Sezzjoni 121
Talb u profeziji meħuda minn żewġ ittri lill-Knisja ddettati minn Joseph Smith il-Profeta waqt li kien maqful fiċ-ċella ġewwa Liberty, Missouri, l-ewwel waħda ġġib id-data ta’ l-20 ta’ Marzu, 1839, u t-tieni waħda nkitbet għall-ħabta tat-22 ta’ Marzu. Il-Profeta u bosta minn sħabu kienu ilhom xhur sħaħ ġo ħabs. Il-petizzjonijiet u l-appelli li huma għamlu lil diversi uffiċjali tal-gvern ma ġabulhom l-ebda solliev.
1–6, Il-Profeta jitlob bil-ħerqa lill-Mulej għall-Qaddisin li qed ibatu; 7–10, Il-Mulej jimlielu qalbu bil-paċi; 11–17, Misħutin dawk kollha li jxandru b’mod qarrieqi li l-poplu tal-Mulej waqa’ fi trasgressjoni; 18–25, Huma ma jkollhom l-ebda dritt għas-saċerdozju u jiġu kkundannati; 26–32, Rivelazzjonijiet glorjużi mwiegħda lil dawk li jibqgħu jirreżistu bi qlubija; 33–40, Għalfejn ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin; 41–46, Is-saċerdozju għandu jintuża biss fis-sewwa.
1 O Alla, fejn int? U fejn hu l-għarix li jgħatti l-moħba tiegħek?
2 Kemm se ddum iżżomm idek ’il bogħod, u għajnek, iva l-għajn safja tiegħek, kemm se ddum tara mis-smewwiet eterni minn xiex qed ikollu jgħaddi l-poplu tiegħek u l-qaddejja tiegħek, u kemm se ddum widintek tisma’ talbhom?
3 Iva, O Mulej, kemm se jdumu jbatu din l-inġustizzja kollha u din l-oppressjoni mill-aktar inġusta, qabel ma qalbek tirtab għalihom, u inti turi l-kompassjoni lejhom?
4 O Mulej Alla li Tista’ Kollox, inti li għamilt is-sema u l-art, u l-ibħra, u dak kollu li jinsab fihom, u li għandek il-kontroll u s-setgħa fuq ix-xitan u fuq id-dominju mudlam u sewdieni ta’ Seol—nitolbuk sabiex tmidd idek; ħares ħarsa bl-għajn penetranti tiegħek; neħħi minn quddiemna għarixek; u l-moħba tiegħek tħallihiex aktar mgħottija; ressaq widintek qrib tagħna; rattab qalbek, u uri kompassjoni lejna.
5 Ixgħel il-korla tiegħek kontra l-għedewwa tagħna; u fil-qilla ta’ qalbek, permezz tax-xabla, agħmel vendetta minnhom għat-tbatija li batejna.
