Sezzjoni 104
Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland jew x’imkien fil‑qrib, nhar it‑23 ta’ April, 1834, relatata mal‑Azjenda Unita (ara l‑intestatura għal sezzjoni 78 u 82). Dan x’aktarx seħħ waqt laqgħa tal‑kunsill għall‑membri tal‑Azjenda Unita, li flimkien iddiskutew il‑ħtiġijiet temporali urġenti tal‑Knisja. Waqt laqgħa tal‑azjenda li saret aktar qabel, nhar l‑10 ta’ April, ġie deċiż li l‑organizzazzjoni tiġi xolta. Din ir‑rivelazzjoni titlob biex minflok, l‑azjenda tiġi organizzata mill‑ġdid; u l‑ġid tagħha għandu jinqasam bejn il‑membri tal‑azjenda bħala l‑amministraturi tagħha. Aktar tard, taħt id‑direzzjoni ta’ Joseph Smith, il‑frażi “Azjenda Unita,” li kien hemm fir‑rivelazzjoni, inbidlet u saret “Ordni Unita.”
1–10, Il‑Qaddisin li jkunu diżjubbidjenti lejn l‑ordni unita jiġu misħuta; 11–16, Il‑Mulej jipprovdi għall‑Qaddisin tiegħu kif jaħseb li hu l‑aħjar; 17–18, Il‑liġi tal‑Evanġelju tmexxi l‑mod kif għandhom jiġu ndukrati l‑foqra; 19–46, Indikati r‑responsabbiltajiet u l‑barkiet ta’ ħafna mill‑aħwa; 47–53, L‑ordni unita f’Kirtland u l‑ordni f’Sijon għandhom joperaw indipendentement minn xulxin; 54–66, It‑teżor sagru tal‑Mulej ġie mwaqqaf għall‑istampar tal‑iskrittura; 67–77, It‑teżor ġenerali tal‑ordni unita għandu jopera fuq bażi ta’ kunsens komuni; 78–86, Dawk li jagħmlu parti mill‑ordni unita għandhom jifdu d‑dejn tagħhom, u l‑Mulej jeħlishom mill‑jasar finanzjarju.
1 Tassew ngħidilkom, ħbieb tiegħi, li jien se nagħtikom parir, u kmandament, li jikkonċerna l‑ġid kollu li jappartjeni lill‑ordni, liema ordni jien ordnajtilkom biex torganizzaw u twaqqfu, biex hija tkun ordni unita, u ordni eterna għall‑ġid tal‑knisja tiegħi, u għas‑salvazzjoni tal‑bnedmin, sakemm jiena niġi—
2 Permezz ta’ wegħda li ma titreġġax lura u li ma tinbidilx, li jekk dawk li lilhom tajt l‑ordni tiegħi jibqgħu fidili, huma jkunu mberkin b’għadd ta’ barkiet;
3 Iżda jekk huma ma jibqgħux fidili ma jdumux ma jintlaqtu minn saħta.
4 Għalhekk, jekk xi wħud mill‑qaddejja tiegħi ma jħarsux il‑kmandamenti, iżda jiksru l‑patt permezz tar‑regħba u kliem qarrieq, jiena lilhom nisħet b’saħta mill‑aktar kbira u severa.
5 Għax jien, il‑Mulej, qtajtha li jekk xi ħadd li jagħmel parti mill‑ordni jinstab li huwa trasgressur, jew, fi kliem ieħor, jikser il‑patt li bih intrabat, huwa jkun misħut f’ħajtu, u hu jispiċċa mgħaffeġ minn min nagħżel jien;
6 Għax jien, il‑Mulej, ħadd mhu se jiddieħaq bija f’dawn il‑ħwejjeġ—
7 U dan kollu biex dawk fostkom li huma innoċenti ma jiġux ikkundannati flimkien mal‑ħżiena; u biex dawk fostkom li huma ħatja ma jeħilsuhiex; għax jien, il‑Mulej, wegħdtkom kuruna ta’ ġieħ fuq il‑lemin tiegħi.
8 Għalhekk, jekk tinstabu li intom trasgressuri, intom f’ħajjitkom ma tkunux tistgħu teħilsuha mill‑korla tiegħi.
9 Jekk intom tiġu mwarrba minħabba trasgressjoni, intom ma tkunux tistgħu teħilsuha mit‑turment ta’ Satana sa ma jasal jum il‑fidwa.
