Sezzjoni 88
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta f’Kirtland, Ohio, nhar is‑27 u t‑28 ta’ Diċembru, 1833. Il‑Profeta sejħilha bħala “‘l‑werqa taż‑żebbuġ’ … maqtugħa mis‑Siġra tal‑Ġenna, il‑messaġġ ta’ paċi tal‑Mulej għalina.” Ir‑rivelazzjoni ngħatat waqt konferenza, wara li l‑qassisin il‑kbar talbu “b’mod individwali lill‑Mulej bil‑fomm biex huwa jiżvela magħna r‑rieda tiegħu dwar it‑twaqqif ta’ Sijon.”
1–5, Il‑Qaddisin fidili jinżel fuqhom il‑Farrâġ, li huwa l‑wegħda tal‑ħajja ta’ dejjem; 6–13, Kollox jiġi kkontrollat u mmexxi permezz tad‑Dawl ta’ Kristu; 14–16, Il‑Qawmien jiġi fis‑seħħ minħabba l‑Fidwa; 17–31, L‑ubbidjenza lejn il‑liġi ċelestjali, terrestjali, jew telestjali tħejji lill‑bnedmin għal dawk is‑saltniet u l‑glorji rispettivi; 32–35, Dawk li jagħżlu li jibqgħu fi stat ta’ dnub jibqgħu maħmuġin; 36–41, Kull saltna tiġi mmexxija permezz tal‑liġi; 42–45, Alla ta liġi għal kull ħaġa; 46–50, Il‑bnedmin jaslu biex jagħrfu anke lil Alla; 51–61, Il‑parabbola tar‑raġel li jibgħat lill‑qaddejja tiegħu fl‑għalqa u jmur iżurhom wieħed wieħed; 62–73, Ersqu qrib il‑Mulej, u taraw wiċċu; 74–80, Tqaddsu u għallmu lil xulxin id‑duttrina tas‑saltna; 81–85, Kull bniedem li ġie mwissi għandu jwissi lil għajru; 86–94, Is‑sinjali, it‑taqlib tal‑elementi, u l‑anġli jħejju t‑triq għall‑miġja tal‑Mulej; 95–102, It‑trombi tal‑anġli jsejħu lill‑mejtin biex iqumu meta jkun imiss lilhom; 103–116, It‑trombi tal‑anġli jħabbru r‑restawrazzjoni tal‑evanġelju, il‑waqgħa ta’ Babilonja, u l‑battalja tal‑kbir Alla; 117–126, Iksbu t‑tagħlim, waqqfu dar ta’ Alla (tempju), u ilbsu fuqkom l‑irbit tal‑karità; 127–141, Spjegata l‑ordni tal‑Iskola tal‑Profeti, li tinkludi l‑ordinanza tal‑ħasil tas‑saqajn.
1 Tassew, dan jgħid il‑Mulej lilkom li nġbartu flimkien biex tkunu tafu x’inhi r‑rieda tiegħu għalikom:
2 Araw, dan hu li jogħġob lill‑Mulej tagħkom, u l‑anġli jifirħu minħabba fikom; l‑offerti tat‑talb tagħkom waslu f’widnejn il‑Mulej tal‑Eżerċti, u jinsabu ddokumentati fil‑ktieb tal‑ismijiet tan‑nies mqaddsa, sewwasew dawk tad‑dinja ċelestjali.
3 Għalhekk, issa se nibgħat fuqkom Farrâġ ieħor, sewwasew fuqkom il‑ħbieb tiegħi, ħalli jkun jista’ jgħammar f’qalbkom, l‑istess Spirtu s‑Santu li kien imwiegħed; Farraġ ieħor li huwa l‑istess wieħed li jiena wegħidt lid‑dixxipli tiegħi, kif hemm miktub fix‑xhieda mogħtija minn Ġwanni.
4 Dan il‑Farrâġ huwa l‑wegħda Ii jiena nagħtikom tal‑ħajja ta’ dejjem, sewwasew il‑glorja tas‑saltna ċelestjali;
5 Li hija l‑glorja tal‑knisja tal‑Iben il‑Kbir, u anke ta’ Alla, l‑aktar qaddis fost kulħadd, permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu—
6 Hu li tela’ fil‑għoli, kif ukoll li niżel aktar ’l isfel minn kollox, biex ikun jista’ jifhem kollox, biex ikun jista’ jkun f’kollox u f’kull ħaġa, hu li huwa d‑dawl tal‑verità;
7 Verità li tiddi. Dan huwa d‑dawl ta’ Kristu. U huwa jinsab ukoll fix‑xemx, u huwa d‑dawl tax‑xemx, u huwa l‑qawwa li permezz tagħha ġiet fis‑seħħ.
