Skrittura
Duttrina u Patti 84


Sezzjoni 84

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar it‑22 u t‑23 ta’ Settembru, 1832. Matul ix‑xahar ta’ Settembru, il‑presbiteri bdew ġejjin lura mill‑missjonijiet tagħhom fl‑istati tal‑lvant u bdew jagħtu rendikont ta’ ħidmiethom. Kien sewwasew waqt li kienu jinsabu flimkien f’dan iż‑żmien ta’ ferħ li ngħatat il‑komunikazzjoni li ġejja. Il‑Profeta qal li din kienet rivelazzjoni dwar is‑saċerdozju.

1–5, Ġerusalemm il‑Ġdida u t‑tempju se jinbnew ġewwa Missouri; 6–17, Mogħtija l‑linja tas‑saċerdozju minn Mosè sa Adam; 18–25, L‑akbar saċerdozju iħaddan fih l‑imfietaħ tal‑għarfien ta’ Alla; 26–32, L‑iżgħar saċerdozju iħaddan fih l‑imfietaħ tal‑qadi tal‑anġli u l‑evanġelju preparatorju; 33–44, Il‑bnedmin jiksbu l‑ħajja ta’ dejjem permezz tal‑ġurament u l‑patt tas‑saċerdozju; 45–53, L‑Ispirtu ta’ Kristu jdawwal lill‑bnedmin, u d‑dinja tinsab fi stat ta’ dnub; 54–61, Il‑Qaddisin jeħtieġ li jixhdu dwar dawk il‑ħwejjeġ li huma ngħataw; 62–76, Huma għandhom ixandru l‑evanġelju, u s‑sinjali jsieħbu l‑predikazzjoni tagħhom; 77–91, Il‑Presbiteri għandhom imorru bla borża u bla ħorġa, u l‑Mulej jieħu ħsieb ħtiġijiethom; 92–97, Dawk li jirrifjutaw l‑evanġelju se jintlaqtu mill‑kastig u s‑saħta; 98–102, Żvelata l‑għanja ġdida tal‑fidwa ta’ Sijon; 103–110, Kull bniedem għandu jwettaq dmiru fl‑uffiċċju tiegħu u jaħdem fis‑sejħa tiegħu; 111–120, Il‑qaddejja tal‑Mulej għandhom ixandru dwar il‑ħerba orribbli tal‑aħħar żminijiet.

Rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu lill‑qaddej tiegħu Joseph Smith, Jun., u lil sitt presbiteri, waqt li, magħqudin flimkien qalb waħda, bdew jgħollu leħinhom lejn is‑smewwiet.

Iva, il‑kelma tal‑Mulej li tikkonċerna l‑knisja tiegħu, li ġiet imwaqqfa fl‑aħħar żminijiet għar‑restawrazzjoni tal‑poplu tiegħu, li huwa wassal permezz ta’ fomm il‑profeti tiegħu, kif ukoll għall‑ġabra tal‑qaddisin tiegħu, fejn huma jieqfu fuq l‑Għolja ta’ Sijon, li se tkun il‑belt ta’ Ġerusalemm il‑Ġdida.

Liema belt għandha tinbena, fejn l‑ewwel għandu jinbena l‑plott tat‑tempju, li s‑saba’ tal‑Mulej wera fejn jinsab, mal‑fruntieri tal‑punent tal‑Istat ta’ Missouri, u li ġiet iddedikata minn Joseph Smith, Jun., u minn nies oħrajn li jogħġbu lill‑Mulej.

Din tassew hija l‑kelma tal‑Mulej, li l‑belt ta’ Ġerusalemm il‑Ġdida għandha tinbena għall‑ġabra tal‑qaddisin, u għandu jingħata bidu għall‑bini tagħha f’dan il‑post, sewwasew fil‑post tat‑tempju, liema tempju għandu jinbena f’dan iż‑żmien.

Għax tassew li dan iż‑żmien mhuwiex se jgħaddi qabel ma tinbena dar għall‑Mulej, li fuqha sserraħ sħaba, liema sħaba sejra tkun sewwasew il‑glorja tal‑Mulej, li sejra timla d‑dar.

