Skrittura
Duttrina u Patti 96


Sezzjoni 96

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta, nhar l‑4 ta’ Ġunju, 1833. Dan seħħ waqt konferenza tal‑qassisin il‑kbar, u s‑suġġett ewlieni li ġie diskuss kien id‑distribuzzjoni ta’ ċerti artijiet, magħrufin bħala r‑razzett ta’ French, li kien hemm qrib Kirtland u li kienu jinsabu f’idejn il‑Knisja. Peress li fil‑konferenza ma kienx hemm qbil dwar min kellu jibda jieħu ħsieb ir‑razzett, kulħadd qabel li huma għandhom jistaqsu lill‑Mulej dwar din il‑ħaġa.

1, Il‑Pal ta’ Sijon f’Kirtland għandu jissaħħaħ; 2–5, L‑isqof għandu jagħti lill‑Qaddisin sehemhom; 6–9, John Johnson għandu jkun membru tal‑ordni unita.

Araw, jien ngħidilkom, hawn qiegħed l‑għerf, li permezz tiegħu tistgħu tkunu tafu dwar dil‑ħaġa, għax inħoss li hu xieraq li dan il‑pal jissaħħaħ, li jiena waqqaft biex tissaħħaħ Sijon.

Għalhekk, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Newel K. Whitney ikun responsabbli mill‑post li intom semmejtu, fejn jien qed nippjana li nibni d‑dar qaddisa tiegħi.

U jeħtieġ ukoll li l‑art tinqasam f’għadd ta’ plottijiet, skont kif taħsbu li hu l‑aħjar, għall‑ġid ta’ dawk li qed ifittxu li jingħataw sehemhom, kif jiġi deċiż minnkom fil‑kunsill.

Għalhekk, araw li jsir dan, u araw li dak is‑sehem ikun ta’ benefiċċju għall‑ordni tiegħi, bil‑għan li titwassal il‑kelma tiegħi fost ulied il‑bnedmin.

Għax araw, tassew ngħidilkom, li għalija din hi ħaġa mill‑aktar importanti, li l‑kelma tiegħi titwassal fost ulied il‑bnedmin, bil‑għan li trattab qalb ulied il‑bnedmin għall‑ġid tagħkom. Hekk għandu jkun. Ammen.

U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, li fl‑għerf tiegħi nħoss li jkun jaqbel li lill‑qaddej tiegħi John Johnson, li l‑offerta tiegħu jiena lqajt u li t‑talb tiegħu jiena smajt, u li lilu jiena nwiegħed il‑ħajja ta’ dejjem jekk minn issa ’l hemm huwa jħares il‑kmandamenti tiegħi—

Għax huwa ġej min‑nisel ta’ Ġużeppi u għandu sehem mill‑barkiet tal‑wegħda li saret lil missirijietu—

Tassew ngħidilkom, jiena nħoss li jkun jaqbel li huwa jsir membru tal‑ordni, ħalli jkun jista’ jgħin biex titwassal il‑kelma tiegħi fost ulied il‑bnedmin.

Għalhekk jeħtieġ li lilu tordnaw biex huwa jingħata din il‑barka, u bir‑reqqa kollha għandu jara li d‑dar li intom semmejtu tinħeles minn kull dejn, biex fiha jkun jista’ jgħammar. Hekk għandu jkun. Ammen.