8 U huwa jinsab ukoll fil‑qamar, u huwa d‑dawl tal‑qamar, u huwa l‑qawwa li permezz tagħha ġie fis‑seħħ;
9 U huwa wkoll id‑dawl tal‑kwiekeb, u huwa l‑qawwa li permezz tagħha ġew fis‑seħħ;
10 U huwa wkoll id‑dawl tal‑art, u l‑qawwa li permezz tagħha ġiet fis‑seħħ, l‑istess art li tinsabu fuqha bħalissa.
11 U d‑dawl li jiddi, li jagħtikom id‑dawl, jasal permezz ta’ dak li jdawwal għajnejkom, li huwa l‑istess dawl li jkabbar l‑għarfien tagħkom;
12 Dawl li ġej minn fejn jgħammar Alla u li jimla’ l‑immensità tal‑ispazju—
13 Id‑dawl li jinsab f’kollox, li jagħti d‑dawl lil kollox, li huwa l‑liġi li permezz tagħha jiġi kkontrollat kollox, sewwasew il‑qawwa ta’ Alla li jinsab bilqiegħda fuq it‑tron tiegħu, li jinsab fil‑qalba tal‑eternità, u fil‑qalba ta’ kollox.
14 Issa, tassew ngħidilkom, li permezz tal‑fidwa li ġiet fis‑seħħ għalikom se jiġi fis‑seħħ il‑qawmien mill‑imwiet.
15 U l‑ispirtu u l‑ġisem flimkien jagħmlu r‑ruħ tal‑bniedem.
16 U l‑qawmien mill‑imwiet huwa sewwasew il‑fidwa tar‑ruħ.
17 U l‑fidwa tar‑ruħ tiġi fis‑seħħ permezz ta’ dak li jagħti l‑ħajja lil kollox, li mill‑ġewwieni tiegħu jiddikjara li l‑fqajrin u l‑ġwejdin għad jirtu l‑art.
18 Għalhekk, jeħtieġ li hija tissaffa minn kull ħażen, ħalli tkun tista’ tħejji ruħha għall‑glorja ċelestjali;
19 Għax wara li tkun laħqet l‑għan tal‑ħolqien tagħha, hija tiġi mżejna bil‑glorja, sewwasew fil‑preżenza ta’ Alla l‑Missier;
20 Ħalli l‑iġsma li jappartjenu għas‑saltna ċelestjali jkunu jistgħu jgħammru fiha għal dejjem ta’ dejjem; għax kien sewwasew għal dan il‑għan li hija saret u nħolqot, u hu għal dan il‑għan li huma jiksbu l‑qdusija.
21 U dawk li ma jiksbux il‑qdusija permezz tal‑liġi li jiena tajtkom, sewwasew il‑liġi ta’ Kristu, sejrin jirtu saltna oħra, sewwasew is‑saltna terrestjali, jew is‑saltna telestjali.
22 Għax min mhux lest li jobdi l‑liġi tas‑saltna ċelestjali mhux se jkun kapaċi jissaporti l‑glorja ċelestjali.
23 U min mhux lest li jobdi l‑liġi tas‑saltna terrestjali mhux se jkun kapaċi jissaporti l‑glorja terrestjali.
24 U min mhux lest li jobdi l‑liġi tas‑saltna telestjali mhux se jkun kapaċi jissaporti l‑glorja telestjali; għalhekk huwa mhumiex denn ta’ saltna ta’ glorja. Għalhekk huwa jkollu joqgħod jissaporti saltna li mhijiex saltna ta’ glorja.
25 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, l‑art tobdi l‑liġi tas‑saltna ċelestjali, għax hija tilħaq l‑għan tal‑ħolqien tagħha, u ma tiksirx il‑liġi—
26 Għalhekk, hija sejra tikseb il‑qdusija; iva, minkejja li tmut, hija terġa’ tieħu l‑ħajja, u tkun kapaċi tissaporti l‑qawwa li permezz tagħha tkun ħadet il‑ħajja, u se jkunu l‑ġusti li jirtuha.
27 Għax minkejja li jmutu, huma wkoll għad jerġgħu jqumu b’ġisem spiritwali.
28 Dawk li għandhom spirtu ċelestjali sejrin jirċievu ġisem l‑istess kif kien il‑ġisem naturali tagħhom; tabilħaqq intom sejrin tirċievu l‑ġisem tagħkom, u l‑glorja tagħkom sejra tkun dik il‑glorja li tat il‑ħajja lil ġisimkom.
29 Intom li ngħatajtu l‑ħajja minn parti mill‑glorja ċelestjali mbagħad sejrin tiksbu sewwasew l‑istess glorja fil‑milja tagħha.
30 U dawk li ngħataw il‑ħajja minn parti mill‑glorja terrestjali mbagħad sejrin jiksbu sewwasew l‑istess glorja fil‑milja tagħha.
31 U dawk wkoll li ngħataw il‑ħajja minn parti mill‑glorja telestjali mbagħad sejrin jiksbu sewwasew l‑istess glorja fil‑milja tagħha.
32 U l‑bqija se jingħataw ukoll il‑ħajja; madankollu, huma sejrin jerġgħu lura f’posthom, biex igawdu dak li huma lesti li jaċċettaw, peress li ma kinux lesti li jgawdu dak li setgħu jingħataw.
