Skrittura
Duttrina u Patti 93


Sezzjoni 93

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is‑6 ta’ Mejju, 1833.

1–5, Il‑fidili kollha għad jaraw lill‑Mulej; 6–18, Ġwanni xehed li l‑Iben ta’ Alla kompla jikber fil‑grazzja sakemm huwa rċieva l‑milja tal‑glorja tal‑Missier; 19–20, Il‑fidili, li jibqgħu jikbru fil‑grazzja, se jirċievu wkoll il‑milja tiegħu; 21–22, Dawk li jitwieldu permezz ta’ Kristu jagħmlu parti mill‑Knisja tal‑Iben il‑Kbir; 23–28, Kristu rċieva l‑milja tal‑verità kollha, u l‑bniedem ubbidjenti jista’ jirċievi l‑istess; 29–32, Il‑bniedem kien fil‑bidu ma’ Alla; 33–35, L‑elementi huma għal dejjem, u fil‑Qawmien il‑bniedem jista’ jirċievi l‑milja tal‑hena; 36–37, Il‑glorja ta’ Alla hija intelliġenza; 38–40, It‑tfal huma innoċenti f’għajnejn Alla minħabba l‑fidwa ta’ Kristu; 41–53, L‑aħwa mexxejja huma ordnati biex jorganizzaw b’mod xieraq il‑familji tagħhom.

Tassew, dan jgħid il‑Mulej: Għad jiġri li kull min jiċħad dnubietu u jiġi għandi, u jsejjaħ ismi, u jagħti widen għal kliemi, u jħares il‑kmandamenti tiegħi, għad jara wiċċi u jkun jaf li jiena hu;

U li jiena l‑veru dawl li jdawwal lil kull bniedem li jiġi fid‑dinja;

U li jiena ninsab fil‑Missier, u l‑Missier fija, u l‑Missier u jiena ħaġa waħda—

Il‑Missier għaliex huwa tani sehem mill‑milja tiegħu, u l‑Iben għax jiena kont fid‑dinja u ħadt fuqi nnifsi ġisem tal‑laħam, u għammart fost ulied il‑bnedmin.

Jiena kont fid‑dinja u ngħatajt dak li tani Missieri, u l‑għemejjel tiegħu dehru b’mod ċar.

U Ġwanni ra u ta xhieda tal‑milja tal‑glorja tiegħi, u l‑milja tar‑rakkont ta’ Ġwanni se tiġi żvelata aktar ’il quddiem.

U huwa ta xhieda u qal: Jien rajt il‑glorja tiegħu, li huwa kien fil‑bidu, qabel ma kienet id‑dinja;

Għalhekk, fil‑bidu kienet il‑Kelma, għax il‑Kelma kien hu, sewwasew il‑messaġġier tas‑salvazzjoni—

Id‑dawl u l‑Feddej tad‑dinja; l‑Ispirtu tal‑verità, li ġie fid‑dinja, għax id‑dinja saret minnu, u fih kellu l‑ħajja tal‑bnedmin u d‑dawl tal‑bnedmin.

10 Id‑dinjiet saru minnu; il‑bnedmin saru minnu; kollox sar minnu, u permezz tiegħu, u bih.

11 U jiena, Ġwanni, nixhed li jiena rajt il‑glorja tiegħu, sewwasew il‑glorja tal‑Iben il‑Waħdieni tal‑Missier, mimli grazzja u verità, sewwasew l‑Ispirtu tal‑verità, li ġie u għammar fil‑ġisem, u għammar fostna.

12 U jiena, Ġwanni, rajt li huwa ma rċeviex il‑milja mill‑ewwel, iżda huwa rċieva grazzja għal grazzja;

13 U huwa ma rċeviex il‑milja mill‑ewwel, iżda kompla jirċievi grazzja għal grazzja, sakemm irċieva l‑milja;

14 U b’hekk huwa kien imsejjaħ Bin Alla, għaliex huwa ma rċeviex il‑milja mill‑ewwel.

15 U jiena, Ġwanni, nixhed dan, u araw, is‑smewwiet infetħu, u l‑Ispirtu s‑Santu niżel fuqu f’għamla ta’ ħamiema, u straħ fuqu, u nstama’ leħen mis‑smewwiet jgħid: Dan hu ibni l‑għażiż.

