Skrittura
Duttrina u Patti 115


Sezzjoni 115

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, ġewwa Far West, Missouri, nhar is-26 ta’ April, 1838, li fiha ġie identifikat l-isem tal-Knisja bħala Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Ir-rivelazzjoni approvat ukoll li Far West ikun il-post il-ġdid li fih jinġabru l-Qaddisin fl-art ta’ Sijon.

1–4, Il-Mulej isemmi l-knisja tiegħu Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien; 5–6, Sijon u l-pali tagħha huma postijiet ta’ kenn u refuġju għall-Qaddisin; 7–16, Il-Qaddisin jiġu ordnati sabiex jibnu dar tal-Mulej ġewwa Far West; 17–19, Joseph Smith iħaddan l-imfietaħ tas-saltna ta’ Alla fuq l-art.

Tassew dan jgħid il-Mulej lilek, O qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., kif ukoll lill-qaddej tiegħi Sidney Rigdon, u anke lill-qaddej tiegħi Hyrum Smith, u lill-kunsilliera tiegħek li ġew maħtura u li għad jiġu maħtura mil-lum ’il hemm;

Kif ukoll lilek, O qaddej tiegħi Edward Partridge, u l-kunsilliera tiegħek;

Kif ukoll lill-qaddejja fidili tiegħi li jagħmlu parti mill-kunsill għoli tal-knisja tiegħi ġewwa Sijon, għax hekk se jkun jissejjaħ, u lill-presbiteri u n-nies kollha tal-knisja tiegħi, li hi Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, li jinsabu mxerdin mad-dinja kollha;

Għax hekk għandha tibda tissejjaħ il-Knisja tiegħi fl-aħħar żminijiet, sewwasew Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Tassew ngħidilkom ilkoll: Qumu u ħallu dawlkom jiddi biex huwa jkun ta’ sinjal għall-ġnus;

U biex il-ġabra flimkien fuq l-art ta’ Sijon, u fuq il-pali tagħha tkun ta’ kenn u refuġju fil-maltemp, u tkun ukoll ta’ kenn u refuġju mill-korla meta hija titferra’ safja fuq l-art kollha.

Jeħtieġ li l-belt ta’ Far West tkun art qaddisa u kkonsagrata lili; u hija għandha tissejjaħ belt mill-aktar qaddisa, għax l-art li fuqha tinsabu weqfin hija art qaddisa.

Għalhekk, jien nordnalkom biex tibnu dar għalija, sabiex fiha jinġabru flimkien il-qaddisin tiegħi, ħalli lili jkunu jistgħu jqimu.

U jeħtieġ li dan is-sajf li ġej jingħata bidu għal din il-ħidma, u għall-pedament, u għall-ħidma preparatorja;

10 U jeħtieġ li jingħata bidu għal dan fir-raba’ jum ta’ Lulju li ġej; u minn dak iż-żmien ’il hemm jeħtieġ li niesi jaħdmu bil-ħerqa sabiex jibnu dar lil ismi;

11 U jeħtieġ li fi żmien sena minn dan il-jum huma jibdew iħejju mill-ġdid il-pedament ta’ dari.

12 Għalhekk jeħtieġ li minn dak iż-żmien ’il quddiem huma jaħdmu bil-ħrara sakemm hija titlesta, mill-ġebla tax-xewka sal-quċċata tagħha, sakemm ma jkun għad baqa’ xejn li għad irid jitlesta.

13 Tassew ngħidilkom, la tħallux lill-qaddej tiegħi Joseph, jew lill-qaddej tiegħi Sidney, jew lill-qaddej tiegħi Hyrum, jiddejnu aktar biex tinbena dar lil ismi;

14 Iżda araw li tinbena dar lil ismi skont il-mod li jiena se nurihom.

15 U jekk il-poplu tiegħi ma jibnihiex skont il-mod li jiena se nuri lill-presidenza tagħhom, jien ma naċċettahiex minn idejhom.

16 Iżda jekk il-poplu tiegħi jibniha skont il-mod li jiena se nuri lill-presidenza tagħhom, sewwasew lill-qaddej tiegħi Joseph u l-kunsilliera tiegħu, mbagħad jiena naċċettaha minn idejn il-poplu tiegħi.

17 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, li hija r-rieda tiegħi li l-belt ta’ Far West tinbena fi żmien qasir ħalli jinġabru fiha l-qaddisin tiegħi;

18 U għandhom ukoll jingħataw postijiet oħra biex iservu bħala pali, fl-inħawi tal-madwar, kif se jiġi żvelat lill-qaddej tiegħi Joseph, minn żmien għall-ieħor.

19 Għax araw, jiena se nkun miegħu, u lilu jien se nqaddes quddiem il-poplu; għax lilu jiena tajt l-imfietaħ ta’ din is-saltna u dan il-ministeru. Hekk għandu jkun. Ammen.