U wlied Mosè, skont is‑Saċerdozju Mqaddes li huwa rċieva minn taħt idejn il‑kunjatu tiegħu, Ġetru;

U li Ġetru rċieva minn taħt idejn Kaleb;

U li Kaleb rċieva minn taħt idejn Eliħu;

U Eliħu minn taħt idejn Ġeremija;

10 U Ġeremija minn taħt idejn Gad;

11 U Gad minn taħt idejn Eżaija;

12 U li Eżaija rċevieh minn taħt idejn Alla.

13 Eżaija għex ukoll fi żmien Abraham, u hu ġie mbierek minnu—

14 U dan Abraham rċieva s‑saċerdozju mingħand Melkisedek, li rċevieh min‑nisel ta’ missirijietu, li jmorru lura sa Noè;

15 U minn Noè sa Ħenok, permezz ta’ nisel missirijiethom;

16 U minn Ħenok sa Abel, li kien ġie maqtul minħabba l‑konfoffa ta’ ħuh, li rċieva s‑saċerdozju fuq ordni ta’ Alla, minn taħt idejn missieru Adam, li kien l‑ewwel bniedem—

17 Liema saċerdozju għadu u jibqa’ ħaj fil‑knisja ta’ Alla tul iż‑żminijiet kollha, li la għandu bidu u lanqas tmiem.

18 U l‑Mulej għadda s‑saċerdozju wkoll lil Aron u lil uliedu, u lin‑nisel kollu tagħhom, liema saċerdozju għadu u jibqa’ ħaj ukoll għal dejjem flimkien mas‑saċerdozju li hu skont l‑ordni l‑aktar qaddisa ta’ Alla.

19 U dan l‑akbar saċerdozju jamministra l‑evanġelju u jħaddan fih l‑muftieħ tal‑misteri tas‑saltna, sewwasew il‑muftieħ tal‑għarfien ta’ Alla.

20 Għalhekk, fl‑ordinanzi tiegħu, tiġi żvelata l‑qawwa tad‑divinità.

21 U mingħajr l‑ordinanzi tiegħu, u l‑awtorità tas‑saċerdozju, il‑qawwa tad‑divinità ma tkunx tista’ tiġi żvelata lill‑bniedem waqt li huwa fil‑ġisem;

22 Għaliex mingħajrha l‑ebda bniedem ma jista’ jara wiċċ Alla, l‑istess Missier, u jgħix.

23 Issa dan kien sewwasew dak li Mosè għallem b’mod ċar lil ulied Iżrael fid‑deżert, u huwa ra kif jagħmel biex iqaddes lill‑poplu tiegħu ħalli huma jkunu jistgħu jaraw wiċċ Alla;

24 Iżda huma webbsu qalbhom u ma setgħux jissaportu l‑preżenza tiegħu; għalhekk, il‑Mulej fil‑qilla tiegħu, għax il‑korla tiegħu xegħlet għalihom, ħalef li huma ma kenux se jidħlu fil‑mistrieħ tiegħu waqt li kienu fid‑deżert, liema mistrieħ huwa l‑milja tal‑glorja tiegħu.

25 Għalhekk, huwa ħa lil Mosè minn nofshom, u ħa wkoll is‑Saċerdozju Mqaddes;

26 U ħallielhom l‑iżgħar saċerdozju, liema saċerdozju jħaddan fih l‑imfietaħ tal‑qadi tal‑anġli u tal‑evanġelju preparatorju;

27 Liema evanġelju hu l‑evanġelju tal‑indiema u tal‑magħmudija, u tal‑maħfra tad‑dnubiet, u tal‑liġi tan‑nisel tal‑ġisem, li l‑Mulej, fil‑qilla tiegħu, ra li jibqa’ għaddej f’idejn id‑dar ta’ Aron, fost ulied Iżrael, sa żmien Ġwanni, liema Ġwanni ġie mħejji minn Alla, u kien mimli bl‑Ispirtu s‑Santu sa minn ġuf ommu.

28 Għax huwa ġie mgħammed meta kien għadu tfajjel, u ġie ordnat biex iħaddan din is‑setgħa minn anġlu ta’ Alla meta kellu tmint ijiem, biex jeqred is‑saltna tal‑Lhud, u biex iwitti t‑triq tal‑Mulej quddiem il‑poplu tiegħu, sabiex iħejjihom għall‑miġja tal‑Mulej li f’idejh ġie mogħtija kull qawwa.

29 U għal darb’oħra, l‑uffiċċji ta’ presbiteru u ta’ isqof huma appendiċi neċessarji li jagħmlu parti mis‑saċerdozju l‑kbir.