16 U jiena, Ġwanni, nixhed li huwa rċieva l‑milja tal‑glorja tal‑Missier;

17 U huwa rċieva kull qawwa, kemm fis‑smewwiet u kemm fl‑art, u l‑glorja tal‑Missier kienet miegħu, għax huwa kien jgħammar fih.

18 U għad jiġri li jekk intom tibqgħu fidili intom tirċievu l‑milja tar‑rakkont ta’ Ġwanni.

19 Jiena qed ngħidilkom dan biex intom tkunu tistgħu tifhmu u tkunu tafu kif għandkom tqimu, u x’għandkom tqimu, biex tkunu tistgħu tiġu għand il‑Missier f’ismi, u meta jkun il‑waqt tirċievu l‑milja tiegħu.

20 Għax jekk tħarsu l‑kmandamenti tiegħi intom tirċievu l‑milja tiegħu, u tkunu gglorifikati permezz tiegħi kif jiena gglorifikat jien permezz tal‑Missier; għalhekk, jien ngħidilkom, intom tirċievu grazzja għal grazzja.

21 U issa, tassew ngħidilkom, jiena kont fil‑bidu mal‑Missier, u jiena l‑Iben il‑Kbir;

22 U dawk kollha li huma mnissla permezz tiegħi għandhom sehem mill‑istess glorja tiegħi, u huma parti mill‑Knisja tal‑Iben il‑Kbir.

23 Intom kontu wkoll fil‑bidu mal‑Missier; u kontu wkoll Spirtu, sewwasew l‑Ispirtu tal‑verità;

24 U l‑verità hija l‑għarfien ta’ ħwejjeġ kif inhuma bħalissa, kif kienu, u kif se jkunu ’l quddiem;

25 U dak li hu aktar jew anqas minn hekk ġej mill‑ispirtu tal‑ħażin li kien giddieb sa mill‑bidu.

26 L‑Ispirtu tal‑verità ġej minn Alla. Jiena l‑Ispirtu tal‑verità, u Ġwanni ta xhieda tiegħi, fejn qal: Huwa jirċievi l‑milja tal‑verità, iva, tal‑verità kollha;

27 U l‑ebda bniedem ma jirċievi l‑milja jekk ma jħarisx il‑kmandamenti tiegħu.

28 Min iħares il‑kmandamenti tiegħu jirċievi d‑dawl u l‑verità, sakemm huwa jiġi gglorifikat permezz tal‑verità u jkollu għarfien ta’ kollox.

29 Il‑bniedem kien ukoll fil‑bidu ma’ Alla. L‑intelliġenza, jew id‑dawl tal‑verità, la ġiet maħluqa u lanqas magħmula, ħaġa li ma tistax tkun.

30 Il‑verità kollha hi indipendenti, f’dik l‑isfera li poġġiha fiha Alla, biex taġixxi għaliha nnifisha, l‑istess kif inhi l‑intelliġenza kollha; altrimenti ma kien ikun hawn l‑ebda eżistenza.

31 Araw, f’dan nistgħu naraw il‑volontà tal‑bnedmin, u f’dan nistgħu naraw il‑kundanna tal‑bnedmin; għax dak li kien sa mill‑bidu jiġi żvelat lilhom b’mod ċar, u huma ma jirċevux id‑dawl.

32 U kull bniedem li l‑ispirtu tiegħu ma jirċevix id‑dawl jiġi kkundannat.

33 Għax il‑bniedem huwa spirtu. L‑elementi huma għal dejjem, u l‑ispirtu u l‑element, magħqudin flimkien b’mod inseparabbli, jirċievu l‑milja tal‑hena;

34 U meta huma jkunu mifrudin minn xulxin, il‑bniedem ma jistax jirċievi l‑milja tal‑hena.

35 L‑elementi huma t‑tabernaklu ta’ Alla; iva, il‑bniedem huwa t‑tabernaklu ta’ Alla, u l‑bnedmin huma tabilħaqq tempji; u kull tempju li jisfa mniġġes, Alla jeqred dak it‑tempju.

