Sezzjoni 113
Tweġibiet għal ċerti mistoqsijiet dwar il-kitbiet ta’ Isaija, mogħtija minn Joseph Smith, il-Profeta, ġewwa Far West, Missouri, jew x’imkien fil-qrib, f’Marzu 1838.
1–6, Identifikati z-Zokk ta’ Ġesse, il-fergħa li ħierġa minnu, u l-għerq ta’ Ġesse; 7–10, Il-fdalijiet imxerdin ta’ Sijon għandhom dritt għas-saċerdozju u huma msejħa biex jerġgħu lura lejn il-Mulej.
1 Min huwa z-Zokk ta’ Ġesse li jissemma f’vers 1, 2, 3, 4, u 5 tal-11-il kapitlu ta’ Isaija?
2 Tassew dan jgħid il-Mulej: Huwa Kristu.
3 X’inhi l-fergħa li tissemma fl-ewwel vers tal-11-il kapitlu ta’ Isaija, li għad tinbet miz-Zokk ta’ Ġesse?
4 Araw, dan jgħid il-Mulej: Hija tirrappreżenta wieħed qaddej li jinsab f’idejn Kristu, li sa ċertu punt ġej min-nisel ta’ Ġesse kif ukoll min-nisel ta’ Efrajm, jew fi kliem ieħor mid-dar ta’ Ġużeppi, u fuqu ġiet imsawba qawwa kbira.
5 Min hu l-għerq ta’ Ġesse li jissemma fl-10 vers tal-11-il kapitlu?
6 Araw, dan jgħid il-Mulej, huwa wieħed li ġej min-nisel ta’ Ġesse, kif ukoll min-nisel ta’ Ġużeppi, li bi dritt, is-saċerdozju, u l-imfietaħ tas-saltna, jappartjenu lilu, bħala sinjal, kif ukoll għall-ġabra tal-poplu tiegħi fl-aħħar żminijiet.
7 Mistoqsijiet minn Elias Higbee: Xi jfisser il-kmand li hemm f’Isaija, kapitlu 52, vers 1, li jgħid: Xidd il-qawwa tiegħek, O Sijon—u għal liema poplu kien qed jirreferi Isaija?
8 Huwa kien qed jirreferi għal dawk li Alla se jsejjaħ fl-aħħar żminijiet, li sejrin iħaddnu l-qawwa tas-saċerdozju biex jerġgħu jġibu lura lil Sijon, u l-fidwa ta’ Iżrael; u li xxidd il-qawwa tagħha ifisser li xxidd fuqha l-awtorità tas-saċerdozju, li hija, Sijon, għandha dritt għalih skont nisilha; kif ukoll biex terġa’ lura għal dik il-qawwa li kienet tilfet.
9 Xi tfisser li Sijon tħoll l-irbit minn għonqha; vers 2?
10 Ifisser li l-bqija li jinsabu mxerrdin huma mħeġġa sabiex jerġgħu lura lejn il-Mulej minn fejn waqgħu; u jekk huma jagħmlu dan, il-wegħda tal-Mulej hi li lilhom huwa jkellem, jew lilhom jagħti r-rivelazzjoni. Ara vers 6, 7, u 8. L-irbit minn għonqha huma s-saħtiet ta’ Alla fuqha, jew fuq il-fdalijiet ta’ Iżrael fil-kundizzjoni tagħhom bħala poplu mifrux fost il-Ġentili.