Skrittura
Duttrina u Patti 86


Sezzjoni 86

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is‑6 ta’ Diċembru, 1832. Din ir‑rivelazzjoni ngħatat waqt li l‑Profeta kien qed jirrevedi u jeditja l‑manuskritt tat‑traduzzjoni tal‑Bibbja.

1–7, Il‑Mulej jiżvela t‑tifsira tal‑parabbola tal‑qamħ u s‑sikrana; 8–11, Huwa jispjega l‑barkiet tas‑saċerdozju li jingħataw lil dawk li bil‑liġi huma werrieta skont in‑nisel.

Tassew, dan jgħid il‑Mulej lilkom il‑qaddejja tiegħi, dwar il‑parabbola tal‑qamħ u s‑sikrana:

Araw, tassew ngħidilkom, l‑għalqa kienet id‑dinja, u l‑appostli kienu dawk li żergħu ż‑żerriegħa;

U wara li huma raqdu, il‑persekutur il‑kbir tal‑knisja, dik li waqgħet f’apostasija, il‑prostituta, l‑istess Babilonja, li twassal biex il‑ġnus kollha jixorbu mit‑tazza tagħha, li bilqiegħda f’qalbha hemm isaltan l‑għadu, l‑istess Satana—arawh jiżra’ s‑sikrana; għalhekk, is‑sikrana toħnoq il‑qamħ u tixħet il‑knisja fid‑deżert.

Għax araw, fl‑aħħar żminijiet, sewwasew bħalissa, waqt li l‑Mulej qed jibda jistabbilixxi l‑kelma, u l‑qamħ qed jinbet u għadu artab—

Araw, tassew ngħidilkom, l‑anġli qed isejħu lill‑Mulej lejl u nhar, fejn huma jinsabu lesti u qed jistennew biex jintbagħtu ħalli jaħsdu l‑għelieqi;

Iżda l‑Mulej jgħidilhom, taqtgħux is‑sikrana waqt li l‑qamħ għadu artab (għax il‑fidi tagħkom hi tabilħaqq dgħajfa), ma tmorrux teqirdu wkoll il‑qamħ.

Għalhekk, ħallu l‑qamħ u s‑sikrana jikbru flimkien sakemm jilħaq sew il‑ħsad; mbagħad isseparaw l‑ewwel il‑qamħ mis‑sikrana, u wara li tiġbru l‑qamħ, araw, orbtu flimkien is‑sikrana qatta qatta, u mbagħad l‑għalqa agħtuha n‑nar.

Għalhekk, dan jgħidilkom il‑Mulej, intom li bikom is‑saċerdozju baqa’ għaddej permezz ta’ nisel missirijietkom—

Għax bil‑liġi intom werrieta, skont in‑nisel, u intom bqajtu moħbija mid‑dinja flimkien ma’ Kristu permezz ta’ Alla—

10 Għalhekk intom ġejtu mħarsa u s‑saċerdozju kompla għaddej, u jeħtieġ li jkompli permezz tagħkom u n‑nisel tagħkom, sakemm kull ħaġa li ġiet imlissna minn fomm il‑profeti qaddisa kollha sa mill‑bidu tad‑dinja tkun irrestawrata.

11 Għalhekk, henjin intom jekk tibqgħu fi tjubiti, u tkomplu tkunu dawl għall‑Ġentili, u permezz ta’ dan is‑saċerdozju, tkunu salvaturi għall‑poplu tiegħi Iżrael. Dan hu kliem il‑Mulej. Ammen.