Skrittura
Duttrina u Patti 100


Sezzjoni 100

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta u Sidney Rigdon, ġo Perrysburg, New York, nhar it‑12 ta’ Ottubru, 1833. Iż‑żewġt aħwa, li kienu ilhom neqsin mill‑familji tagħhom għal bosta jiem, bdew jinkwetaw xi ftit dwarhom.

1–4, Joseph u Sidney għandhom ixandru l‑evanġelju għas‑salvazzjoni tal‑erwieħ; 5–8, Jingħata lilhom dak il‑ħin stess x’għandhom jgħidu; 9–12, Sidney għandu jkun il‑kelliem u Joseph għandu jkun ir‑rivelatur u bniedem setgħan fix‑xhieda tiegħu; 13–17, Il‑Mulej sejjer iqajjem poplu ta’ qalb safja, u l‑ubbidjenti se jiksbu s‑salvazzjoni.

Tassew, dan jgħid il‑Mulej lilkom, il‑ħbieb tiegħi Sidney u Joseph, li l‑familji tagħkom jinsabu tajbin; huma jinsabu f’idejja, u jien nagħmel minnhom dak li nħoss li hu tajjeb; għax fija tinsab kull qawwa.

Għalhekk, imxu warajja, u isimgħu mill‑parir li sejjer nagħtikom.

Araw, huma bosta n‑nies tiegħi li jinsabu f’dan il‑post, fl‑inħawi tal‑madwar; u se jinfetaħ bieb li għad iħalli l‑frott fl‑inħawi tal‑madwar f’din l‑art tal‑lvant.

Għalhekk, jien, il‑Mulej, ippermettejt li intom tiġu f’dan il‑post; għax rajt li kien meħtieġ li jsir dan għas‑salvazzjoni tal‑erwieħ.

Għalhekk, tassew ngħidilkom, semmgħu leħinkom quddiem dan il‑poplu; lissnu l‑ħsibijiet li jiena se niżvela ġewwa qalbkom, u intom ma titħawdu qatt quddiem il‑bnedmin;

Għax jingħata lilkom dak il‑ħin stess, iva, f’dak il‑mument, x’għandkom tgħidu.

Iżda jien nagħtikom kmandament, li dak kollu li intom ixxandru araw li xxandruh f’ismi, b’qalb mill‑aktar solenni, fi spirtu ta’ ħlewwa, f’kull ħaġa.

U jien nagħmlilkom din il‑wegħda, li jekk intom tagħmlu dan, jiena nibgħat fostkom l‑Ispirtu s‑Santu biex jagħti xhieda ta’ dak kollu li intom tgħidu.

U nħoss li jkun jaqbel li inti, O qaddej tiegħi Sidney, tkun kelliem quddiem dan il‑poplu; iva, tassew, jiena lilek nordnak għal din is‑sejħa, sewwasew biex tkun kelliem għall‑qaddej tiegħi Joseph.

10 U jiena lilu nagħtih il‑qawwa li jkun bniedem setgħan fix‑xhieda tiegħu.

11 U lilek nagħtik il‑qawwa li jkollok is‑setgħa li tispjega l‑iskrittura kollha, biex inti tkun tista’ titkellem għalih, u huwa jkun għalik rivelatur, sabiex inti tkun tista’ tagħraf tassew dak kollu li għandu x’taqsam mas‑saltna tiegħi fuq l‑art.

12 Għalhekk, komplu bil‑vjaġġ tagħkom u ħalluha tifraħ qalbkom; għax araw, jiena magħkom sal‑aħħar.

13 U issa se ngħidilkom xi ħaġa dwar Sijon. Sijon għad tinfeda, minkejja li lilha se nikkastiga ftit ieħor.

14 Ħutkom, il‑qaddejja tiegħi Orson Hyde u John Gould, jinsabu f’idejja; u jekk huma jħarsu l‑kmandamenti tiegħi huma jiksbu s‑salvazzjoni.

15 Għalhekk, agħmlu l‑qalb; għax kollox għad jiġi fis‑seħħ għall‑ġid ta’ dawk li jimxu bis‑sewwa, u għall‑qdusija tal‑knisja.

16 Għax jiena se nqajjem għalija poplu ta’ qalb safja, li lili jaqdi fis‑sewwa;

17 U dawk kollha li jsejħu isem il‑Mulej, u jħarsu l‑kmandamenti tiegħu, għad jiksbu s‑salvazzjoni. Hekk għandu jkun. Ammen.