10 U minn issa stess jien se nagħtikom il‑qawwa li jekk xi ħadd fostkom, li jagħmel parti mill‑ordni, jinstab li huwa trasgressur u ma jindimx mill‑ħażen, intom għandkom tħalluh jiġi tturmentat minn Satana; u hu ma jkollu l‑ebda qawwa li jġib fuqkom id‑deni.
11 Dan huwa fl‑għerf tiegħi; għalhekk, jiena nordnalkom sabiex torganizzaw irwieħkom u taraw li lil kull bniedem tagħtuh responsabbiltà;
12 Ħalli kull bniedem ikun jista’ jagħti kont lili ta’ dak kollu li tħalla responsabbli minnu.
13 Għax huwa xieraq li jien, il‑Mulej, nara li kull bniedem hu kontabbli, bħala amministratur tal‑barkiet tal‑art, li jiena ħloqt u ħejjejt għall‑ħlejjaq tiegħi.
14 Jien, il‑Mulej, frixt is‑smewwiet, u bnejt l‑art, u dawn huma xogħol idejja; u kull ħaġa li hemm fihom hija tiegħi.
15 U l‑għan tiegħi hu li nipprovdi għall‑qaddisin tiegħi, għax kull ħaġa hi tiegħi.
16 Iżda jeħtieġ li dan isir bil‑mod li rrid jien; u araw, dan hu l‑mod li jien, il‑Mulej, ħabbart kif sejjer nipprovdi għall‑qaddisin tiegħi, sabiex il‑foqra jiġu mgħollija ’l fuq, filwaqt li l‑għonja jitniżżlu ’l isfel.
17 Għax l‑art mimlija waħda sew, u hawn biżżejjed u bix‑xaba’; iva, jiena ħejjejt kull ħaġa, u ’l ulied il‑bnedmin tajthom il‑qawwa li jaġixxu għalihom infushom.
18 Għalhekk, jekk xi ħadd jieħu mill‑abbundanza li jiena ħloqt, u ma jaqsamx sehemu, skont il‑liġi tal‑evanġelju tiegħi, mal‑foqra u ma’ dawk fil‑bżonn, huwa għad isib ruħu fi tbatija mill‑aktar kbira, u fl‑infern għad jerfa’ ħarstu flimkien mal‑ħżiena.
19 U issa, tassew ngħidilkom, b’relazzjoni mal‑ġid tal‑ordni—
20 Jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon jingħatalu l‑post li qed jgħix fih bħalissa, u li hu għandu jkun responsabbli mill‑plott fejn hemm il‑konzerija, biex huwa jkun jista’ jmantni lilu nnifsu waqt li jinsab jaħdem fl‑għalqa tiegħi, skont ir‑rieda tiegħi, meta nordnalu jagħmel dan.
21 U jeħtieġ li kollox isir fuq il‑parir tal‑ordni, u b’kunsens komuni jew b’vot tal‑ordni, ta’ dawk li jgħammru fl‑art ta’ Kirtland.
22 U jien, il‑Mulej, nitfa’ din ir‑responsabbiltà u din l‑barka fuq il‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon, li hi barka li jiena qed insawwab fuqu u fuq in‑nisel tiegħu warajh;
23 U jiena nkattar barkietu, jekk huwa jumilja ruħu quddiemi.
24 U għal darb’oħra, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Martin Harris jingħatalu l‑plott li kien ingħata lill‑qaddej tiegħi John Johnson, biex hu jkun responsabbli minnu, u dan jingħatalu minflok dak li kien ingħatalu qabel, għalih u għal nislu warajh;
25 U jekk huwa jibqa’ fidil, jiena nkattar barkieti fuqu u fuq nislu warajh.
26 U jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Martin Harris jiddedika flusu għax‑xandir tal‑kelma tiegħi, skont id‑direzzjoni li jagħtih il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun.
27 U għal darb’oħra, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Frederick G. Williams jibqa’ jżomm f’idejh il‑post li qed jgħammar fih bħalissa.
28 U jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Oliver Cowdery jingħata l‑plott li jinsab qrib id‑dar li għandha tintuża bħala l‑uffiċċju tal‑istampar, jiġifieri l‑plott numru wieħed, kif ukoll il‑plott fejn jgħix missieru.
29 U jeħtieġ li l‑qaddejja tiegħi Frederick G. Williams u Oliver Cowdery ikunu responsabbli mill‑uffiċċju tal‑istampar u minn kull ħaġa relatata miegħu.
