Skrittura
Duttrina u Patti 118


Sezzjoni 118

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, ġewwa Far West, f’Missouri, nhar it-8 ta’ Lulju, 1838, bħala tweġiba għat-talba, “Urina x’inhi r-rieda tiegħek, O Mulej, dwar it-Tnax.”

1–3, Il-Mulej sejjer jipprovdi għall-familji tat-Tnax; 4–6, Jimtlew il-postijiet battala fit-Tnax.

Tassew, dan jgħid il-Mulej: jeħtieġ li tittella’ konferenza minnufih; jeħtieġ li jiġu organizzati t-Tnax; u jeħtieġ li jinħatru rġiel biex jieħdu post dawk li waqgħu.

Jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Thomas jibqa’ għal ftit żmien fl-art ta’ Sijon, biex jippubblika l-kelma tiegħi.

Jeħtieġ li l-kumplament minn dak il-waqt ikomplu jxandru l-kelma, u jekk huwa jagħmlu dan b’qalb mill-aktar umli u ħelwa, u jien, il-Mulej, inwegħidhom li jiena lest nipprovdi għall-familji tagħhom; u minn issa ’l hemm jinfetħilhom bieb li jħalli l-frott.

U jeħtieġ li fir-rebbiegħa li ġejja huma jitilqu biex jaqsmu l-ibħra vasti, u hemmhekk għandhom ixandru l-evanġelju tiegħi fil-milja tiegħu, u jixhdu għalija.

Jeħtieġ li fis-sitta u għoxrin ta’ April li ġej huma jitilqu minn ħdejn il-qaddisin tiegħi fil-belt ta’ Far West, mill-post fejn għandha tinbena d-dar tiegħi.

Jeħtieġ li l-qaddej tiegħi John Taylor, kif ukoll il-qaddej tiegħi John E. Page, kif ukoll il-qaddej tiegħi Wilford Woodruff, u l-qaddej tiegħi Willard Richards jinħatru sabiex jimlew il-postijiet ta’ dawk li waqgħu, u huma għandhom jiġu nnotifikati dwar il-ħatra tagħhom b’mod uffiċjali.