30 U għal darb’oħra, l‑uffiċċji ta’ għalliem u ta’ djaknu huma appendiċi neċessarji li jagħmlu parti mill‑iżgħar saċerdozju, liema saċerdozju ġie mogħti lil Aron u lil uliedu.

31 Għalhekk, kif għidt dwar ulied Mosè—għax kemm ulied Mosè kif ukoll ulied Aron jeħtieġ li joffru offerta u sagrifiċċju xierqa fid‑dar tal‑Mulej, liema dar għandha tinbena għall‑Mulej f’dan iż‑żmien, fil‑post ikkonsagrat li jien għażilt—

32 U wlied Mosè u wlied Aron għad jimtlew bil‑glorja tal‑Mulej, fuq l‑Għolja ta’ Sijon fid‑dar tal‑Mulej, u dawn l‑ulied huma intom; kif ukoll ħafna oħrajn li jiena sejjaħt u li lilhom bgħatt biex jibnu l‑knisja tiegħi.

33 Għax dawk kollha li huma fidili biżżejjed li jingħataw dawn iż‑żewġ saċerdozji li tkellimt dwarhom, u jonoraw is‑sejħa tagħhom, huma jiġu mqaddsa permezz tal‑Ispirtu u dan iwassalhom biex ġisimhom jiġġedded.

34 Huma jsiru wlied Mosè u Aron, u n‑nisel ta’ Abraham, u l‑knisja u s‑saltna, u l‑magħżulin ta’ Alla.

35 Kif ukoll dawk kollha li jilqgħu dan is‑saċerdozju jkunu qed jilqgħu lili, jgħid il‑Mulej;

36 Għax min jilqa’ lill‑qaddejja tiegħi jkun qed jilqa’ lili;

37 U min jilqa’ lili jkun qed jilqa’ lil Missieri;

38 U min jilqa’ lil Missieri jkun qed jilqa’ s‑saltna ta’ Missieri; għalhekk dak kollu li Missieri għandu jingħata lilu.

39 U dan skont il‑ġurament u l‑patt li jappartjenu lis‑saċerdozju.

40 Għalhekk, dawk kollha li jirċievu s‑saċerdozju, ikunu qed jaċċettaw minn rajhom dan il‑ġurament u l‑patt ta’ missieri, li hu ma jistax jikser, u lanqas ma jista’ jitneħħa.

41 Iżda min jikser dan il‑patt, wara li jkun aċċettah min rajh, u jitbiegħed għal kollox minnu, mhux sejjer jikseb maħfra ta’ dnubietu, la f’din id‑dinja u lanqas fid‑dinja li għandha tiġi.

42 U ħażin għalihom dawk kollha li ma jilqgħux dan is‑saċerdozju li intom ingħatajtu, li issa jien se nikkonferma fuqkom li tinsabu hawn illum, permezz ta’ fommi mis‑smewwiet; u jiena ordnajt lill‑eżerċti tas‑smewwiet u lill‑anġli tiegħi sabiex jieħdu ħsiebkom.

43 U issa se nordnalkom sabiex toqogħdu attenti x’tagħmlu, u biex tagħtu widen għall‑kliem tal‑ħajja ta’ dejjem.

44 Għax jeħtieġ li intom tgħixu b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

45 Għax il‑kelma tal‑Mulej hija l‑verità, u kulma hu verità huwa dawl, u kulma huwa dawl huwa Spirtu, sewwasew l‑Ispirtu ta’ Ġesù Kristu.

46 U l‑Ispirtu jagħti d‑dawl lil kull bniedem li jiġi fid‑dinja; u l‑Ispirtu jdawwal lil kull bniedem madwar id‑dinja li jagħti widen għal‑leħen tal‑Ispirtu.

47 U kull min jagħti widen għal‑leħen tal‑Ispirtu jkun qed jersaq lejn Alla, sewwasew lejn il‑Missier.

48 U lilu l‑Missier jgħallmu dwar il‑patt li huwa ġedded u kkonferma fuqkom, u hu kkonfermah fuqkom għall‑ġid tagħkom, u mhux biss għall‑ġid tagħkom, iżda għall‑ġid tad‑dinja kollha.

