Sezzjoni 112
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta lil Thomas B. Marsh, il-President tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, f’Kirtland, Ohio, nhar it-23 ta’ Lulju, 1837. F’dan iż-żmien qam ċertu tilwim mhux ħażin fil-Knisja dwar it-tmexxija ta’ Joseph Smith, inkluż fost xi wħud mill-Appostli. Fix-xhur ta’ qabel ma ngħatat din ir-rivelazzjoni, Thomas B. Marsh beda jara kif se jtemm il-kunflitt li kien hemm fost il-mexxejja tal-Knisja u jġib l-għaqda fost l-Appostli.
1–10, It-Tnax għandhom ixerrdu l-evanġelju u jwissu lill-ġnus u l-popli kollha; 11–15, Huma għandhom jerfgħu salibhom, jimxu wara Ġesù, u jirgħu n-nagħaġ tiegħu; 16–20, Dawk li jilqgħu lill-Ewwel Presidenza ikunu qed jilqgħu lill-Mulej; 21–29, Dalma tgħatti l-art, u jkunu biss dawk li jemmnu u jitgħammdu li jsalvaw; 30–34, L-Ewwel Presidenza u t-Tnax iħaddnu l-imfietaħ tad-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet.
1 Tassew dan jgħidlek il-Mulej O qaddej tiegħi Thomas: Jiena smajt talbek; u l-opri tiegħek ta’ karità telgħu quddiemi u ftakart fik, f’isem dawk ħutek li ġew magħżula biex jagħtu xhieda ta’ ismi u jxandruha lil hinn fost kull ġens, tribù, ilsien, u poplu, huma li ġew ordnati permezz tal-qaddejja tiegħi.
2 Tassew ngħidlek, kien hemm bosta ħwejjeġ fil-fond ta’ qalbek u li kienu relatati miegħek li jien, il-Mulej, ma kenux jgħoġbuni.
3 Madankollu, għax inti ċekkint lilek innifsek, inti se titkabbar; għalhekk, dnubietek kollha huma maħfura.
4 Agħmel il-qalb quddiemi; u agħti xhieda għal ismi, mhux biss fost il-Ġentili, iżda wkoll fost il-Lhud; U inti għandek tara li l-kelma tiegħi tiġi mxandra sa truf l-art.
5 Għalhekk ara li tiddefendiha, għodwa wara għodwa; u jum wara jum ara li ssemma’ leħnek; u meta jasal il-lejl, permezz ta’ kliem fommok, tħallix lil min jgħammar fuq l-art jorqod.
6 Jeħtieġ li wlied Sijon ikunu jafu fejn tgħammar, u ara li ma tħallix darek għal dar oħra; għax jien, il-Mulej, għandi għalik ħidma kbira xi twettaq, u din hi li tmur ixxandar ismi fost ulied il-bnedmin.
7 Għalhekk, ħażżem ġenbejk u lesti ruħek għall-ħidma. Ilbes ukoll il-qorq f’riġlejk, għax inti bniedem magħżul, u jeħtieġ li terħilha lejn il-muntanji, u żżur bosta ġnus.
8 U permezz ta’ kelmtek bosta setgħana għad jieħdu tisbita ’l isfel, u permezz ta’ kelmtek bosta nies umli se jiġu mgħollija ’l fuq.
9 Kliemek sejjer iċanfar lit-trasgressur; u maċ-ċanfira tiegħek ilsien dak li jxerred il-qlajja’ ma jkomplix jagħmel aktar ħsara.
10 Kun umli; u l-Mulej Alla tiegħek minn idek imexxik, u jisma’ talbek.
11 Jiena naf x’hemm f’qalbek, u jien smajt it-talb li int tlabt għal ħutek. Ara li lilhom ma tħobbhomx aktar milli tħobb lil ħaddieħor, iżda ara li tħobbhom kif inti tħobb lilek innifsek; u ara li tħobb bil-kotra lil kulħadd, u lil dawk kollha li jħobbuni.
12 U itlob għal ħutek tat-Tnax. Widdibhom b’qawwa f’ġieħ ismi, u ara li jiġu mwiddbin minħabba dnubiethom kollha, u ara li tkun fidil lejja.
13 U wara t-tiġrib u tant tbatija li huma jġarrbu, ara, jien, il-Mulej, lilhom infittex, u jekk ma jwebbsux qalbhom u rashom kontrija, huma jaslu biex jikkonvertu u lilhom jiena nfejjaq.
14 Issa, jiena ngħidlek, u dak li ngħid lilek ngħidu lit-Tnax kollha: Qum u ħażżem ġenbejk, erfa’ salibek, imxi warajja, u irgħa n-nagħaġ tiegħi.