33 Għax x’jiswielu l‑bniedem jekk jingħata rigal u ma jaċċettahx? Araw, huwa ma jifraħx b’dak li jingħatalu, u lanqas jifraħ b’dak li jagħtih ir‑rigal.
34 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom li dak li jitmexxa permezz tal‑liġi jiġi mħares ukoll permezz tal‑liġi u jikseb il‑perfezzjoni u l‑qdusija permezz tal‑istess liġi.
35 Dawk li jiksru l‑liġi, u ma jgħixux skont il‑liġi, iżda jagħżlu li jimxu wara liġijiet li joħolqu huma stess, u jridu jibqgħu jgħixu fid‑dnub, u jibqgħu jgħammru għal kollox fid‑dnub, ma jistgħux jiksbu l‑qdusija, la permezz tal‑liġi u lanqas permezz tal‑ħniena jew tal‑ġustizzja. Għalhekk, huma jibqgħu maħmuġin.
36 Kull saltna ġiet mogħtija liġi;
37 U hawn bosta saltniet; għax m’hawn l‑ebda spazju li fih m’hemmx xi saltna; u m’hawn l‑ebda saltna, sew jekk hi saltna akbar u sew jekk hi iżgħar, li fiha m’hemmx spazju.
38 U kull saltna tiġi mogħtija liġi; u ma’ kull liġi hemm ukoll ċerti restrizzjonijiet u kundizzjonijiet.
39 L‑esseri kollha li mhumiex lesti jgħixu taħt dawk il‑kundizzjonijiet mhumiex se jkunu iġġustifikati.
40 Għax l‑intelliġenza tinġibed lejn l‑intelliġenza; l‑għerf jistieden l‑għerf; il‑verità tħaddan il‑verità; il‑virtù jinġibed lejn il‑virtù; id‑dawl jinġibed lejn id‑dawl; il‑ħniena tħenn għal min iħenn u tidħol għalih; il‑ġustizzja tkompli tagħmel xogħolha u tidħol għall‑ġusti; il‑ġudizzju huwa f’idejn dak li jinsab bilqiegħda fuq it‑tron u li jmexxi u jagħmel kollox.
41 Huwa jifhem kollox, u kollox jinsab quddiemu, u kollox jinsab mdawwar miegħu; u huwa jinsab fuq kollox, u f’kollox, u huwa jidħol f’kollox, u jdawwar kollox; u kollox hu minħabba fih, u kollox ġej minnu, l‑istess Alla, għal dejjem ta’ dejjem.
42 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, huwa għamel liġi għal kollox, li permezz tagħha kollox idur f’waqtu u f’ħinu;
43 U r‑rotot tagħhom huma stabbiliti, sewwasew ir‑rotot tas‑smewwiet u tal‑art, u jinkludu din l‑art u l‑pjaneti kollha.
44 U huma jagħtu d‑dawl lil xulxin f’waqthom u f’ħinhom, fil‑minuti tagħhom, fis‑sigħat tagħhom, fil‑jiem tagħhom, fil‑ġimgħat tagħhom, fix‑xhur tagħhom, u fis‑snin tagħhom—għal Alla dan kollu hu bħallikieku sena, iżda mhux l‑istess għall‑bniedem.
45 L‑art iddur fuq ġwinħajha, u x‑xemx tagħti d‑dawl binhar, u l‑qamar jagħti d‑dawl billejl, u l‑kwiekeb ukoll jagħtu d‑dawl, hekk kif huma jduru fuq ġwenħajhom fil‑glorja kollha tagħhom, f’nofs il‑qawwa ta’ Alla.
46 Ma xiex triduni nqabbel dawn is‑saltniet, ħalli tifhmuni?
47 Araw, dawn kollha huma saltniet, u kull min ra xi waħda minnhom, jew l‑iżgħar fosthom, ra lil Alla jdur fil‑kobor u l‑qawwa tiegħu.
48 Jien ngħidilkom, huwa rah tabilħaqq; madankollu, dak li ġie f’daru, ma ġiex milqugħ.
49 Id‑dawl jiddi fid‑dlam, imma d‑dlam ma jagħrfux; madankollu, għad jasal il‑jum meta intom għad tagħrfu anke lil Alla, għax intom tingħataw il‑ħajja fih u permezz tiegħu.
50 Mbagħad għad tagħrfu li intom rajtuni, u li jiena hu tabilħaqq, u li jiena l‑vera dawl li jinsab fikom, u li intom tinsabu fija; altrimenti intom ma tistgħux toktru.
51 Araw, jiena nxebbah dawn is‑saltniet ma raġel li għandu għalqa, u huwa bagħat lill‑qaddejja tiegħu fl‑għalqa biex jagħżquha.
52 U huwa jgħid lill‑ewwel qaddej: Mur u aħdem fl‑għalqa, u fl‑ewwel siegħa jiena niġi ħdejk, u inti tkun tista’ tara wiċċi jiddi bil‑hena.
