Sezzjoni 89
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is‑27 ta’ Frar, 1833. Peress li f’dawk iż‑żminijiet bikrin l‑aħwa kienu jagħmlu użu mit‑tabakk fil‑laqgħat tagħhom, fuq suġġeriment ta’ martu, Emma Smith, il‑Profeta staqsa lill‑Mulej dwar dan. B’riżultat ta’ dan, huwa rċieva din ir‑rivelazzjoni, magħrufa bħala l‑Kelma tal‑Għerf.
1–9, Huwa pprojbit li wieħed jixrob l‑inbid, ix‑xorb qawwi, u xarbiet sħan kif ukoll l‑użu tat‑tabakk; 10–17, Il‑ħxejjex aromatiċi, il‑frott, il‑laħam, u ċ‑ċereali ngħataw għall‑użu tal‑bniedem u l‑annimali; 18–21, L‑ubbidjenza lejn il‑liġi tal‑evanġelju, inkluż il‑Kelma tal‑Għerf, twassal għall‑barkiet temporali u spiritwali.
1 Kelma tal‑Għerf, għall‑benefiċċju tal‑membri tal‑kunsill tal‑qassisin il‑kbar miġburin ġewwa Kirtland, u tal‑knisja, kif ukoll tal‑qaddisin ġewwa Sijon—
2 Li qed tintbagħat bħala tislima; u mhux bħala kmandament jew restrizzjoni, iżda qed tingħata permezz ta’ rivelazzjoni bħala l‑kelma tal‑għerf, u hija turi l‑ordni u r‑rieda ta’ Alla fejn tidħol il‑benesseri temporali tal‑qaddisin kollha fl‑aħħar żminijiet—
3 U qed tingħata bħala prinċipju flimkien ma’ wegħda, u hi adattata b’mod biex ikunu kapaċi jobduha d‑dgħajfin u l‑aktar nies dgħajfa fost il‑qaddisin kollha, li huma, jew li għad jistgħu jissejħu, qaddisin.
4 Araw, tassew, dan hu dak li jgħidilkom il‑Mulej: Minħabba l‑ħażen u t‑tattiċi qarrieqa li jeżistu u se jeżistu fi qlub in‑nies li jikkonfoffaw fl‑aħħar żminijiet, jiena lilkom widdibt u se nerġa’ nwiddeb, billi nagħtikom din il‑kelma tal‑għerf permezz ta’ rivelazzjoni—
5 Li mhux tajjeb li fostkom ikun hemm min jixrob l‑inbid jew xi xorb qawwi, u din lanqas mhi ħaġa aċċettabbli f’għajnejn Missierkom, ħlief meta intom tinġabru flimkien biex toffru s‑sagramenti tagħkom quddiemu.
6 U araw, dan l‑inbid għandu jkun, sewwasew, inbid pur tal‑għenba, li tagħsru intom stess.
7 U x‑xorb qawwi lanqas mhu tajjeb għall‑istonku, iżda hu tajjeb biex taħslu ġisimkom bih.
8 U t‑tabakk la hu tajjeb għall‑ġisem, u lanqas għall‑istonku, u mhuwiex tajjeb għall‑bniedem, iżda huwa sewwasew ħaxixa aromatika tajba għal xi tbenġila, u għall‑merħliet morda kollha, li għandha tintuża b’għaqal u kompetenza.
9 U x‑xarbiet sħan ukoll, la huma tajbin għall‑ġisem u lanqas għall‑istonku.
10 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, li l‑ħxejjex aromatiċi bnini Alla tahom kollha biex jintużaw għall‑benesseri, għan‑natura, u għall‑użu tal‑bniedem—
11 Kull ħaxixa aromatika fi żmienha, u kull frotta fi żmienha; dawn kollha għandhom jintużaw b’għaqal u b’radd il‑ħajr.
12 Iva, jien, il‑Mulej, tajtkom ukoll il‑laħam tal‑annimali u t‑tjur tal‑ajru biex il‑bniedem jagħmel użu minnu b’radd il‑ħajr; madankollu dan għandu jintuża b’moderazzjoni;
13 U jiena nieħu gost jekk intom tagħmlu użu minnu biss fi żmien ix‑xitwa, jew fil‑kesħa, jew fi żmien il‑ġuħ.
14 Iċ‑ċereali kollha jiena tajthom għall‑użu tal‑bniedem u tal‑bhejjem, biex ikunu l‑ħobż tal‑ħajja, mhux biss għall‑bniedem iżda wkoll għall‑bhejjem tar‑raba’, u l‑għasafar tas‑sema, u l‑annimali selvaġġi kollha li jiġru jew jitkaxkru fuq l‑art;
15 U Alla għamilhom kollha għall‑użu tal‑bniedem, biex jagħmel użu minnhom biss fi żmien il‑għaks u fi żmien ta’ ġuħ kbir.
16 Iċ‑ċereali kollha huma tajbin biex jittieklu mill‑bniedem; u l‑istess frott id‑dwieli; sewwasew dak kollu li jagħti l‑frott, kemm fl‑art kif ukoll ’il fuq mill‑art—
17 Madankollu, il‑qamħ hu l‑aħjar għall‑bniedem, u l‑qamħirrun għall‑gendus, u l‑ħafur għaż‑żiemel, u s‑segala għat‑tajr u l‑ħnieżer u għall‑bhejjem tar‑raba’, u x‑xgħir għall‑annimali essenzjali kollha u għax‑xorb ħafif, u l‑istess ċereali oħra.
18 U l‑qaddisin kollha li jaraw li jħarsu u jagħmlu dak li ntqal hawnhekk, u jobdu l‑kmandamenti, jingħataw is‑saħħa f’żokrithom u l‑mudullun f’għadamhom;
19 U huma jsibu l‑għerf u teżori ta’ għarfien mill‑aktar kbar, saħansitra teżori moħbija;
20 U huma jiġru bla ma jegħjew, u jimxu bla ma jintelqu.
21 U jien, il‑Mulej, inwiegħedhom li l‑anġlu l‑qerriedi jgħaddi minn ħdejhom, kif għadda minn ħdejn ulied Iżrael, u ma joqtolhomx. Ammen.