li jkun għad baqa’ fil‑pajjiż jorganizzaw irwieħhom u jimtlew b’għadab kbir, u lill‑Ġentili jispiċċaw jgħadduhom minn tbatija mill‑aktar kbira.

U b’hekk, jibku sejrin dawk li jgħammru fuq l‑art minħabba x‑xabla u t‑tixrid tad‑demm; u permezz tal‑ġuħ, u l‑pesta, u t‑theżżiż, u r‑ragħad tas‑sema, kif ukoll permezz tal‑beraq feroċi u qawwi, dawk li jgħammru fuq l‑art se jesperjenzaw l‑għadab, il‑qilla, u l‑id li twiddeb ta’ Alla li Jista’ Kollox, sakemm il‑qerda preskritta tispiċċa tagħmel straġi mill‑ġnus kollha;

Biex l‑għajta tal‑qaddisin, u demm il‑qaddisin, ma jibqgħux aktar jitilgħu minn din l‑art u jilħqu widnejn il‑Mulej tal‑Eżerċti, biex hu jitħallas mill‑għedewwa tagħhom.

Għalhekk, jeħtieġ li intom tieqfu dejjem f’postijiet qaddisa u ma titħarrkux, sal‑jum li fih jiġi l‑Mulej; għax araw, huwa se jiġi dalwaqt, jgħid il‑Mulej. Ammen.