Skrittura
Duttrina u Patti 95


Sezzjoni 95

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar l‑1 ta’ Ġunju, 1833. Din ir‑rivelazzjoni tkompli ma’ struzzjonijiet divini oħra li ngħataw b’rabta mal‑bini ta’ dar għall‑qima u t‑tagħlim, sewwasew id‑dar tal‑Mulej (ara sezzjoni 88:119–136).

1–6, Il‑Qaddisin jiġu kkastigati talli naqsu li jibnu d‑dar tal‑Mulej; 7–10, Il‑Mulej jixtieq juża d‑dar tiegħu biex isawwab qawwa mill‑għoli fuq il‑poplu tiegħu; 11–17, Id‑dar għandha tkun iddedikata bħala post ta’ qima u bħala l‑iskola tal‑Appostli.

Tassew, dan jgħid il‑Mulej lilkom li jiena nħobb, u lil min inħobb jiena nikkastiga biex huma jiksbu maħfra ta’ dnubiethom, għax mal‑kastig jiena nħejji mod kif neħlishom minn kull tip ta’ tiġrib, u lilkom jiena ħabbejt—

Għalhekk, jeħtieġ li lilkom jiena nikkastiga u nċanfar fil‑preżenza tiegħi;

Għax intom dnibtu kontrija dnub mill‑aktar serju, fejn intom bl‑ebda mod ma ġibtu quddiem għajnejkom il‑kmandament il‑kbir, li jiena tajtkom b’rabta mal‑bini tad‑dar tiegħi;

Għat‑tħejjija li permezz tagħha qed nippjana li nħejji l‑appostli tiegħi biex huma jiżbru l‑għalqa tiegħi għall‑aħħar darba, ħalli jiena nkun nista’ nwettaq l‑opra misterjuża tiegħi, biex inkun nista’ nsawwab l‑Ispirtu tiegħi fuq kulħadd—

Iżda araw, tassew ngħidilkom, li huma bosta fostkom li ġew ordnati, li lilhom jiena sejjaħt, iżda huma biss ftit minnhom il‑magħżulin.

Dawk li mhumiex magħżulin għamlu dnub mill‑aktar serju, fejn huma jinsabu mexjin fid‑dalma fil‑ħin ta’ nofsinhar.

U għal dan il‑għan jiena ordnajtilkom sabiex issejħu laqgħa solenni, biex is‑sawm u l‑biki tagħkom ikun jista’ jilħaq widnejn il‑Mulej tal‑Eżerċti, li huwa l‑ħallieq tal‑ewwel jum, u huwa l‑bidu u t‑tmiem.

Iva, tassew ngħidilkom, jiena ordnajtilkom biex tibnu dar, u f’din id‑dar biħsiebni nsawwab qawwa mill‑għoli fuq dawk li jiena għażilt;

Għax din hija l‑wegħda li qed jagħmlilkom il‑Missier; għalhekk qed nordnalkom sabiex tibqgħu hawn, kif għamlu l‑appostli tiegħi f’Ġerusalemm.

10 Madankollu, il‑qaddejja tiegħi għamlu dnub mill‑aktar serju; u qam it‑tilwim fl‑iskola tal‑profeti; ħaġa li lili ddejjaqni ferm, jgħid Sidkom il‑Mulej; kien għalhekk li b’kastig lilhom jiena keċċejt.

11 Tassew ngħidilkom, hija r‑rieda tiegħi li intom tibnu dar. Jekk tħarsu l‑kmandamenti tiegħi intom ikollkom il‑qawwa biex tibnuha.

12 Jekk ma tħarsux il‑kmandamenti tiegħi, l‑imħabba tal‑Missier ma tibqax tgħammar magħkom, u b’hekk tispiċċaw timxu fid‑dalma.

13 Issa hawn hu l‑għerf, u din hija r‑rieda tal‑Mulej—li intom tibnu d‑dar, mhux skont il‑mod li bih tibni d‑dinja, għax jiena ma rridkomx li tgħixu bil‑mod tad‑dinja;

14 Għalhekk, jeħtieġ li tibnuha bil‑mod li se nuri lil tlieta minnkom, li jiena se naħtar u nordna biex huma jkollhom din il‑qawwa.

15 U l‑qies tagħha, fil‑bitħa ta’ ġewwa, għandu jkun ħamsa u ħamsin pied wisa’, u ħamsa u sittin pied tul.

16 U jeħtieġ li l‑parti t’isfel tal‑bitħa ta’ ġewwa tkun iddedikata lili għall‑offerta tagħkom tas‑sagrament, u għax‑xandir tal‑kelma tagħkom, u għas‑sawm u t‑talb tagħkom, u biex intom toffru l‑eqdes xewqat tagħkom lili, jgħid Sidkom il‑Mulej.

17 U jeħtieġ li l‑parti ta’ fuq tal‑bitħa ta’ ġewwa tkun iddedikata lili għall‑iskola tal‑appostli tiegħi, jgħid l‑Iben Ahman; jew, fi kliem ieħor, Alfu; jew, fi kliem ieħor, Omegu; l‑istess Ġesù Kristu Sidkom. Ammen.