53 U huwa qal lit‑tieni wieħed: Mur aħdem fl‑għalqa int ukoll, u fit‑tieni siegħa jiena niġi ħdejk b’wiċċi jiddi bil‑hena.
54 U qal ukoll lit‑tielet wieħed: Jien se niġi nżurek;
55 U l‑istess qal lir‑raba’ wieħed, u kompla hekk sat‑tnax‑il wieħed.
56 U fl‑ewwel siegħa sid il‑għalqa mar għand l‑ewwel wieħed, u għadda dik is‑siegħa kollha miegħu, u huwa feraħ minħabba d‑dawl li beda jiddi fuq wiċċ sidu.
57 Imbagħad huwa telaq minn ħdejn l‑ewwel wieħed u mar iżur ukoll lit‑tieni wieħed, u lit‑tielet, u lir‑raba’, u kompla hekk sal‑ħdax‑il wieħed.
58 U b’hekk huma lkoll irċevew id‑dawl li beda jiddi fuq wiċċ sidhom, kull wieħed fis‑siegħa tiegħu, u f’waqtu, u f’ħinu—
59 Mill‑ewwel wieħed sal‑aħħar wieħed, u mill‑aħħar wieħed sal‑ewwel wieħed, u mill‑ewwel wieħed sal‑aħħar wieħed;
60 Kull wieħed meta kien imissu hu, sakemm għaddietlu s‑siegħa tiegħu, sewwasew skont kif ordnalu sidu, biex permezz tiegħu sidu jkun jista’ jiġi gglorifikat, u l‑istess jiġi gglorifikat hu f’sidu, sabiex ilkoll jiġu gglorifikati.
61 Għalhekk, ma’ din il‑parabbola jiena nxebbah dawn is‑saltniet kollha, u dawk kollha li jgħammru fihom—kull saltna fis‑siegħa tagħha, u f’ħinha, u f’waqtha, sewwasew skont id‑digriet li xandar Alla.
62 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, ħbieb tiegħi, jien se nħallikom tixtarru f’qalbkom dak li għidtilkom, kif ukoll dan il‑kmandament li jiena se nagħtikom, li intom għandkom issejħuli waqt li ninsab qrib tagħkom—
63 Ersqu lejja u jiena nersaq lejkom; fittxuni bil‑ħrara u ssibuni; itolbu, u tirċievu; ħabbtu u niftħilkom.
64 Dak kollu li titolbu lill‑Missier f’ismi jingħatalkom, jekk ikun ta’ ħtieġa għalikom;
65 U jekk titolbu għal xi ħaġa li mhijiex ta’ ħtieġa għalikom, hija twassal għall‑kundanna tagħkom.
66 Araw, dak li qed tisimgħu huwa bħal‑leħen ta’ wieħed jgħajjat fid‑deżert—fid‑deżert, għaliex ma tistgħux tarawh—li huwa sewwasew leħni, għaliex leħni huwa Spirtu; l‑Ispirtu tiegħi huwa verità; il‑verità tibqa’ għal dejjem u m’għandhiex tmiem; u jekk hija tinsab fikom hija titkattar.
67 U jekk intom iżżommu ħarsitkom fuq il‑glorja tiegħi, ġisimkom kollu jimtela bid‑dawl, u ma jkun hemm l‑ebda dalma fikom; u dak il‑ġisem li hu mimli dawl jasal biex jifhem kollox.
68 Għalhekk, tqaddsu b’mod li ħsibijietkom ikunu dejjem fuq Alla, u jasal iż‑żmien meta lilu intom taraw; għax huwa jikxfilkom wiċċu, u dan iseħħ fil‑ħin li jrid hu, u bil‑mod li jrid hu, skont ir‑rieda tiegħu.
69 Ftakru fl‑aħħar wegħda kbira li jien għamiltilkom; eħilsu lilkom infuskom mill‑ħsibijiet li ma jiswew għal xejn, u mid‑daħk żejjed.
70 Ibqgħu hawn f’dan il‑post, u sejħu laqgħa solenni, sewwasew għal dawk li huma l‑ewwel ħaddiema f’din l‑aħħar saltna.
71 U dawk li huma wissew jeħtieġ li waqt li jkunu fi triqthom isejħu lill‑Mulej, u jgħaddu ftit ħin jixtarru f’qalbhom it‑twissija li ngħataw.
72 Araw, jiena nieħu ħsieb il‑merħliet tagħkom, u nqajjem presbiteri u nibgħathom iżuruhom.
73 Araw, jiena nħabrek biex il‑ħidma tiegħi sseħħ fil‑ħin opportun.
74 U lilkom, li intom l‑ewwel ħaddiema f’din l‑aħħar saltna, nordnalkom sabiex tinġabru flimkien, u torganizzaw u tħejju lilkom infuskom, u titqaddsu; iva, saffu qlubkom, u naddfu idejkom u riġlejkom quddiemi, sabiex jiena nnaddafkom;
75 Ħalli jiena nkun nista’ nixhed quddiem Missierkom, u Alla tagħkom, u Alla tiegħi, li intom tinsabu mnaddfa mid‑demm ta’ dan in‑nisel ħażin; ħalli jiena nkun nista’ nwettaq din il‑wegħda, din il‑wegħda kbira, l‑aħħar waħda, li jien għamilt magħkom, meta nħoss li għandi nagħmel dan.
