Skrittura
Duttrina u Patti 123


Sezzjoni 123

Id-dmir tal-Qaddisin b’rabta mal-persekuturi tagħhom, skont dak li kiteb Joseph Smith il-Profeta waqt li kien maqful fiċ-ċella ġewwa Liberty, Missouri. Din is-sezzjoni hija silta minn ittra lill-Knisja miktuba għall-ħabta tat-22 ta’ Marzu, 1839 (ara l-intestatura għal sezzjoni 122).

1–6, Il-Qaddisin għandhom jiġbru u jippubblikaw rendikont tat-tbatija u l-persekuzzjoni tagħhom; 7–10, L-istess spirtu li ħareġ b’dikjarazzjonijiet ta’ twemmin falz iwassal ukoll għall-persekuzzjoni tal-Qaddisin; 11–17, Għad ikunu ħafna, minn fost id-denominazzjonijiet kollha, li jaċċettaw il-verità.

U għal darb’oħra, nissuġġerulkom tikkunsidraw li jkun xieraq li l-qaddisin kollha jiġbru kull informazzjoni fattwali dwar it-tbatija kollha u l-abbuż li huma esperjenzaw minn taħt idejn in-nies ta’ dan l-Istat;

Kif ukoll dwar it-telfien ta’ propjetà u l-ħsara kollha li huma sofrew, kemm ħsara lill-karattru tagħhom u anke ħsara fiżika, kif ukoll ħsara lill-istess propjetà tagħhom;

U jiġbru wkoll l-ismijiet tal-persuni kollha li b’xi mod għaddewhom mill-oppressjoni, dejjem jekk hu possibbli li jakkwistawhom u jsibuhom.

U tajjeb ukoll li jissejjaħ kumitat biex isib dawn il-ħwejjeġ, u biex jieħdu rendikont tad-dikjarazzjonijiet u l-affidavits; kif ukoll biex jiġbor flimkien il-pubblikazzjonijiet kalunnjużi li qed jiġu ċċirkolati;

Kif ukoll dak kollu li hemm fir-rivisti, u fl-enċiklopediji, u fl-istejjer kalunnjużi li qed jiġu ppubblikati u miktuba, kif ukoll min qed jiktibhom, u huma għandhom jippreżentaw il-ġabra sħiħa ta’ dan il-ħażen diaboliku, u tal-impożizzjoni mxajtna u qattiela li dan il-poplu esperjenza minn taħt idejhom—

Biex aħna mhux biss nippreżentawhom lid-dinja kollha, iżda nippreżentawhom ukoll, kif inhuma, lill-mexxejja tal-gvern, fil-mod mill-aktar malinn u mxajtan tagħhom, bħala l-aħħar attentat li ordnalna nagħmlu Missierna fis-Smewwiet qabel ma nesprimu d-dritt sħiħ tagħna li nsejħu lil Alla biex mill-post moħbi tiegħu jġib fis-seħħ il-wegħda tiegħu; u biex il-ġens kollu ma jkun baqagħlu l-ebda skuża qabel ma huma jsawwab fuqhom il-qawwa kollha ta’ driegħu.

Huwa dmir sagrosant li aħna għandna lejn Alla, lejn l-anġli, li għad ninġiebu biex nieqfu magħhom, kif ukoll lejna nfusna, lejn martna u lejn uliedna, li ġew imġiegħla jgħaddu minn daqstant niket, dulur, u nkwiet, minn taħt l-id kundannabbli tal-qtil, tat-tirannija, u l-oppressjoni, megħjuna, mħeġġa u sostnuta mill-influwenza ta’ dak l-ispirtu li rbatta b’qawwa twemmin il-missirijiet, li wirtu l-gideb, u għaddewh lil uliedhom, u mlew id-dinja b’tant konfużjoni, li maż-żmien baqgħet dejjem tikber, u li issa hija s-sors ewlieni ta’ kull korruzzjoni; u d-dinja kollha tinsab tokrob taħt it-toqol tal-ħażen tiegħu.

Huwa tabilħaqq madmad tal-ħadid u ħabel mill-aktar b’saħħtu; huwa sewwasew il-manetti, u l-ktajjen, u l-qajd, u l-irbit tal-infern.

Għalhekk huwa dmir sagrosant li aħna għandna mhux biss lejn martna u wliedna, iżda wkoll lejn ir-romol u l-iltiema, li żwieġhom u missirijiethom sfaw maqtula permezz tal-id tal-ħadid tiegħu;

10 Li l-għemejjel mudlama u msewda tiegħu huma biżżejjed biex anke l-istess infern jitkexkex, jitwerwer u jisfar, u biex idejn l-istess xitan jirtogħdu u jitriegħdu.

11 U huwa wkoll dmir sagrosant li aħna għandna lejn il-ġenerazzjoni li tielgħa, u lejn dawk kollha li huma safja f’qalbhom—

12 Għax huma ħafna fid-dinja, minn fost kull setta, organizzazzjoni, u denominazzjoni, li għadhom jagħmew bl-ingann sottili tal-bnedmin, li permezz tiegħu jaraw kif iqarrqu, u li huma għadhom qed jinżammu ’l bogħod mill-verità għax ma jafux fejn jistgħu jsibuha—

13 Għalhekk, aħna għandna niddedikaw u ngħaddu ħajjitna niżvelaw l-għemejjel moħbija tal-ħażen, sa fejn nafu bihom; u huma tassew qed jiġu żvelati lilna mis-smewwiet—

14 U aħna għandna naraw li nagħmlu dan bl-akbar reqqa.

15 Ħadd m’għandu jħares lejn dawn il-ħwejjeġ bħallikieku huma xi ħaġa insinifikanti; għax se jkunu bosta l-ħwejjeġ li fil-ġejjieni se jaffettwaw lil qaddisin li se jiddependu minnhom.

16 Intom tafu, l-aħwa, li bastiment mill-aktar kbir jiswielu ferm li jkollu daqsxejn ta’ tmun żgħir meta tqum xi maltempata, biex huwa jibqa’ għaddej qalb l-irjieħ u l-mewġ.

17 Għalhekk, għeżież ħuti, ejjew inwettqu b’ferħ dak kollu li kapaċi mwettqu; u mbagħad, ejjew nieqfu, b’kunfidenza kbira, biex naraw b’għajnejna s-salvazzjoni ta’ Alla, u naraw driegħu joħroġ fid-deher.