49 U d‑dinja kollha tinsab fi stat ta’ dnub, u qed titniehed taħt id‑dalma u l‑jasar tad‑dnub.

50 U permezz ta’ dan tistgħu tagħrfu li huma jinsabu taħt il‑jasar tad‑dnub, għaliex ma jridux jersqu lejja.

51 Għax min ma jridx jersaq lejja jinsab taħt il‑jasar tad‑dnub.

52 U min ma jaċċettax leħni ma jistax jagħraf leħni, u huwa ma jagħmilx parti mill‑merħla tiegħi.

53 U permezz ta’ dan tistgħu tagħrfu t‑twajbin mill‑ħżiena, u d‑dinja kollha tinsab titniehed minħabba d‑dnub u d‑dalma, anke bħalissa.

54 U moħħkom fl‑imgħoddi spiċċa ddallam minħabba n‑nuqqas ta’ fidi, u minħabba li intom m’urejtux biżżejjed rispett lejn il‑ħwejjeġ li ngħatajtu—

55 U din il‑frugħa u nuqqas ta’ fidi wasslu lill‑knisja kollha taħt il‑kundanna.

56 U wlied Sijon jinsabu sewwasew ilkoll taħt din il‑kundanna.

57 U huma se jibqgħu taħt din il‑kundanna sakemm huma jindmu u jiftakru l‑patt il‑ġdid, sewwasew il‑Ktieb ta’ Mormon, u l‑kmandamenti li jiena tajthom qabel, mhux biss biex ilissnuhom b’fommhom, iżda wkoll biex jaġixxu skont dak li jiena ktibt—

58 Ħalli huma jkunu jistgħu jipproduċu frott xieraq għas‑saltna ta’ Missierhom; altrimenti l‑kastig u l‑ġudizzju jkomplu jolqtu lil ulied Sijon.

59 Għax taħsbu li jien se nħalli lil ulied is‑saltna jniġġsu l‑art imqaddsa tiegħi? Tassew, ngħidilkom, Le.

60 Tassew, tassew, ngħidilkom lilkom li bħalissa qed tisimgħu kliemi, permezz ta’ leħni, henjin intom jekk intom taċċettaw dawn il‑ħwejjeġ;

61 Għaliex jien naħfrilkom dnubietkom u nagħtikom ukoll dan il‑kmandament—li intom għandkom tibqgħu sodi fi ħsibijietkom, f’solennità u fi spirtu ta’ talb, hekk kif taqsmu x‑xhieda tagħkom mad‑dinja kollha dwar dawk il‑ħwejjeġ li jiġu żvelati lilkom.

62 Għalhekk, morru fid‑dinja kollha; u kull fejn ma tistgħux tmorru araw li tibgħatu x‑xhieda tagħkom, biex hija tgħaddi mingħandkom għal għand kull ħlejqa madwar id‑dinja.

63 U kif jiena għidt lill‑appostli tiegħi, l‑istess ngħid lilkom, għax intom l‑appostli tiegħi, sewwasew il‑qassisin il‑kbar ta’ Alla; intom dawk li tani Missieri; intom ħbieb tiegħi;

64 Għalhekk, kif għidt lill‑appostli tiegħi se ngħid lilkom ukoll, li dawk kollha li jemmnu fi kliemkom, u jitgħammdu bl‑ilma għall‑maħfra tad‑dnubiet, sejrin jirċievu l‑Ispirtu s‑Santu.

65 U dawn is‑sinjali sejrin isieħbu lil dawk li jemmnu—

66 F’ismi huma sejrin iwettqu bosta għemejjel tal‑għaġeb;

67 F’ismi huma sejrin ikeċċu x‑xjaten;

68 F’ismi huma sejrin ifejqu l‑morda;

69 F’ismi huma sejrin jiftħu għajnejn l‑għomja u widnejn it‑torox;

70 U lsien l‑imbikkma se jinħall;

71 U jekk xi ħadd jagħtihom il‑velenu, dan ma jagħmlilhomx ħsara;

72 U l‑velenu tas‑serp ma jkollu l‑ebda qawwa biex jagħmlilhom il‑ħsara.

73 Iżda jiena nordnalhom biex ma joqogħdux jiftaħru b’dawn il‑ħwejjeġ, u lanqas m’għandhom jitkellmu dwarhom quddiem in‑nies tad‑dinja; għax dawn il‑ħwejjeġ qed jingħataw lilkom għall‑ġid u għas‑salvazzjoni tagħkom.