76 U nordnalkom ukoll biex minn issa ’l quddiem tkomplu titolbu u ssumu.
77 U nordnalkom sabiex tgħallmu lil xulxin id‑duttrina tas‑saltna.
78 Għallmu bir‑reqqa, u l‑grazzja tiegħi tkun magħkom, sabiex intom tiġu mgħallmin aktar bis‑sħiħ fit‑teorija, fil‑prinċipju, fid‑duttrina, fil‑liġi tal‑evanġelju, u f’kull ħaġa relatata mas‑saltna ta’ Alla, li jkun jaqbel li tifhmuha;
79 Dwar ħwejjeġ li jinsabu kemm fis‑sema u kemm fl‑art, kif ukoll taħt l‑art; ħwejjeġ li kienu, ħwejjeġ li huma, u ħwejjeġ li għad iridu jseħħu dalwaqt; kemm f’pajjiżkom u kemm lil hinn; kif ukoll dwar il‑gwerer, u dwar ġnus li ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu, u dwar dak kollu li se jolqot il‑pajjiżi tal‑art; u biex intom ikollkom għarfien ukoll tal‑pajjiżi u tas‑saltniet—
80 Sabiex intom tkunu tistgħu titħejjew f’kull ħaġa meta jiena nerġa’ nibgħatkom sabiex tonoraw is‑sejħa li sejjaħtilkom għaliha, u l‑missjoni li ħtartkom fiha.
81 Araw, jiena bgħattkom sabiex tixhdu u twissu lin‑nies, u jeħtieġ li kull bniedem li ġie mwissi imur iwissi lil għajru.
82 Għalhekk, huma ma baqgħalhom l‑ebda skuża, u huma jridu jagħtu kont ta’ dnubiethom.
83 Min mas‑sebħ lili jfittex isibni, u jien lilu ma nabbandunahx.
84 Għalhekk, ibqgħu hawn u aħdmu bil‑ħerqa, ħalli l‑ministeru tagħkom ikun wieħed perfett meta intom tmorru fost il‑Ġentili għall‑aħħar darba, intom kollha li tiġu msejħa permezz ta’ fomm il‑Mulej, biex torbtu l‑liġi u tissiġillaw ix‑xhieda, u biex tħejju lill‑qaddisin għas‑siegħa tal‑ħaqq li għad trid tiġi;
85 Sabiex ruħhom tkunu tista’ teħlisha mill‑korla ta’ Alla, mill‑ħerba orribbli li hemm tistenna lill‑ħżiena, kemm f’din id‑dinja kif ukoll fid‑dinja li għandha tiġi. Tassew ngħidilkom, li jeħtieġ li dawk li mhumiex l‑ewwel presbiteri jkomplu jaħdmu fl‑għalqa sakemm huma jiġu msejħa permezz ta’ fomm il‑Mulej, għax il‑ħin tagħhom għadu ma wasaltx; ilbieshom għadu mhux imnaddaf mid‑demm ta’ dan in‑nisel.
86 Ibqgħu gawdu l‑ħelsien li permezz tiegħu intom nies ħielsa; la tintilfux wara d‑dnub iżda araw li idejkom ikunu nodfa sa ma jasal il‑Mulej.
87 Għax ftit żmien ieħor u l‑art sejra titheżżeż u titbandal ’l hemm u ’l hawn bħal raġel fis‑sakra; u x‑xemx sejra taħbi wiċċha, u ma tkunx trid tagħti d‑dawl; u l‑qamar jispiċċa maħsul bid‑demm; u l‑kwiekeb jimtlew b’għadab kbir, u jinxteħtu għal isfel bħall‑frott misjur li jaqa’ mit‑tina.
88 U wara li tkunu qsamtu x‑xhieda tagħkom, il‑poplu se jintlaqat mill‑qilla u l‑għadab.
89 Għax wara x‑xhieda tagħkom ikun hemm ix‑xhieda tat‑theżżiż, li twassal għat‑tnehid f’nofs l‑art, u n‑nies jispiċċaw jaqgħu mal‑art u ma jkunux jistgħu jqumu.
90 U jkun hemm ukoll ix‑xhieda ta’ leħen ir‑ragħad, u leħen il‑beraq, u leħen it‑tempesti, u leħen il‑mewġ tal‑baħar li jogħla b’qawwa li tiżboq il‑qawwa normali tiegħu.
91 Se jkun hawn konfużjoni sħiħa; u n‑nies, bla dubju, se jkollhom qalbhom maqtugħa; għax kulħadd se jinħakem mill‑biża’.
