Sezzjoni 94
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar it‑2 ta’ Awwissu, 1833, li tiddeskrivi l‑mod kif għandha tkun imqassma Kirtland, li hi waħda mill‑pali ta’ Sijon, kif ukoll il‑ħatra ta’ Hyrum Smith, Reynolds Cahoon, u Jared Carter bħala membri tal‑kumitat tal‑bini tal‑Knisja.
1–9, Il‑Mulej jagħti kmandament relatat mal‑bini ta’ dar għall‑ħidma tal‑Presidenza; 10–12, Għandha tinbena stamperija; 13–17, Jiġi mqassam ċertu ġid.
1 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, ħbieb tiegħi, qed nordnalkom biex tagħtu bidu għall‑ħidma tat‑tfassil u t‑tħejjija tas‑sisien u l‑pedament tal‑belt, li hi waħda mill‑pali ta’ Sijon, hawn fl‑art ta’ Kirtland, u għandkom tibdew mid‑dar tiegħi.
2 U araw li kollox isir skont il‑mudell li jiena tajtkom.
3 U araw li l‑ewwel plott li hemm fin‑naħa t’isfel jiġi kkonsagrat lili, għall‑bini ta’ dar għall‑presidenza, għall‑ħidma tal‑presidenza, biex fiha jingħataw ir‑rivelazzjonijiet; u għall‑ħidma tal‑ministeru tal‑presidenza, f’dak kollu li hu relatat mal‑knisja u mas‑saltna.
4 Tassew ngħidilkom, li l‑qisien tagħha, fil‑bitħa ta’ ġewwa, għandhom ikunu ħamsa u ħamsin u ħamsa u sittin pied fil‑wisa’ u t‑tul tagħha.
5 U għandu jkun hemm żewġ sulari, wieħed isfel u ieħor fuq, skont il‑mudell li se jingħatalkom aktar ’il quddiem.
6 U għandha tkun iddedikata lill‑Mulej sewwasew mill‑pedament tagħha, skont l‑ordni tas‑saċerdozju, skont il‑mudell li se jingħatalkom aktar ’il quddiem.
7 U għandha tkun iddedikata kollha kemm hi lill‑Mulej għall‑ħidma tal‑presidenza.
8 U araw li ma tħallu l‑ebda ħaġa mniġġsa tidħol ġewwa fiha; u fiha se jkun hemm il‑glorja tiegħi u l‑preżenza tiegħi.
9 Iżda jekk fiha tidħol xi ħaġa mniġġsa, fiha ma jkunx hemm il‑glorja tiegħi; u l‑preżenza tiegħi ma tkunx fiha.
10 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, it‑tieni plott li hemm fin‑naħa t’isfel għandu jkun iddedikat għalija, biex tinbena dar għalija, għall‑ħidma tal‑istampar tat‑traduzzjoni tal‑iskrittura tiegħi, u ta’ kull ħaġa li nordnalkom jiena.
11 U l‑qisien tagħha, fil‑bitħa ta’ ġewwa, għandhom ikunu ħamsa u ħamsin u ħamsa u sittin pied fil‑wisa’ u t‑tul tagħha; u għandu jkun hemm żewġ sulari, wieħed isfel u ieħor fuq.
12 U din id‑dar għandha tkun iddedikata kollha kemm hi lill‑Mulej sewwasew mill‑pedament tagħha, għall‑ħidma tal‑istampar, ta’ kull ħaġa li nordnalkom jiena, u hija għandha tkun qaddisa u safja f’kollox, skont il‑mudell li se jingħatalkom.
13 U t‑tielet plott għandu jkun is‑sehem li għandu jingħata l‑qaddej tiegħi Hyrum Smith.
14 U l‑ewwel u t‑tieni plott li hemm fin‑naħa ta’ fuq għandu jkun is‑sehem li għandhom jingħataw il‑qaddejja tiegħi Reynolds Cahoon u Jared Carter—
15 Ħalli huma jkunu jistgħu jwettqu l‑ħidma li jiena ħtarthom għaliha, biex flimkien jiffurmaw kumitat responsabbli mill‑bini tad‑djar tiegħi, skont il‑kmandament li jien, il‑Mulej Alla, tajtkom.
16 Dawn iż‑żewġt idjar m’għandhomx jinbnew qabel ma nagħtikom kmandament relatat magħhom.
17 U għalissa m’jiena se nagħtikom l‑ebda informazzjoni oħra. Ammen.