Skrittura
Duttrina u Patti 117


Sezzjoni 117

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, ġewwa Far West, f’Missouri, nhar it-8 ta’ Lulju, 1838, u titratta dwar id-dmirijiet immedjati ta’ William Marks, Newel K. Whitney, u Oliver Granger.

1–9, Il-qaddejja tal-Mulej m’għandhomx jixtiequ ħwejjeġ temporali, għax “x’jiswa l-ġid materjali għall-Mulej?”; 10–16, Moħħhom m’għandux ikun fi ħwejjeġ frivoli, u s-sagrifiċċji tagħhom ikunu sagri għall-Mulej.

Tassew dan hu dak li jgħid il-Mulej lill-qaddej tiegħi William Marks, kif ukoll lill-qaddej tiegħi Newel K. Whitney, li jeħtieġ li huma jieħdu ħsieb minnufih dak kollu relatat man-negozju tagħhom, u mbagħad għandhom iħallu l-art ta’ Kirtland, qabel ma jien, il-Mulej, nibgħat għal darb’oħra s-silġ fuq l-art.

Jeħtieġ li huma jistenbħu u jqumu, u jitilqu minn hemm, u ma jdumux, għax jien, il-Mulej, qed nordna dan.

Għalhekk, ħażin ikun għalihom jekk huma jibqgħu hemm.

Jeħtieġ li huma jindmu quddiemi mid-dnubiet kollha tagħhom, u mix-xewqat rgħiba tagħhom, jgħid il-Mulej; għax x’jiswa l-ġid materjali għalija? jgħid il-Mulej.

Jeħtieġ li huma jifdu d-dejn billi jirħu minn idejhom il-ġid ta’ Kirtland, jgħid il-Mulej. Araw li intom terħuh minn idejkom, jgħid il-Mulej, u dak li jibqa’, araw li jibqa’ f’idejkom, jgħid il-Mulej.

Għax mhux tiegħi huma l-għasafar tas-sema, u l-ħut tal-baħar, u l-bhejjem tal-muntanji? Mhux jiena ħloqt l-art? Mhux f’idejja jinsab id-destin tal-armati kollha ta’ ġnus il-art?

Għalhekk, m’għandix jiena l-qawwa li post imwarrab nibdlu f’post li jarmi l-ward u li jiffjorixxi, u li jipproduċi bil-kotra? jgħid il-Mulej.

M’hemmx biżżejjed wisa’ fuq il-muntanji ta’ Adam-ondi-Ahman, u fuq il-pjanuri ta’ Olaha Sinehah, jew fuq l-art fejn kien jgħammar Adam, biex intom terħu minn idejkom dik li hi sempliċiment qatra, u ma tittraskurawx ħwejjeġ aktar importanti?

Għalhekk, ejjew hawn, fl-art tal-poplu tiegħi, sewwasew f’Sijon.

10 Jeħtieġ li l-qaddej tiegħi William Marks ikun fidil fil-ftit, u huwa jsir mexxej fuq ħafna. Jeħtieġ li jkun huwa li jippresedi f’nofs il-poplu tiegħi fil-belt ta’ Far West, u huwa jiġi mbierek bil-barkiet tal-poplu tiegħi.

11 Jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Newel K. Whitney iħossu umiljat quddiemi minħabba t-tajfa tad-dixxipli ta’ Nikola u l-abominazzjonijiet sigrieti tagħhom, u peress li hu moħħu fil-ħwejjeġ frivoli, jgħid il-Mulej, u jeħtieġ li huwa jitla’ fl-art ta’ Adam-ondi-Ahman, u jkun isqof għall-poplu tiegħi, jgħid il-Mulej, mhux tal-isem, iżda permezz ta’ għemilu, jgħid il-Mulej.

12 U għal darb’oħra, ngħidilkom, jien niftakar fil-qaddej tiegħi Oliver Granger; araw, jien tassew ngħidlu li ismu se jibqa’ mfakkar b’mod sagru minn nisel għal nisel, għal dejjem ta’ dejjem, jgħid il-Mulej.

13 Għalhekk, jeħtieġ li huwa jaħdem bil-ħerqa għall-fidwa tal-Ewwel Presidenza tal-Knisja tiegħi, jgħid il-Mulej; u meta jaqa’, għandu jerġa’ jqum, għax b’hekk is-sagrifiċċju tiegħu jkun aktar sagru għalija minn kull suċċess li huwa jista’ jkollu, jgħid il-Mulej.

14 Għalhekk, jeħtieġ li huwa jiġi hawn, fl-art ta’ Sijon, minnufih; u meta jkun il-waqt għandu jinnegozja f’ismi, jgħid il-Mulej, għall-ġid tal-poplu tiegħi.

15 Għalhekk ħadd m’għandu jistmerr lill-qaddej tiegħi Oliver Granger, iżda fuqu għandhom jissawbu l-barkiet tal-poplu tiegħi għal dejjem ta’ dejjem.

16 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, jeħtieġ li l-qaddejja tiegħi kollha fl-art ta’ Kirtland jiftakru fil-Mulej Alla tagħhom, kif ukoll f’dari, u lilha għandhom iħarsu u jaraw li tkun mqaddsa, u l-imwejjed tas-sarrafa għandhom jaqilbu meta nħoss li jkun il-waqt, jgħid il-Mulej. Hekk għandu jkun. Ammen.