92 U l‑anġli sejrin itiru fl‑għoli tas‑sema u jgħajtu b’leħen għoli, waqt li jdoqqu t‑tromba ta’ Alla, u jgħidu: Ħejju lilkom infuskom intom li tgħammru fuq l‑art; għax wasal jum il‑ħaqq ta’ Alla. Araw, wasal l‑Għarus; morru biex tiltaqgħu miegħu.
93 U minnufih jidher sinjal fis‑smewwiet, u l‑bnedmin jarawh kollha f’daqqa.
94 U anġlu ieħor sejjer idoqq it‑tromba u jgħid: Dik il‑knisja kbira, omm kull abominazzjoni, li wasslet lill‑ġnus kollha sabiex jixorbu l‑inbid ibaqbaq taż‑żína tagħha, li tippersegwita lill‑qaddisin ta’ Alla, u xxerred demmhom—dik li tinsab bilqiegħda fuq bosta ilmijiet, u fuq il‑gżejjer tal‑baħar—araw, hija s‑sikrana tal‑art; hija tinsab marbuta qatta qatta; l‑irbit tagħha hu b’saħħtu, u ħadd ma jista’ jħollu; għalhekk, hija tinsab lesta biex tinħaraq. U huwa se jdoqq it‑tromba b’ħoss qawwi u jgħajjat, u se jisimgħuh il‑ġnus kollha.
95 U se jkun hemm is‑skiet fis‑smewwiet għal nofs siegħa sħiħa; u dlonk wara tinfetaħ il‑purtiera tas‑smewwiet, kif jinfetaħ ktieb meta jitkebbeb ’il fuq, u jiġi żvelat wiċċ il‑Mulej;
96 U l‑qaddisin li jkunu għadhom ħajjin fuq l‑art, jingħataw il‑ħajja u jinħatfu sabiex imorru jiltaqgħu miegħu.
97 U dawk li raqdu f’qabarhom sejrin joħorġu minnu, għax l‑oqbra tagħhom sejrin jinfetħu; u huma wkoll sejrin jinħatfu sabiex imorru jiltaqgħu miegħu f’nofs il‑kolonna tas‑sema—
98 Huma jappartjenu lil Kristu, l‑ewwel frott, u se jkunu l‑ewwel li jinżlu miegħu, u dawn huma dawk li jinsabu fuq l‑art u f’qabarhom, li se jinħatfu l‑ewwel biex jiltaqgħu miegħu; u dan kollu se jseħħ wara li jinstama’ l‑ħoss tat‑tromba tal‑anġlu ta’ Alla.
99 U dlonk wara, anġlu ieħor sejjer idoqq it‑tieni tromba; u mbagħad tasal il‑fidwa ta’ dawk li jappartjenu lil Kristu fil‑miġja tiegħu; huma li kienu jinsabu f’dak il‑ħabs li hemm imħejji għalihom, fejn huma jistgħu jaċċettaw l‑evanġelju, u jsir ħaqq minnhom skont il‑bnedmin fil‑ġisem.
100 U għal darb’oħra, se tindaqq tromba oħra, li hija t‑tielet tromba; u mbagħad jiġu l‑ispirti ta’ dawk li li se jsir ħaqq minnhom, u huma jinstabu ħatja;
101 U dawn huma l‑bqija tal‑mejtin; u huma ma jerġgħux jieħdu l‑ħajja qabel ma jkunu ntemmu l‑elf sena, jiġifieri, sa meta jasal tmiem id‑dinja.
102 U tinstama’ tromba oħra, li hija r‑raba’ tromba, tgħid: Fost dawk li se jibqgħu jistennew sa dak il‑jum kbir u aħħari, jiġifieri sal‑aħħar, hemm dawk li se jibqgħu maħmuġin.
103 U tindaqq tromba oħra, li hija l‑ħames tromba, mill‑ħames anġlu li jiġi biex iwassal l‑evanġelju ta’ dejjem—waqt li huwa jittajjar fl‑għoli tas‑sema, lil kull ġens, tribù, ilsien, u poplu;
104 U l‑ħoss tat‑tromba tiegħu se jkun dan, li jgħid lin‑nies kollha, kemm fis‑sema u kemm fl‑art, kif ukoll dawk li jinsabu taħt l‑art—għax kull widna se tisimgħu, u kull irkoppa se tmil, u kull ilsien se jistqarr, meta jisimgħu l‑ħoss tat‑tromba: Ibżgħu minn Alla, u agħtu glorja lil dak li jinsab bilqiegħda fuq it‑tron, għal dejjem ta’ dejjem; għax waslet is‑siegħa tal‑ħaqq tiegħu.
105 U għal darb’oħra, anġlu ieħor, li huwa s‑sitt anġlu, sejjer idoqq it‑tromba tiegħu, u jgħid: Waqgħet dik li sqiet il‑ġnus kollha bl‑inbid ibaqbaq taż‑żína tagħha; hija waqgħet, hija waqgħet!
