Sezzjoni 85
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is‑27 ta’ Novembru, 1832. Din is‑sezzjoni hija silta minn ittra li l‑Profeta bagħat lil William W. Phelps, li kien qed jgħix ġewwa Independence, Missouri. Hija tweġiba għal xi mistoqsijiet li saru dwar dawk il‑Qaddisin li, minkejja li marru joqogħdu f’Sijon, ma mxewx mal‑ordni li ngħataw biex jikkonsagraw ġidhom, u b’hekk huma ma ħadux sehemhom skont l‑ordni li ġiet stabbilita fil‑Knisja.
1–5, Il‑membri f’Sijon jingħataw sehemhom permezz tal‑konsagrazzjoni; 6–12, Wieħed qawwi u setgħan jagħti lill‑Qaddisin sehemhom f’Sijon.
1 Huwa d‑dmir tal‑iskrivan tal‑Mulej, li ġie maħtur minnu, li jżomm rendikont ġenerali tal‑knisja u jikteb dwar dak kollu li jseħħ ġewwa Sijon, u dwar dawk kollha li jikkonsagraw ġidhom, u jiġu mogħtija sehemhom mill‑isqof skont il‑liġi;
2 Kif ukoll dwar l‑istil ta’ ħajja tagħhom, il‑fidi tagħhom u ħidmiethom; kif ukoll dwar dawk li waqgħu f’apostasija wara li ngħataw sehemhom.
3 Hi ħaġa li tmur kontra r‑rieda u l‑kmandament ta’ Alla li dawk li ma jingħatawx sehemhom b’riżultat tal‑konsagrazzjoni, skont il‑liġi tiegħu, li hu ta sabiex ikun jista’ jara li l‑poplu tiegħu jħallas id‑dieċmi, biex b’hekk iħejjihom għal jum il‑vendetta u n‑nirien, ikollhom isimhom iddokumentat ma’ dawk li huma parti mill‑poplu ta’ Alla.
4 U m’għandux jinżamm għarblu tar‑razza tagħhom, u lanqas m’għandu jsib postu fuq ir‑reġistri jew fl‑istorja tal‑knisja.
5 U isimhom m’għandux jinkiteb fil‑ktieb tal‑liġi ta’ Alla, u l‑istess isem missirijiethom, jew isem uliedhom, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.
6 Iva, dan hu dak li jgħid il‑leħen ħelu u sieket, li jgħaddi minn kollox u li jinfed kollox, u ħafna drabi jwassal biex għadmi jitriegħed waqt li juri lilu nnifsu quddiemi, u jgħid:
7 U għad jiġri li jien, il‑Mulej Alla, sejjer nibgħat wieħed qawwi u setgħan, bix‑xettru tal‑poter f’idu, mlibbes bid‑dawl, u minn fommu huwa se jitlissen il‑kliem ta’ dejjem; waqt li l‑ġewwieni tiegħu se jkun għajn ta’ verità, biex iġib f’postha d‑dar ta’ Alla, u jirregola, skont il‑plott, sehem il‑qaddisin li isimhom, u isem missirijiethom, u isem uliedhom, jinsab iddokumentat fil‑ktieb tal‑liġi ta’ Alla;
8 Filwaqt li dak ir‑raġel, li ġie msejjaħ u maħtur minn Alla, li jmedd idu biex jipprova jiddritta l‑arka ta’ Alla, se jispiċċa jaqa’ mal‑art mad‑daqqa tal‑mewt, bħal siġra li tintlaqat b’qawwa minn daqqa ta’ sajjetta.
9 U dawk kollha li isimhom ma jkunx miktub fi ktieb it‑tifkiriet mhu se jingħataw l‑ebda sehem f’dak il‑jum, iżda huma jispiċċaw jitqattgħu biċċiet, u sehemhom ikun qalb dawk li ma jemmnux, fejn hemm il‑biki u t‑tgħażżiż tas‑snien.
10 Dawn il‑ħwejjeġ mhux qed ngħidhom minn żniedi; għalhekk, għax qed jgħidhom il‑Mulej, hu se jara li jiġu fis‑seħħ.
11 U dawk li jagħmlu parti mis‑Saċerdozju l‑Kbir, li isimhom mhuwiex miktub fil‑ktieb tal‑liġi, jew li nstabu li waqgħu f’apostasija, jew li ġew imqaċċtin mill‑knisja, u l‑istess ngħid għal dawk li jagħmlu parti mill‑iżgħar saċerdozju, u l‑membri, f’dak il‑jum mhumiex se jingħataw sehemhom fost il‑qaddisin tal‑Għoli;
12 Għalhekk, se jiġri minnhom kif ġara minn ulied il‑qassis, kif insibu miktub f’ kapitlu tnejn, vers wieħed u sittin, u tnejn u sittin ta’ Esdra.