6 Ftakar fil-qaddisin tiegħek li qed ibatu, O Alla tagħna; u jifirħu b’ismek il-qaddejja tiegħek għal dejjem.
7 Sliem għalik, ibni; l-għawġ tiegħek u t-tiġrib tiegħek se jkun biss għal ftit;
8 Imbagħad, jekk tibqa’ żżomm sħiħ, Alla jerfgħek fil-għoli; inti toħroġ rebbieħ fuq l-għedewwa kollha tiegħek.
9 Int għandek l-appoġġ sħiħ ta’ sħabek, u huma għad jerġgħu jilqgħuk lura b’imħabba u b’idejhom miftuħa.
10 Int għadek m’intix bħal Ġob; sħabek la jeħduha kontrik, u lanqas jakkużawk bi trasgressjoni, kif għamlu lil Ġob.
11 U dawk li jakkużawk bi trasgressjoni, it-tama tagħhom tisfuma fix-xejn, u l-aspettattivi tagħhom idubu bħal ġlata quddiem ir-raġġi jaħarqu ta’ tlugħ ix-xemx;
12 U Alla wkoll ħareġ digriet u ssiġillah biex jibdel il-jiem u l-iżmna, u biex idallam moħħhom, sabiex huma ma jkunux jistgħu jifhmu l-għemejjel tal-għaġeb tiegħu; biex huwa jkun jista’ wkoll iġarrabhom u jaqbadhom fil-ħażen ta’ moħħhom;
13 U dan għaliex qalbhom spiċċat tħassret, u huma għad iduqu bil-kbir mit-tbatija li lesti jitfgħu fuq ħaddieħor, u mill-pjaċir li jieħdu meta jgħakksu lil ħaddieħor;
14 Biex huma wkoll jispiċċaw jaqtgħu qalbhom, u t-tamiet tagħhom jisfumaw fix-xejn;
15 U mhux se jgħaddu wisq snin sa ma huma u dawk ta’ warajhom jispiċċaw jinqerdu minn taħt is-smewwiet, jgħid Alla, u l-ebda wieħed minnhom ma jibqa’ ħaj.
16 Misħutin dawk kollha li jagħtu bis-sieq lill-magħżulin tiegħi, jgħid il-Mulej, u li jgħidu li huma waqgħu fid-dnub meta ma jkunux waqgħu fid-dnub quddiemi, jgħid il-Mulej, iżda huma jkunu wettqu dak li nħoss li hu xieraq, u li jien ordnajtilhom.
17 Iżda dawk li jakkużawkom bi trasgressjoni jagħmlu dan għaliex huma l-qaddejja tad-dnub, u huma stess huma wlied id-diżubbidjenza.
18 U ħażin għalihom dawk li jaħilfu fil-falz kontra l-qaddejja tiegħi, biex iwassluhom għall-jasar u l-mewt—
19 Għax peress li huma naqsu liċ-ċkejknin tiegħi, huma se jinqatgħu mill-ordinanzi ta’ dari.
20 Il-qoffa tagħhom mhux se tkun mimlija, u djarhom u l-imħażen tagħhom għad jinqerdu, u huma stess se jkunu mistmerra minn dawk li joqogħdu jmellsuhom bi kliemhom.
21 Huma mhux se jkollhom dritt għas-saċerdozju, u l-istess dawk ta’ warajhom, minn nisel għal nisel.
22 Kien ikun aktar jaqblilhom li kieku rabtulhom ma’ għonqhom ġebla tat-tħin, u spiċċaw mgħarrqa f’qiegħ il-baħar.
23 Ħażin għalihom dawk kollha li jgħakksu lill-poplu tiegħi; li minn djarhom ikeċċu lil niesi, u joqtluhom, u jixhdu kontrihom, jgħid il-Mulej tal-Eżerċti; nisel il-lifgħat mhuwiex se jeħlisha mill-kundanna tal-infern.
24 Araw, għajnejja jaraw u jagħrfu l-għemejjel tagħhom kollha, u meta jkun il-waqt, għandi merfugħ għalihom ilkoll ġudizzju f’waqtu;
25 Għax hemm żmien magħżul għal kull bniedem, skont għemilu.
26 Alla se jagħtikom l-għarfien permezz tal-Ispirtu Qaddis tiegħu, iva, permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, li ma jitfissirx bil-kliem, li għadu ma ġiex żvelat sa minn meta ġiet maħluqa d-dinja sa issa;
27 Liema don missirijietna stennew b’ħerqa kbira li jiġi żvelat fl-aħħar żminijiet, huma li ħsibijiethom ġew immexxija mill-anġli, liema don baqa’ merfugħ għall-milja tal-glorja tagħhom;
28 Żmien li fih xejn mhu se jinżamm lura, kemm jekk ikun hemm Alla wieħed jew bosta allat, huma se joħorġu fid-deher.
29 It-tronijiet u l-ħakmiet kollha, il-prinċipati u s-setgħat kollha, se jiġu żvelati u se jingħataw lil dawk kollha li baqgħu jirreżistu bi qlubija għall-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
30 U se jiġi żvelat ukoll jekk hemmx limitu għas-smewwiet jew għall-ibħra, jew għall-art niexfa, jew għax-xemx, il-qamar, jew il-kwiekeb—
31 It-tul ta’ ħin li jieħdu d-dawriet kollha tagħhom, il-jiem, ix-xhur, u s-snin kollha li hemm mfassla għalihom, u t-tul tal-jiem, tax-xhur, u tas-snin tagħhom, u l-glorji, il-liġijiet, u l-ħinijiet stabbiliti tagħhom, se jiġu żvelati fi żmien id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet—
32 Skont dak li ġie ordnat f’nofs il-Kunsill tal-Alla Etern tal-allat l-oħra kollha, qabel ma nħolqot din id-dinja, li se jibqa’ merfugħ għal meta jasal it-tmiem u l-għeluq tagħha, meta kull bniedem se jidħol fil-preżenza ta’ dejjem tiegħu u fil-mistrieħ tiegħu li ma jintemmx.