36 Il‑glorja ta’ Alla hija intelliġenza, jew, fi kliem ieħor, dawl u verità.

37 Id‑dawl u l‑verità jżommu ’l bogħod mill‑malinn.

38 Kull spirtu tal‑bniedem fil‑bidu kien innoċenti; u peress li Alla feda lill‑bniedem mill‑waqgħa, il‑bniedem reġa’ sar, fl‑istat infantili tiegħu, innoċenti f’għajnejn Alla.

39 U dak il‑ħażin jiġi u jisraq id‑dawl u l‑verità minn ulied il‑bnedmin, permezz tad‑diżubbidjenza u d‑drawwiet ta’ missirijiethom.

40 Iżda jiena ordnajtilkom biex trabbu ’l uliedkom fid‑dawl u l‑verità.

41 Iżda tassew ngħidlek, O qaddej tiegħi Frederick G. Williams, inti għadek taħt din il‑kundanna;

42 Inti m’għallimtx lil uliedek id‑dawl u l‑verità, skont l‑ordnijiet tiegħi; u int għadek maħkum minn dak il‑ħażin u din hi r‑raġuni tal‑hemm li inti tinsab fih.

43 U issa qed nordnalek—jekk inti tiġi meħlus inti għandek torganizza sew darek, għax hemm bosta ħwejjeġ f’darek li mhumiex sew.

44 Tassew, jiena ngħid lill‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon, li f’ċertu ħwejjeġ fejn jidħlu wliedu huwa ma ħarisx il‑kmandamenti; għalhekk, l‑ewwel għandu jorganizza sew daru.

45 Tassew, jiena ngħidlek O qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., jew aħjar, jiena ngħidilkom ħbieb tiegħi, għax intom ħbieb tiegħi, u intom se jkollkom sehem miegħi—

46 Jiena sejjaħtilkom qaddejja f’ġieħ in‑nies tad‑dinja, u intom il‑qaddejja tagħhom għal ġieħi—

47 U issa, tassew ngħid lil Joseph Smith, Jun.—Inti ma ħaristx il‑kmandamenti, u jeħtieġ li tiġi mċanfar quddiem il‑Mulej;

48 Il‑membri ta’ familtek jeħtieġ li jindmu u jabbandunaw ċerti affarijiet, u jagħtu aktar widen għall‑ordnijiet tiegħek, għax inkella se jispiċċaw jitneħħew minn posthom.

49 Dak li ngħid lil wieħed ngħidu għal kulħadd; itolbu dejjem biex il‑ħażin ma jkollu l‑ebda setgħa fuqkom, u jispiċċa jneħħikom minn postkom.

50 Anke l‑qaddej tiegħi Newel K. Whitney, li huwa isqof tal‑knisja tiegħi, jeħtieġ li jiġi kkastigat, u jeħtieġ li jorganizza sew familtu, u għandu jara li huma jkunu aktar bilgħaqal u jinvolvu ruħkom aktar fid‑dar, u li huma jitolbu dejjem, għax inkella se jispiċċaw jitneħħew minn posthom.

51 Issa, jien ngħidilkom, O ħbieb tiegħi, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon imur fi triqtu, u ma jdumx, u huwa għandu jxandar ukoll is‑sena tal‑grazzja tal‑Mulej, u l‑evanġelju tas‑salvazzjoni, għax lilu jiena tajt id‑don tal‑kelma; u jekk titolbu għalih b’qalb waħda, bil‑fidi, lilu jiena nsostni.

52 U l‑qaddejja tiegħi Joseph Smith Jun., u Frederick G. Williams jeħtieġ ukoll li ma jdumux, u jingħata lilhom sewwasew skont it‑talb tal‑fidi; u jekk intom tobdu kliemi intom ma titħawdux, la f’din id‑dinja u lanqas fid‑dinja li jmiss.

53 U tassew ngħidilkom, li hija r‑rieda tiegħi li intom tfittxu tittraduċu l‑iskrittura tiegħi, u tiksbu għarfien tal‑istorja, u tal‑pajjiżi, u tas‑saltniet, u tal‑liġijiet ta’ Alla u tal‑bniedem, u għandkom tagħmlu dan kollu għas‑salvazzjoni ta’ Sijon. Ammen.