74 Tassew, tassew, ngħidilkom, dawk kollha li ma jemmnux fi kliemkom, u ma jitgħammdux fl‑ilma f’ismi, għall‑maħfra ta’ dnubiethom, ħalli huma jkunu jistgħu jirċievu l‑Ispirtu s‑Santu, sejrin jiġu kkundannati, u mhumiex se jidħlu fis‑saltna ta’ Missieri, fejn hemm Missieri u jiena.

75 U din ir‑rivelazzjoni u dan il‑kmandament li qed nagħtikom jibdew jgħoddu sewwasew minn issa, madwar id‑dinja kollha, u l‑evanġelju sejjer jasal għand dawk kollha li għadu ma wasaltx fosthom.

76 Iżda tassew ngħid lil dawk kollha li lilhom ġiet mogħtija s‑saltna—fejn għandkom tkunu intom li xxandruh lilhom, ħalli huma jindmu mill‑għemejjel ħżiena tagħhom; għax huma jeħtieġ li jiġu mċanfra għall‑qalb ħażina u bla fidi tagħhom, u ħutkom f’Sijon jeħtieġ li jiġu mċanfra talli ħaduha kontrikom fil‑mument li jiena bgħattkom fosthom.

77 U għal darb’oħra jien ngħidilkom, O ħbieb tiegħi, għax minn issa ’l quddiem se nsejħilkom ħbieb, jeħtieġ li jiena nordnalkom sabiex intom issiru sewwasew bħall‑ħbieb tiegħi li kienu jgħixu fi żmien meta jiena kont fosthom, hekk kif kont għaddej inxandar l‑evanġelju b’qawwa;

78 Għax jiena ridt li huma la jkollhom borża u lanqas ħorġa, u lanqas żewġ ilbiesi.

79 Araw, jiena nibgħatkom biex tippruvaw lid‑dinja, u l‑ħaddiem ħaqqu ħlasu.

80 U kull min imur u jxandar dan l‑evanġelju tas‑saltna, u jara li jibqa’ fidil f’kull ħaġa, hu la qatt mhu se jesperjenza għeja fil‑moħħ, għax moħħu qatt mhu se jiddallam, u lanqas għeja fil‑ġisem, fir‑riġel jew fil‑ġog; u l‑ebda xagħra minn rasu mhi se taqa’ mal‑art bla ma ħadd jintebaħ. U huma la qatt mhu se jaqbadhom il‑ġuħ, u lanqas l‑għatx.

81 Għalhekk, toqogħdux tħabblu raskom għall‑għada, x’se tieklu, jew x’se tixorbu, jew x’se tilbsu.

82 Għax, ħarsu lejn il‑ġilji tal‑għelieqi, kif jikbru; u la jitħabtu u lanqas jinsġu; u s‑saltniet tad‑dinja, fil‑glorja kollha tagħhom, ma jilbsux bħal wieħed minnhom.

83 Għax Missierkom, li hu fis‑smewwiet, jaf li intom teħtieġu dan kollu.

84 Għalhekk, ħallu l‑jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu.

85 U la toqogħdux taħsbu minn qabel x’se tgħidu; iżda għożżu f’moħħok kontinwament kliem il‑ħajja, u fil‑mument propju jingħatalkom x’għandkom twasslu lil kull bniedem.

86 Għalhekk, araw li minn issa ’l quddiem ħadd fostkom li jmur ixandar dan l‑evanġelju tas‑saltna, għax din hi l‑ordni li qed tingħata lill‑fidili kollha fil‑knisja li huma msejħin minn Alla għall‑ministeru, ma jieħu miegħu xi borża jew ħorġa.

87 Araw, jiena qed nibgħatkom biex iċċanfru lin‑nies tad‑dinja minħabba l‑għemejjel ħżiena tagħhom, u biex tgħallmuhom dwar il‑ħaqq li għad irid iseħħ.

88 U kull min jilqa’ lilkom, hemm inkun jiena wkoll, għax jiena nkun hemm quddiemkom. Jiena nkun fuq il‑lemin u fuq ix‑xellug tagħkom, u l‑Ispirtu tiegħi jgħammar f’qalbkom, u l‑anġli tiegħi jkunu madwarkom biex jgħinukom.

