Sezzjoni 122
Il-kelma tal-Mulej lil Joseph Smith il-Profeta, waqt li kien maqful fiċ-ċella ġewwa Liberty, Missouri. Din is-sezzjoni hija silta minn ittra lill-Knisja miktuba għall-ħabta tat-22 ta’ Marzu, 1839.
1–4, L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, għad trid tkun taf dwar Joseph Smith; 5–7, Kull periklu u taħbit li jgħaddi minnu se jagħtih l-esperjenza u se jkun għall-ġid tiegħu; 8–9, Bin il-Bniedem għadda minn ferm aktar minn hekk.
1 L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, għad trid tkun taf dwarek, u n-nies boloh se jiddieħku bik, u l-infern se jeħodha b’qilla kontra tiegħek;
2 Filwaqt li dawk ta’ qalb safja, l-għorrief, u n-nobbli u n-nies virtużi, se jfittxu dejjem li jieħdu l-parir, l-awtorità u l-barkiet minn taħt idejk.
3 U l-poplu tiegħek qatt mhu se jdur kontrik minkejja x-xhieda tat-tradituri.
4 U minkejja li l-influwenza tagħhom għad titfgħek fl-inkwiet, u qalb il-ħitan tal-ħabsijiet, inti se tibqa’ dejjem tiġi onorat; u wara ftit żmien, il-ħoss ta’ leħnek se jqanqal, fost l-għedewwa tiegħek, ferm aktar biża’ mill-għajjat tal-iljun selvaġġ, minħabba s-sewwa tiegħek; u Alla tiegħek se jkun miegħek għal dejjem ta’ dejjem.
5 Jekk tiġi msejjaħ biex tgħaddi mill-għawġ; jekk tkun fil-periklu fost l-aħwa foloz; jekk tkun fil-periklu fost il-briganti; jekk tkun fil-periklu meta tivvjaġġa fuq l-art jew bil-baħar;
6 Jekk tiġi akkużat b’kull tip ta’ akkużi foloz; jekk jaħbtu għalik l-għedewwa tiegħek; jekk jeħduk b’forza, ’il bogħod minn missierek u ommok u ħutek; u jekk l-għedewwa tiegħek, permezz tax-xabla, jeħduk ’il bogħod minn ħdan martek u wliedek, u ibnek il-kbir, minkejja li għandu biss sitt snin, jiggranfa ma’ lbiesek, u jgħidlek, Missier, missier, għalfejn mhux se tibqa’ magħna? O missier, x’se jagħmlulek dawn l-irġiel? jekk wara jifirduh minn miegħek permezz tax-xabla, u lilek ikaxkru lejn il-ħabs, u l-għedewwa tiegħek jibdew iduru miegħek bħal ilpup lesti biex jixorbu demm il-ħaruf;
7 U jekk tispiċċa mixħut ġo ħofra, jew tingħata f’idejn il-qattiela, u jaqtgħuhielek għall-mewt; u jekk inti tispiċċa mixħut f’qiegħ il-baħar; u jekk il-mewġ qalil jikkonfoffa kontrik; u jekk l-irwiefen qawwija jibdew jaħdmu kontra tiegħek; u jekk is-sema tiddallam, u l-elementi kollha jingħaqdu biex jagħlqulek triqtek; u fuq kollox, jekk l-istess xedaq tal-infern jiftaħ ħalqu biex jibilgħek, kun af, ibni, li dan kollu se jagħtik l-esperjenza, u se jkun għall-ġid tiegħek.
8 Bin il-Bniedem għadda minn ferm aktar minn hekk. Jaqaw inti akbar minnu?
9 Għalhekk, ibqa’ miexi fi triqtek, u s-saċerdozju jibqa’ dejjem miegħek; għax huma għandhom limitu sa fejn jistgħu jaslu, li ma jistgħux jaqbżuh. Jiemek magħrufa, u sninek mhux se jiqsaru; għalhekk, la tibżax x’jista’ jagħmillek il-bniedem, għax Alla se jkun miegħek għal dejjem ta’ dejjem.