Skrittura
Duttrina u Patti 90


Sezzjoni 90

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar it‑8 ta’ Marzu, 1833. Din ir‑rivelazzjoni hija pass ieħor lejn it‑twaqqif tal‑Ewwel Presidenza (ara l‑intestatura għal sezzjoni 81); b’konsegwenza tagħha, ġew ordnati l‑kunsilliera msemmija nhar it‑18 ta’ Marzu, 1833.

1–5, L‑imfietaħ tas‑saltna ġew mogħtija lil Joseph Smith, u permezz tiegħu ġew mogħtija lill‑Knisja; 6–7, Sidney Rigdon u Frederick G. Williams għandhom iservu fl‑Ewwel Presidenza; 8–11, L‑evanġelju għandu jiġi mxandar lill‑ġnus ta’ Iżrael, lill‑Ġentili, u lil‑Lhud, u kulħadd għandu jisimgħu bl‑ilsien tiegħu; 12–18, Joseph Smith u l‑kunsilliera tiegħu għandhom jorganizzaw il‑Knisja b’mod tajjeb; 19–37, Il‑Mulej ordna lil bosta individwi sabiex jimxu b’mod sewwa u jagħmlu dak li jistgħu għas‑saltna tiegħu.

Dan jgħid il‑Mulej, tassew, tassew, ngħidlek, O ibni, dnubietek maħfura, skont it‑talba tiegħek, għax it‑talb tiegħek u t‑talb ta’ ħutek wasal f’widnejja.

Għalhekk, mil‑lum ’il hemm hieni inti li tħaddan l‑imfietaħ tas‑saltna li ġew mogħtija lilek; liema saltna qed tiġi mwaqqfa għall‑aħħar darba.

Tassew ngħidlek, l‑imfietaħ ta’ din is‑saltna qatt mhuma se jittieħdu mingħandek, la waqt li inti tinsab fid‑dinja u lanqas f’li ġejja;

Madankollu, l‑orakli se jingħataw permezz tiegħek lil ħaddieħor, iva, sewwasew lill‑knisja.

U dawk kollha li jirċievu l‑orakli ta’ Alla, jeħtieġ li joqogħdu attenti kif iħarsu lejhom u li ma jqisuhomx qisu xejn mhu xejn, u minħabba f’hekk jiġu kkundannati, u jispiċċaw jitfixklu u jaqgħu, meta jqum il‑maltemp u jonfoħ ir‑riħ, u tinżel ix‑xita, u jaħbtu fuq darhom.

U għal darb’oħra, tassew jiena ngħid lil ħutek, Sidney Rigdon u Frederick G. Williams, li dnubiethom huma maħfura wkoll, u huma meqjusa daqsek fit‑tħaddin tal‑imfietaħ ta’ din l‑aħħar saltna;

Kif ukoll permezz tal‑amministrazzjoni tiegħek, fit‑tħaddin tal‑imfietaħ tal‑iskola tal‑profeti, li jien ordnajtlek biex torganizza;

U permezz ta’ dan huma jkunu jistgħu jilħqu l‑perfezzjoni fil‑ministeru tagħhom għas‑salvazzjoni ta’ Sijon, u tal‑ġnus ta’ Iżrael, u tal‑Ġentili, sewwasew ta’ kull min jemmen fosthom;

Biex permezz tal‑amministrazzjoni tiegħek huma jkunu jistgħu jingħataw il‑kelma, u permezz tal‑amministrazzjoni tagħhom il‑kelma tkun tista’ tasal sa truf il‑art, l‑ewwel għand il‑Ġentili, u mbagħad, ara, huma għandhom imorru lura għand il‑Lhud.

10 U mbagħad jasal il‑jum meta l‑Mulej juri driegħu bil‑qawwa biex jikkonvinċi lill‑ġnus, lill‑pagani, u lid‑dar ta’ Ġużeppi, dwar l‑evanġelju tas‑salvazzjoni tagħhom.

11 Għax għad jiġi fis‑seħħ, f’dak il‑jum, li kull bniedem għad jisma’ l‑milja tal‑evanġelju bl‑ilsien tiegħu u bil‑lingwa tiegħu, permezz ta’ dawk li ġew ordnati biex ikollhom din is‑setgħa, permezz tal‑amministrazzjoni tal‑Farrâġ, li jissawwab fuqhom biex jiġi żvelat lilhom Ġesù Kristu.

12 U issa, tassew ngħidilkom, jien nagħtikom kmandament biex intom tibqgħu għaddejjin b’ħidmietkom fil‑ministeru u l‑presidenza.

13 U meta tkunu lesti mit‑traduzzjoni tal‑profeti, jeħtieġ li minn dakinhar ’il quddiem intom tippresedu fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mal‑knisja u l‑iskola;

14 U minn żmien għall‑ieħor, intom se tingħataw ċerti rivelazzjonijiet permezz tal‑Farrâġ li jiżvelawlkom il‑misteri tas‑saltna;

15 U intom għandkom torganizzaw il‑knejjes, u tistudjaw u titgħallmu, u ssiru familjari ma’ kull ktieb tajjeb, u mal‑linwgi, mal‑ilsna, u mal‑popli.