89 Min jilqa’ lilkom ikun qed jilqa’ lili; u lilkom huwa jitma’ u jlibbes, u jipprovdilkom il‑flus.

90 U min jitma’ u jlibbes lilkom, jew jipprovdilkom il‑flus, bl‑ebda mod mhu se jibqa’ mingħajr il‑ħlas tiegħu.

91 U min ma jagħmilx dan mhuwiex dixxiplu tiegħi; minn dan tagħrfuhom lid‑dixxiplu tiegħi.

92 Min ma jilqagħkomx għandu, itilqu minn ħdejh weħidkom, u naddfu riġlejkom bl‑ilma, sewwasew bl‑ilma safi, sew fis‑sħana u sew fil‑kesħa, u aqsmu x‑xhieda tagħkom dwar dan ma’ Missierkom li hu fis‑smewwiet, u la terġgħux lura għand dak il‑bniedem.

93 U f’kull raħal jew belt li tidħlu fihom, agħmlu l‑istess.

94 Madankollu, fittxu bir‑reqqa u żżommux lura; u ħażin għaliha dik id‑dar, u dik il‑belt, u ħażin għalih dak ir‑raħal, li ma jilqgħukomx, jew ma jilqgħux kliemkom, jew ix‑xhieda tagħkom dwari.

95 U għal darb’oħra ngħidilkom li ħażin għaliha dik id‑dar, u dik il‑belt, u ħażin għalih dak ir‑raħal, li ma jilqgħukomx, jew ma jilqgħux kliemkom, jew ix‑xhieda tagħkom dwari;

96 Għax jiena, ix‑Xaddaj, fuq il‑ġnus meddejt idi biex lilhom nikkastiga minħabba ħżunithom.

97 U se jinfirxu fuq l‑art il‑kastigi, u mhumiex se jintemmu qabel ma jiena nkun temmejt il‑ħidma tiegħi, li nara li tiġi fi tmiemha fis‑sewwa f’qasir żmien—

98 Sewwasew qabel ma lkoll kemm huma jsiru jafuni, miż‑żgħir sal‑kbir, u huma jimtlew bl‑għarfien tal‑Mulej, u jibdew jaraw b’għajnejhom, u jgħollu leħinhom, u b’leħen wieħed jgħannu din l‑għanja ġdida, u jgħidu:

99 Il‑Mulej reġa’ ġab lura lil Sijon;Il‑Mulej ġie jwassal il‑fidwa lill‑poplu tiegħu, Iżrael,Skont l‑għażla tal‑grazzja,Li ġiet fis‑seħħ permezz tal‑fidiU l‑patt ta’ missirijiethom.

100 Il‑Mulej wassal il‑fidwa lill‑poplu tiegħu;U Satana jinsab marbut u ż‑żmien m’għadux aktar.Il‑Mulej ġabar kollox taħt ras waħda.Il‑Mulej niżżel lil Sijon mis‑smewwiet.Il‑Mulej għolla ’l fuq lil Sijon mill‑art.

101 L‑art ħasset uġigħ il‑ħlas, u wildet setegħtha;U fil‑ġewwieni tagħha żżomm sħiħa l‑verità;U bi tbissima ħarsu lejha s‑smewwiet;U hija tinsab mlibbsa bil‑glorja ta’ Alla;Għax huwa jinsab wieqaf f’nofs il‑poplu tiegħu.

102 Glorja, u ġieħ, u qawwa, u saħħa,Nagħtu lil Alla tagħna; għax huwa kollu ħniena,Ġustizzja, grazzja, verità, u sliem,Għal dejjem ta’ dejjem, Ammen.

103 U għal darb’oħra, tassew, tassew, ngħidilkom, jeħtieġ li kull bniedem imur ixandar l‑evanġelju ta’ dejjem tiegħi, u jekk hu għandu familja, u jingħata xi flus bħala rigal, għandu jibgħathomlhom jew jużahom għall‑ġid tagħhom, kif jgħidlu biex jagħmel il‑Mulej, għax din hi ħaġa li togħġob lili.

104 U kull min m’għandux familja, u jingħata xi flus, għandu jibgħathom lill‑isqof f’Sijon, jew lill‑isqof f’Ohio, ħalli jiġu kkonsagrati għall‑pubblikazzjoni tar‑rivelazzjonijiet u l‑istampar tagħhom, u għat‑twaqqif ta’ Sijon.

105 U jekk xi ħadd jagħti xi ġakketta jew libsa lil xi ħadd minnkom, araw li taqbdu l‑qadima u tagħtuha lill‑foqra, u mbagħad morru fi triqtkom ferħanin.