106 U għal darb’oħra, anġlu ieħor, li huwa s‑seba’ anġlu, sejjer idoqq it‑tromba tiegħu, u jgħid: Kollox mitmum, kollox mitmum! Il‑Ħaruf ta’ Alla għeleb u għaffeġ waħdu sewwasew il‑magħsar tas‑saħna tal‑korla t’Alla li Jista’ Kollox.
107 U mbagħad l‑anġli jiġu nkurunati bil‑glorja tal‑qawwa tiegħu, u l‑qaddisin sejrin jimtlew bil‑glorja tiegħu, u huma jingħataw sehemhom u jkollhom dak kollu li għandu hu.
108 U mbagħad l‑ewwel anġlu jerġa’ jdoqq it‑tromba tiegħu f’widnejn il‑ħajjin kollha, u huwa jiżvela l‑għemejjel moħbija tal‑bnedmin, u l‑għeġubijiet kbar ta’ Alla fl‑ewwel elf sena.
109 U mbagħad it‑tieni anġlu jdoqq it‑tromba tiegħu, u jiżvela l‑għemejjel moħbija tal‑bnedmin, u l‑ħsibijiet u l‑fehmiet ta’ qalbhom, u l‑għeġubijiet kbar ta’ Alla fit‑tieni elf sena—
110 U jibqgħu sejrin hekk sakemm is‑seba’ anġlu jdoqq it‑tromba tiegħu; u huwa jieħu postu fuq l‑art u fuq il‑baħar, u jaħlef f’isem dak li jinsab bilqiegħda fuq it‑tron, li ma baqax aktar żmien; u Satana, dak is‑serp tal‑qedem, li jissejjaħ ix‑xitan, se jisfa marbut, u mhuwiex se jinħall għal elf sena sħaħ.
111 U mbagħad huwa sejjer jinħall għal xi żmien, biex ikun jista’ jiġbor flimkien l‑armati tiegħu.
112 U Mikiel, is‑seba’ anġlu, sewwasew l‑arkanġlu, sejjer jiġbor flimkien l‑armati tiegħu, sewwasew l‑eżerċti tas‑smewwiet.
113 U x‑xitan sejjer jiġbor flimkien l‑armati tiegħu; sewwasew l‑eżerċti tal‑infern, u huwa jiġi biex jiġġieled kontra Mikiel u l‑armati tiegħu.
114 U mbagħad jingħata bidu għall‑battalja tal‑kbir Alla; u x‑xitan u l‑armati tiegħu jinxteħtu fil‑post li hemm lest għalihom, fejn huma ma jkollhom l‑ebda setgħa aktar fuq il‑qaddisin.
115 Għax Mikiel sejjer jiġġieled il‑battalji tagħhom, u huwa jegħleb lil dak li jipprova jneħħi minn fuq it‑tron lil dak li jinsab bilqiegħda fuq it‑tron, li huwa l‑Ħaruf.
116 Din hija l‑glorja ta’ Alla, u tal‑qaddisin; u huma qatt aktar mhuma se jesperjenzaw il‑mewt.
117 Għalhekk, tassew ngħidilkom, ħbieb tiegħi, sejħu laqgħa solenni, kif ordnajtilkom jien.
118 U peress li mhux ilkoll kemm intom għandkom il‑fidi, fittxu bir‑reqqa biex tgħallmu lil xulxin kliem il‑għerf; iva, fittxu fl‑aqwa kotba kliem il‑għerf; fittxu li titgħallmu, sew permezz tal‑istudju u sew permezz tal‑fidi.
119 Organizzaw ruħkom; ħejju kull ħaġa meħtieġa; u waqqfu dar, sewwasew dar ta’ talb, dar ta’ sawm, dar ta’ fidi, dar ta’ tagħlim, dar ta’ glorja, dar ta’ ordni, dar ta’ Alla;
120 Ħalli kull darba li tidħlu fiha intom tagħmlu dan f’isem il‑Mulej; u kull darba li toħorġu minnha tagħmlu dan f’isem il‑Mulej; ħalli t‑tislim tagħkom isir f’isem il‑Mulej, billi tgħollu jdejkom ’il fuq lejn l‑Għoli.
121 Għalhekk, ieqfu minn kull diskors fieragħ, u mid‑daħk tagħkom, u mill‑ġibdiet ħżiena, u minn kull kburija u frivolezza, u mill‑għemejjel ħżiena tagħkom.
122 Aħtru għalliem minn fostkom, u titkellmux ilkoll f’ħin wieħed; iżda tkellmu wieħed wara l‑ieħor u isimgħu lkoll lil xulxin, ħalli meta intom ilkoll titkellmu, intom tkunu tistgħu tedifikaw ruħkom, u kulħadd ikun jista’ jkollu l‑istess privileġġ.
123 Araw li tħobbu lil xulxin; araw li ma jkun hemm l‑ebda rgħiba; tgħallmu aqsmu ġidkom bejnietkom kif jitlob l‑evanġelju.