30 U din se tkun ir‑responsabbiltà li jiena se nagħtihom.
31 U jekk huma jibqgħu fidili, araw, lilhom jiena mbierek, u jiena nkattar barkieti fuqhom.
32 U dan huwa biss il‑bidu tar‑responsabbiltà li jiena qed nagħtihom, għalihom u għal nisilhom warajhom.
33 U jekk huma jibqgħu fidili, jiena nkattar barkieti fuqhom u fuq nisilhom warajhom, sewwasew għadd kbir ta’ barkiet.
34 U għal darb’oħra, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi John Johnson jingħata d‑dar li fiha jgħix, liema dar għandha tingħatalu kollha kemm hi ħlief għall‑art li ġiet riservata għall‑bini tad‑djar tiegħi, u għall‑plottijiet li ġew allokati għall‑qaddej tiegħi Oliver Cowdery.
35 U jekk jibqa’ fidil, jiena nkattar barkieti fuqu.
36 U hija r‑rieda tiegħi li huwa jbiegħ il‑plottijiet li ġew mqassma għall‑bini tal‑belt tal‑qaddisin tiegħi, dejjem jekk dan ikun żvelat lilu permezz ta’ leħen l‑Ispirtu, u skont il‑parir tal‑ordni, u l‑vot tal‑ordni.
37 U dan huwa biss il‑bidu tar‑responsabbiltà li jiena qed nagħtih, bħala barka għalih u għal nislu warajh.
38 U jekk huwa jibqa’ fidil, jiena nkattar fuqu għadd ta’ barkiet.
39 U għal darb’oħra, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Newel K. Whitney jingħatawlu kemm id‑dar kif ukoll il‑plott fejn qed jgħix bħalissa, u l‑plott u l‑bini fejn tinsab l‑intrapriża kummerċjali, kif ukoll il‑plott li jinsab fil‑kantuniera t’isfel tal‑intrapriża kummerċjali, kif ukoll il‑plott fejn hemm il‑fabbrika tal‑potassa.
40 U jien qed naħtar lill‑qaddej tiegħi Newel K. Whitney biex jagħmilha ta’ amministratur ta’ dan kollu, u din hija barka li qed nsawwab fuqu u fuq nislu warajh, għall‑ġid tal‑intrapriża kummerċjali tal‑ordni tiegħi, li jiena waqqaft għall‑pal tiegħi li hemm fl‑art ta’ Kirtland.
41 Iva, tassew, jien qed naħtar bħala amministraturi ta’ din l‑intrapriża kummerċjali kollha lill‑qaddej tiegħi N. K. Whitney u lill‑aġent tiegħu, kif ukoll lil nislu warajh.
42 U jekk huwa jibqa’ jħares b’fedeltà l‑kmandamenti tiegħi, li jiena tajtu, jiena nkattar barkieti fuqu u fuq nislu warajh, sewwasew għadd kbir ta’ barkiet.
43 U għal darb’oħra, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun. jingħata l‑plott li ġie mqassam għall‑bini ta’ dari, liema plott hu twil erbgħin qasba u wiesgħa tnax, u jingħatalu wkoll il‑plott fejn jgħix missieru;
44 U dan hu biss il‑bidu tar‑responsabbiltà li jien qed nagħtih bħala barka li qed insawwab fuqu u fuq missieru.
45 Għax araw, lil missieru erfajtlu sehemu, biex ikun jista’ jsostni lilu nnifsu; għalhekk huwa għandu jitqies bħala wieħed li jagħmel parti mid‑dar ta’ Joseph Smith, Jun.
46 U jiena nkattar barkieti, sewwasew għadd kbir ta’ barkiet, fuq id‑dar tal‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., jekk huwa jibqa’ fidil.
47 U issa, jiena se nagħtikom kmandament relatat ma’ Sijon, fejn bħala ordni unita, intom m’għandkomx tibqgħu aktar marbutin ma’ ħutkom f’Sijon, bil‑mod kif se nispjega hawnhekk—
48 Wara li torganizzaw irwieħkom, intom għandkom tibdew tissejħu l‑Ordni Unita tal‑Pal ta’ Sijon, il‑Belt ta’ Kirtland. U ħutkom, wara li jorganizzaw irwieħhom, għandhom jibdew jissejħu l‑Ordni Unita tal‑Belt ta’ Sijon.