16 U din għandha tkun il‑ħidma u l‑missjoni tagħkom tul ħajjitkom, li tippresedu fil‑kunsill, u torganizzaw kull ħaġa li għandha x’taqsam ma’ din il‑knisja u ma’ din is‑saltna.

17 M’għandkomx mniex tistħu, jew tħammru wiċċkom; iżda araw li tinżgħu minn fuqkom kull sens ta’ kburija u arroganza, għax dan iwassal għall‑qerda ta’ ruħkom.

18 Organizzaw djarkom; araw li żżommu ’l bogħod mill‑għażż u l‑ħmieġ.

19 Issa, jiena tassew ngħidlek, jeħtieġ li jinstab post, kemm jista’ jkun malajr, għall‑familja tal‑kunsillier u l‑iskriba tiegħek Frederick G. Williams.

20 U jeħtieġ li l‑qaddej anzjan tiegħi, Joseph Smith, Sen., ikompli jgħix mal‑familja tiegħu fil‑post fejn jgħix bħalissa; u ara li jibqa’ ma jinbiegħx qabel ma jiġi żvelat mod ieħor permezz ta’ fomm il‑Mulej.

21 U jeħtieġ li l‑kunsillier tiegħi Sidney Rigdon, jibqa’ jgħix fejn jinsab bħalissa sa ma jiġi żvelat mod ieħor permezz ta’ fomm il‑Mulej.

22 U jeħtieġ li l‑isqof ifittex bir‑reqqa biex isib aġent, u dan jeħtieġ li jkun xi ħadd li għandu ġidu maħżun—li hu bniedem ta’ Alla, u ta’ fidi soda—

23 Biex permezz ta’ ġidu jkun jista’ jħallas kwalunkwe dejn; biex il‑maħżen tal‑Mejju ma jispiċċax jieħu xi reputazzjoni ħażina f’għajnejn in‑nies.

24 Fittxu bir‑reqqa, itolbu dejjem, u emmnu, u kollox iseħħ għall‑ġid tagħkom, jekk intom timxu bis‑sewwa u tiftakru fil‑patt li permezz tiegħu dħaltu f’patt bejnietkom.

25 Jeħtieġ li l‑familji tagħkom ikunu żgħar, speċjalment tal‑qaddej anzjan tiegħi Joseph Smith, Sen., u hawn qed nirreferi għal dawk li ma jagħmlux parti mill‑familji tagħkom;

26 Ħalli dawk il‑ħwejjeġ li ġew ipprovduti lilkom, biex iġġibu fis‑seħħ il‑ħidma tiegħi, ma jittieħdulkomx u jingħataw lil dawk li mhumiex denji—

27 U b’hekk tispiċċaw tinżammu milli twettqu dawk il‑ħwejjeġ li jiena ordnajtilkom.

28 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, hija r‑rieda tiegħi li l‑qaddejja tiegħi Vienna Jaques tingħata l‑flus biex tkun tista’ tħallas għall‑ispejjeż tagħha, u tkun tista’ titla’ fl‑art ta’ Sijon;

29 U l‑flus li jkun baqa’ jkunu jistgħu jiġu kkonsagrati lili, u hija tingħata l‑ħlas tagħha meta nħoss li jkun il‑waqt.

30 Tassew ngħidilkom, li jiena nħoss li jkun xieraq li hija titla’ fl‑art ta’ Sijon, u tingħata sehemha mingħand l‑isqof;

31 Biex hija tkun tista’ tibda toqgħod hemm fil‑paċi diment li hija tibqa’ fidila, u minn dak iż‑żmien ’il quddiem ma tgħix ħajjitha fil‑għażż.

32 U araw, tassew ngħidilkom, li intom għandkom tiktbu dan il‑kmandament, u tgħidu lil ħutkom f’Sijon, filwaqt li ssellmulhom b’imħabba, li jien sejjaħtilkom ukoll sabiex intom tippresedu fuq Sijon meta nħoss li jkun il‑waqt.

33 Għalhekk, jeħtieġ li huma ma jkomplux jgħejjuni aktar minħabba dil‑ħaġa.

34 Araw, jien ngħidilkom li ħutkom ġewwa Sijon bdew jindmu, u l‑anġli tassew qed jithennew minħabba fihom.

35 Madankollu, hemm bosta ħwejjeġ li ma jogħġbunix; u jiena m’iniex kuntent bil‑qaddej tiegħi William E. McLellin, lanqas bil‑qaddej tiegħi Sidney Gilbert; u lanqas bl‑isqof, u hemm oħrajn li jeħtieġ li jindmu minn bosta ħwejjeġ.

36 Iżda tassew ngħidilkom, li jien, il‑Mulej, se neħodha ma’ Sijon, u se nisħaq b’qawwa mal‑mexxejja tagħha, u lilha se nikkastiga sakemm hija tegħleb il‑ħażen u tkun safja quddiemi.

37 Għax hija mhijiex se titqanqal minn postha. Jien, il‑Mulej, qed ngħid dan. Ammen.