33 Kif jistgħu l-ilmijiet immewġa jibqgħu bla ma jitniġġsu? Liema qawwa tista’ żżomm lis-smewwiet? Daqs kemm ma jistax ikun li bniedem imedd id-dirgħajn dgħajfa tiegħu biex iwaqqaf ix-xmara Missouri milli tkompli miexja, jew biex idawwar ir-rotta tagħha, daqstant ieħor ma jistax iżomm lis-Setgħan milli jsawwab l-għarfien mis-smewwiet fuq il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.
34 Araw, huma ħafna l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin. U għalfejn mhumiex magħżulin?
35 Għaliex qalbhom hi marbuta wisq mal-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, u huma jfittxu l-unuri tal-bnedmin, tant li jibqgħu ma jitgħallmux din il-lezzjoni—
36 Li d-drittijiet tas-saċerdozju huma magħqudin b’mod inseparabbli mal-qawwiet tas-smewwiet, u li l-qawwiet tas-smewwiet jistgħu jiġu kkontrollati jew imħaddmin biss skond il-prinċipji tas-sewwa.
37 Huwa minnu li huma jistgħu jiġu mogħtija lilna; iżda meta aħna nippruvaw naħbu dnubietna, jew nissodisfaw il-kburija tagħna, l-ambizzjoni fiergħa tagħna, jew neżerċitaw b’mod ħażin il-kontroll, id-dominju jew il-forza fuq ruħ ulied il-bnedmin, araw, is-smewwiet jitbiegħdu minna; l-Ispirtu tal-Mulej jitnikket; u meta huwa jitbiegħed, għidu Ammen għas-saċerdozju jew għall-awtorità ta’ dak ir-raġel.
38 Araw, qabel ma huwa jintebaħ b’dan, huwa jitħalla waħdu, biex jeħodha kontra n-niggieża, biex jippersegwita lill-qaddisin, u jeħodha kontra Alla.
39 Aħna tgħallimna, minn esperjenza xejn sabiħa, li hija n-natura u t-tendenza ta’ kważi kull bniedem, li hekk kif huwa jingħata, jew jaħseb li għandu, xi ftit awtorità, huwa mill-ewwel jibda jeżerċita ċertu kontroll mhux xieraq.
40 Hu għalhekk li ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin.
41 Kull qawwa jew influwenza tista’ biss, jew għandha biss, tiġi sostnuta permezz tas-saċerdozju, permezz tal-persważjoni, tas-sabar, tal-ġentilezza u l-ħlewwa, u l-imħabba sinċiera;
42 U permezz tat-tjubija u l-għarfien safi, fejn dawn ikabbru tassew lir-ruħ, mingħajr ipokresija, u mingħajr ħażen—
43 Araw li qabel ikun tard wisq tagħtu ċanfira kif għandha tkun, meta tiġu mmexxija biex tagħmlu dan mill-Ispirtu s-Santu; u mbagħad wara araw li turu doża akbar ta’ mħabba lejn dak li tkunu ċanfartu, biex huwa ma jqiskomx bħala l-għadu tiegħu;
44 Biex huwa jkun jaf li l-fedeltà tagħkom hi aktar b’saħħitha minn irbit il-mewt.
45 Araw li intom tkunu mogħnija bil-karità lejn kulħadd, u lejn qrabatkom fil-fidi, u ħallu l-virtù jsebbaħ ħsibijietkom bla waqfien; imbagħad intom timtlew bil-kunfidenza fil-preżenza ta’ Alla; u d-duttrina tas-saċerdozju tissawwab fuqkom bħan-nida mis-sema.
46 L-Ispirtu s-Santu ikun is-sieħeb kostanti tagħkom, u x-xettru tagħkom ikun xettru ta’ sewwa u verità; u d-dominju tagħkom ikun dominju bla tmiem, u mingħajr il-bżonn tal-forza, hu jibqa’ ġej dejjem lejkom għal dejjem ta’ dejjem.