49 U huma għandhom jorganizzaw irwieħhom billi jużaw isimhom u isem l‑ordni tagħhom; u kulma jagħmlu għandhom jagħmluh billi jużaw isimhom u isem l‑ordni tagħhom;
50 U kulma tagħmlu għandkom tagħmluh billi tużaw isimkom u isem l‑ordni tagħkom.
51 U jien ordnajtilkom tagħmlu dan għall‑ħarsien tagħkom, kif ukoll għall‑ħarsien tagħhom, peress li huma ġew imkeċċijin ’il barra, kif ukoll għal dak li ġej.
52 U peress li l‑patti qed jinkisru permezz tat‑trasgressjoni, minħabba r‑regħba u l‑kliem qarrieq—
53 Għalhekk, l‑ordni unita ma’ ħutkom se tiġi xolta, fejn intom m’intomx se tibqgħu marbutin aktar magħhom, ħlief bil‑mod li ġej, kif għidt, permezz ta’ self, kif jiġi miftiehem f’din l‑ordni waqt kunsill, kif jippermettu ċ‑ċirkustanzi tagħkom u skont id‑deċiżjoni li tittieħed permezz tal‑vot tal‑kunsill.
54 U għal darb’oħra, jiena nagħtikom kmandament dwar dak kollu li jiena għamiltkom responsabbli minnu.
55 Araw, dal‑ġid kollu hu tiegħi, altrimenti l‑fidi tagħkom hi fiergħa, u intom tabilħaqq ipokriti, u ksirtu l‑patti li għamiltu miegħi;
56 U jekk dal‑ġid huwa tiegħi, mela intom amministraturi; altrimenti intom m’intomx amministraturi.
57 Iżda, tassew ngħidilkom, lilkom jiena ħtartkom biex tkunu amministraturi ta’ dari, amministraturi tassew.
58 U għal dan il‑għan jiena ordnajtilkom biex torganizzaw irwieħkom, sewwasew biex tistampaw kliemi, il‑milja tal‑iskrittura tiegħi, ir‑rivelazzjonijiet li jiena tajtkom u li minn issa ’l quddiem sejjer nagħtikom minn żmien għall‑ieħor—
59 Bil‑għan li tinbena l‑knisja u s‑saltna tiegħi fuq l‑art, u biex in‑nies tiegħi jiġu mħejjija għaż‑żmien li fih jiena se nkun qed ngħammar magħhom, liema żmien li jinsab fil‑qrib.
60 U intom għandkom tħejju post għat‑teżor, u tikkonsagrawh lil ismi.
61 U għandkom tagħżlu wieħed minn fostkom biex jieħu ħsieb it‑teżor, u lilu għandkom tordnaw biex jingħata din il‑barka.
62 U t‑teżor għandu jkollu siġill, u kull ħaġa sagra għandha tittieħed fit‑teżor; u ħadd minnkom m’għandu jagħmilha tiegħu, jew jagħmel parti minnha tiegħu, għax hija tappartjeni lilkom ilkoll flimkien.
63 U minn issa stess jiena qed nagħtih lilkom; u araw li tmorru u tagħmlu użu minn dak kollu li jien għamiltkom responsabbli minnu, ħlief għall‑ħwejjeġ sagri, għall‑għan tal‑istampar ta’ dawn il‑ħwejjeġ sagri, kif diġà għidt qabel.
64 U d‑dħul li jkun ġej mill‑ħwejjeġ sagri għandu jitpoġġa fit‑teżor, u għandu jiġi ssiġġillat; u ħadd m’għandu jagħmel użu minnu jew joħorġu mit‑teżor, u ħadd m’għandu jneħħi s‑siġill, li għandu jitpoġġa fuqu, ħlief permezz ta’ vot tal‑ordni, jew jekk jien nordnalkom tagħmlu dan.
65 U b’hekk għandkom taraw li d‑dħul li jkun ġej mill‑ħwejjeġ sagri jibqa’ jiġi ppreservat fit‑teżor.
66 U dan għandu jissejjaħ it‑teżor sagru tal‑Mulej; u għandkom tagħmlulu siġill biex ikun jista’ jiġi mqaddes u kkonsagrat għall‑Mulej.
67 U għal darb’oħra, għandkom tħejju teżor ieħor, u għandu jinħatar teżorier biex jieħu ħsieb it‑teżor, liema teżor għandkom tagħmlulu siġill;
68 U l‑flus kollha li tirċievu bħala amministraturi, billi tkattru l‑ġid li jiena tajtkom fejn jidħlu djar, jew artijiet, jew imrieħel, jew kull ħaġa oħra, għajr il‑kitba mqaddsa u sagra, li jiena ppreservajt għalija għal għanijiet qaddisa u sagri, għandkom tixħtuhom fit‑teżor, hekk kif tirċievu l‑flus, f’karti tal‑mija, jew tal‑ħamsin, jew tal‑għoxrin, jew tal‑għaxra, jew tal‑ħamsa.