106 U jekk xi ħadd fostkom ikun b’saħħtu fl‑Ispirtu, araw li jieħu miegħu lil min hu dgħajjef, ħalli huwa jedifika ruħu b’umiltà sħiħa, biex huwa jissaħħaħ ukoll.

107 Għalhekk, ħudu magħkom lil dawk li ġew ordnati għall‑iżgħar saċerdozju, u ibagħtuhom qabilkom biex jagħmlu l‑appuntamenti, u biex iħejju t‑triq, u jattendu l‑appuntamenti li intom ma tistgħux tattendu għalihom.

108 Araw, dan huwa l‑mod kif l‑appostli tiegħi, fi żmien il‑qedem, bnew il‑knisja tiegħi għalija.

109 Għalhekk, jeħtieġ li kull bniedem iwettaq dmiru fl‑uffiċċju tiegħu u jaħdem fis‑sejħa tiegħu; u araw li r‑ras ma tgħidx lis‑saqajn li m’għandhiex bżonn is‑saqajn; għax mingħajr saqajn kif jista’ jieqaf il‑ġisem?

110 U l‑ġisem l‑istess, għandu bżonn kull parti tal‑ġisem, biex ilkoll ikunu jistgħu jedifikaw ruħhom flimkien, biex is‑sistema tibqa’ waħda sħiħa.

111 U araw, il‑qassisin il‑kbar għandhom jitilqu għal għonq it‑triq, u l‑istess il‑presbiteri, u l‑istess il‑qassisin li jħaddnu l‑iżgħar saċerdozju; iżda d‑djakni u l‑għalliema għandhom jintalbu sabiex jibqgħu jieħdu ħsieb il‑knisja, u jkunu ministri għall‑knisja marbutin mal‑post speċifiku tagħhom.

112 U l‑isqof, Newel K. Whitney, għandu wkoll jerħilha għal għonq it‑triq u jmur idur il‑knejjes kollha, ifittex il‑foqra u jipprovdilhom għal ħtiġijiethom billi jumilja lill‑għonja u l‑imkabbra.

113 Hu għandu wkoll iqabbad aġent biex jieħu ħsieb, u jagħmel, il‑ħidma sekulari kif imexxih hu.

114 Madankollu, jeħtieġ li l‑isqof imur fil‑belt ta’ New York, kif ukoll fil‑belt ta’ Albany, u fil‑belt ta’ Boston, u jwissi lin‑nies ta’ dawk il‑bliet b’leħen għoli, permezz tal‑ħoss tal‑evanġelju, dwar il‑ħerba u l‑qerda sħiħa li hemm tistennihom jekk huma ma jaċċettawx dawn il‑ħwejjeġ.

115 Għax jekk huma ma jaċċettawx dawn il‑ħwejjeġ, araw, is‑siegħa tal‑ġudizzju tagħhom tinsab fil‑qrib, u djarhom għad jispiċċaw ħerba.

116 Jekk huwa jafda fija ma jitħawwadx; u l‑ebda xagħra minn rasu mhi se taqa’ mal‑art bla ma ħadd jintebaħ.

117 U lilkom, il‑bqija tal‑qaddejja tiegħi, tassew ngħidilkom, morru għal għonq it‑triq skont kif jippermettu ċ‑ċirkustanzi tagħkom, fil‑bosta sejħiet tagħkom, u erħulha lejn il‑bliet u l‑irħula kbar u importanti, u fis‑sewwa kollha ċanfru lin‑nies tad‑dinja minħabba l‑ħażen u l‑għemejjel ħżiena tagħhom, u fissrulhom b’mod ċar, u li jinftiehem, dwar il‑ħerba orribbli tal‑aħħar żminijiet.

118 Għax permezz tagħkom, jgħid il‑Mulej li Jista’ Kollox, jiena neqridilhom saltniethom; u jien mhux biss nriegħed l‑art, iżda nheżżeż is‑sema kollha kwiekeb.

119 Għax jien, il‑Mulej, meddejt idi biex neżerċita l‑qawwiet tas‑smewwiet; għalissa intom ma tistgħux taraw dan, madankollu, ftit ieħor u tkunu tistgħu taraw kollox, u intom tagħrfu li jien hu, u li jien għad niġi u nsaltan flimkien mal‑poplu tiegħi.

120 Jiena l‑Alfa u l‑Omega, il‑bidu u t‑tmiem. Ammen.