124 Tkunux aktar għażżenin; tibqgħux tikkritikaw lil xulxin; tibqgħux torqdu aktar milli hu meħtieġ; iddumux ma tmorru fis‑sodda, biex ma tkunux għajjenin; qumu kmieni, biex ġisimkom u moħħkom ikun frisk.
125 U fuq kollox, ilbsu fuqkom l‑irbit tal‑karità, bħallikieku xi mantar, li huwa sewwasew l‑irbit tal‑perfezzjoni u s‑sliem.
126 Itolbu dejjem, ħalli ma taqtgħux qalbkom, sakemm jiena niġi. Araw, jiena ġej dalwaqt, u jien se neħodkom miegħi. Ammen.
127 U għal darb’oħra, din hi l‑ordni tad‑dar imħejjija għall‑presidenza tal‑iskola tal‑profeti, li twaqqfet biex huma jitgħallmu kull ħaġa li jaqbel lilhom, sewwasew dawk kollha li huma l‑uffiċjali tal‑knisja, jew fi kliem ieħor, dawk li huma msejħin għall‑ministeru fil‑knisja, mill‑qassisin il‑kbar sad‑djakni—
128 U din għandha tkun l‑ordni tad‑dar tal‑presidenza tal‑iskola: Dak li jinħatar president, jew għalliem, għandu jieqaf fid‑dar li tħejjiet għalih.
129 Għalhekk, huwa għandu jkun l‑ewwel wieħed li jmur fid‑dar ta’ Alla, fejn il‑ġemgħa li jkun hemm fid‑dar tkun tista’ tisma’ kliemu bir‑reqqa u b’mod ċar, mingħajr ma jgħajjat.
130 U meta huwa jasal fid‑dar ta’ Alla, għax hu għandu jkun l‑ewwel wieħed fid‑dar—araw, din hi ħaġa sabiħa, li huwa jkun ta’ eżempju—
131 Huwa għandu jinżel għarkupptejh u joffri talbu quddiem Alla, bħala sinjal jew tifkira tal‑patt ta’ dejjem.
132 U meta jidħol xi ħadd warajh, l‑għalliem għandu jqum, u b’idejh dritti mgħollija lejn is‑smewwiet, huwa jsellem lil ħuh jew lil ħutu b’dan il‑kliem:
133 Inti ħija, jew intom ħuti? Insellimlek f’isem il‑Mulej Ġesù Kristu, permezz tas‑sinjal jew tat‑tifkira tal‑patt ta’ dejjem, il‑patt li permezz tiegħu jiena nilqgħek f’din is‑sħubija, b’determinazzjoni soda, li ma titħarrikx u ma tinbidilx, biex jiena nkun il‑ħabib tiegħek u nkun ukoll ħuk permezz tal‑grazzja ta’ Alla fl‑irbit tal‑imħabba, ħalli jiena ngħix il‑kmandament kollha ta’ Alla bla ħtija u bi gratitudni, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
134 U min jinstab li mhuwiex denn ta’ din it‑tislima postu mhuwiex magħkom; għax intom m’għandkomx tħalluh iħammeġ dari.
135 U min jidħol u huwa fidil f’għajnejja, u huwa ħukom, jew huma ħutkom fil‑knisja, huma għandhom isellmu lill‑president jew lill‑għalliem b’idejhom mgħollija lejn is‑smewwiet, permezz ta’ din l‑istess talba u dan il‑patt, jew billi jgħidu Ammen, bħala sinjal ta’ din l‑istess talba u dan il‑patt.
136 Araw, tassew ngħidilkom, dan huwa eżempju kif intom għandkom isellmu lil xulxin fid‑dar ta’ Alla, fl‑iskola tal‑profeti.
137 U intom imsejħin tagħmlu dan permezz tat‑talb u r‑radd il‑ħajr, kif tiġu mmexxija tagħmlu mill‑Ispirtu f’kulma tagħmlu fid‑dar tal‑Mulej, fl‑iskola tal‑profeti, sabiex hija tkun tista’ ssir santwarju, sewwasew tabernaklu li fih jgħammar l‑Ispirtu s‑Santu għall‑edifikazzjoni tagħkom.
138 U f’din l‑iskola għandkom tilqgħu fostkom biss lil min huwa mnaddaf mid‑demm ta’ dan in‑nisel;
139 U għandkom tilqgħuh permezz tal‑ordinanza tal‑ħasil tas‑saqajn, għax kien għal dan il‑għan li ġiet imwaqqfa l‑ordinanza tal‑ħasil tas‑saqajn.
140 U għal darb’oħra, l‑ordinanza tal‑ħasil tas‑saqajn għandha tiġi amministrata mill‑president, jew mill‑presbiteru li jippresedi tal‑knisja.
141 Għandu jingħata bidu għaliha permezz ta’ talba; u wara li jieħu l‑ħobż u l‑ilma, hu għandu jitħażżem skont kif hemm miktub f’ kapitlu tlettax tax‑xhieda ta’ Ġwanni li huwa kiteb dwari. Ammen.