69 Jew fi kliem ieħor, jekk xi ħadd fostkom jingħata ħames dollari jeħtieġ li huwa jixħethom fit‑teżor; u jekk huwa jingħata għaxra, jew għoxrin, jew ħamsin, jew mija, jeħtieġ li jagħmel l‑istess;
70 U araw li ma jkun hemm ħadd fostkom li jgħid li huma tiegħu; għax m’għandhomx jitqiesu li huma tiegħu, lanqas parti minnhom.
71 U xejn minnhom m’għandu jintuża jew jinħareġ minn ġot‑teżor, għajr permezz ta’ vot, jew b’kunsens komuni tal‑ordni.
72 U dan għandu jkun il‑vot u l‑kunsens komuni tal‑ordni—li xi ħadd fostkom jgħid lit‑teżorier: Jiena neħtieġ dan biex jgħinni f’dak kollu li jiena responsabbli minnu—
73 U jekk huwa jkun jeħtieġ ħames dollari, jew għaxar dollari, jew għoxrin, jew ħamsin, jew mija, it‑teżorier għandu jara li jagħtih kemm jeħtieġ biex jgħinu f’dak kollu li huwa responsabbli minnu—
74 U dan għandu jibqa’ jsir diment li ma jinstabx li huwa xi trasgressur, u joħroġ fid‑deher quddiem il‑kunsill tal‑ordni li huwa mhuwiex amministratur fidil u għaqli.
75 Iżda jekk huwa jkun membru denn tal‑ordni, fidil u għaqli f’dak li huwa jamministra, dan għandu jkun ta’ sinjal għat‑teżorier, u t‑teżorier m’għandux jirrifjuta t‑talba tiegħu.
76 Iżda f’każ ta’ trasgressjoni, it‑teżorier għandu jaġixxi skont il‑kunsill u l‑vot tal‑ordni.
77 U f’każ li t‑teżorier jinstab li mhuwiex amministratur fidil u għaqli, huwa għandu joqgħod għad‑deċiżjoni tal‑kunsill u għall‑vot tal‑ordni, u għandu jitneħħa minn postu, u minfloku jinħatar xi ħadd ieħor.
78 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, fejn jidħol id‑dejn tagħkom—araw, hija r‑rieda tiegħi li intom tifdu d‑dejn kollu tagħkom.
79 U hija r‑rieda tiegħi li intom tiċċekknu quddiemi, u tiksbu din il‑barka permezz tad‑diliġenza u l‑umiltà u t‑talba tal‑fidi tagħkom.
80 U jekk intom tibqgħu diliġenti u umli, u teżerċitaw it‑talba tal‑fidi, araw, jiena nrattab qalb dawk li intom mdejnin magħhom, sakemm jiena nwasslilkom mezz kif intom tkunu tistgħu tinħelsu mid‑dejn.
81 Għalhekk, iktbu minnufih lil New York u iktbu skont dak li se jiddettalkom l‑Ispirtu tiegħi; u jiena nrattab qalb dawk li intom mdejnin magħhom, biex huma jtajru l‑ħsieb minn moħħhom li lilkom jippersegwitaw.
82 U jekk intom tibqgħu umli u fidili u tibqgħu ssejħu ismi, araw, jiena nwassalkom biex tegħlbu kollox.
83 Jiena nwegħidkom li għal did‑darba intom se teħilsuha mill‑jasar.
84 Hekk li intom se tingħataw iċ‑ċans li tisselfu mijiet jew eluf ta’ flus, sakemm tkunu sselliftu biżżejjed biex teħilsu lilkom infuskom mill‑jasar, u dan hu l‑privileġġ tagħkom.
85 U għal din id‑darba l‑ġid li jiena tajtkom f’idejkom għandu jkun ta’ garanzija għalikom, billi tagħtu isimkom b’kunsens komuni jew b’mod ieħor, kif taħsbu li hu l‑aħjar.
86 Din id‑darba qed nagħtikom dan il‑privileġġ; u jekk intom taraw li tagħmlu kollox kif urejtkom jien, skont il‑kmandamenti tiegħi, araw, dan kollu huwa tiegħi, u intom l‑amministraturi tiegħi, u l‑imgħallem ma jħallix min jinfidlu l‑ħitan ta’ daru. Hekk għandu jkun. Ammen.