15 La titkabbarx; teħodhiex kontra l-qaddej tiegħi Joseph; għax tassew ngħidlek, jiena ninsab miegħu, u lilu se nkun qed inħares; u l-imfietaħ li jiena tajtu, u li tajt lilkom ukoll, m’iniex se neħodhom lura sa ma niġi.
16 Tassew ngħidlek, O qaddej tiegħi Thomas, inti l-bniedem li jien għażilt biex iħaddan l-imfietaħ tas-saltna tiegħi lil hinn fost il-ġnus kollha, f’dak li għandu x’jaqsam mat-Tnax—
17 Biex il-qaddej tiegħi inti tkun ħalli int tiftaħ il-bieb tas-saltna kulfejn il-qaddej tiegħi Joseph, u l-qaddej tiegħi Sidney, u l-qaddej tiegħi Hyrum ma jistgħux imorru;
18 Għax lilhom għabbejt bit-tagħbija tal-knejjes kollha għal ftit żmien.
19 Għalhekk, ara li tmur kull fejn jibagħtuk, u miegħek jiena nkun; u kull fejn inti xxandar ismi jinfetaħlek bieb, ħalli huma jkunu jistgħu jilqgħu kelmti.
20 Kull min jilqa’ kelmti ikun qed jilqa’ lili, u kull min jilqa’ lili, jilqa’ lil dawk, l-Ewwel Presidenza, li jiena bgħatt, biex lilkom jagħtu l-pariri f’ġieħ ismi.
21 U għal darb’oħra, jiena ngħidilkom, li dawk kollha li intom tibagħtu f’ismi, skont ir-rieda ta’ ħutkom, it-Tnax, li jkunu rakkomandati u awtorizzati b’mod xieraq minnkom, ikollhom il-qawwa li jiftħu l-bieb ta’ saltnati għal kull ġens fejn jien nibgħathom—
22 Diment li huma jumiljaw ruħhom quddiemi, u jibqgħu leali lejn kelmti, u jagħtu widen għal leħen l-Ispirtu tiegħi.
23 Tassew, tassew, ngħidilkom, id-dalma qed tiksi l-art, u s-swied id-dlam l-imħuħ tan-nies, u kulħadd spiċċa mħassar quddiemi.
24 Ara, il-vendetta mhux se ddum ma tolqot lil min jgħammar fuq l-art, u dan se jkun sewwasew jum il-korla, jum in-nirien, jum il-ħerba, u l-biki, u t-tnehid, u l-lamentazzjoni; u bħal riefnu se jolqot lil kull min jgħammar fuq l-art, jgħid il-Mulej.
25 U se jibda minn dari, u minn dari mbagħad jinfirex, jgħid il-Mulej;
26 L-ewwel fost dawk li hemm fostkom, jgħid il-Mulej, li stqarrew li jafu ismi iżda lili ma kenux jafuni, huma li żebilħu ismi f’nofs dari, jgħid il-Mulej.
27 Għalhekk, araw li hawnhekk ma toqogħdux tinkwetaw dwar ħwejjeġ relatati mal-knisja tiegħi, jgħid il-Mulej.
28 Iżda araw li ssaffu qalbkom quddiemi; u mbagħad araw li tmorru fid-dinja kollha xxandru l-evanġelju tiegħi lil kull ħlejqa li għadu ma ġiex mxandar lilha;
29 U min jemmen u jitgħammed, isalva, iżda min ma jemminx, u ma jitgħammidx, ikun ikkundannat.
30 U għax lilkom, it-Tnax, u lil dawk, tal-Ewwel Presidenza, li ġew maħtura flimkien magħkom biex ikunu l-kunsilliera u l-mexxejja tagħkom, ġiet mogħtija l-qawwa ta’ dan is-saċerdozju, għall-aħħar żminijiet u għall-aħħar darba, fi żmien li huwa sewwasew id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet,
31 Liema qawwa intom tħaddnu, flimkien ma’ dawk kollha li lilhom ġiet mogħtija dispensazzjoni f’kwalunkwe żmien ieħor, sa mill-bidu tal-ħolqien;
32 Għax tassew ngħidilkom, li l-imfietaħ ta’ din id-dispensazzjoni, li intom ingħatajtu, għaddew għandkom minn missirijietkom, u li fl-aħħar mill-aħħar, ġew mibgħuta lilkom mis-smewwiet.
33 Tassew ngħidilkom, araw kemm hi kbira s-sejħa tagħkom. Naddfu qalbkom u lbieskom, biex ma jkollkomx tagħtu kont tad-demm ta’ dan in-nisel.
34 Ibqgħu fidili sa ma niġi, għax jiena ġej dalwaqt; u miegħi nġib il-ħlas ħalli nkun nista’ nrodd lil kull wieħed skont ma ħaqqu għal għemilu. Jiena l-Alfa u l-Omega. Ammen.