Skrittura
Duttrina u Patti 103


Sezzjoni 103

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar l‑24 ta’ Frar, 1834. Din ir‑rivelazzjoni ngħatat fl‑istess jum li fih waslu ġewwa Kirtland, Ohio, Parley P. Pratt u Lyman Wight, li ġew minn Missouri biex jikkonsultaw mal‑Profeta dwar is‑solliev u r‑restawrazzjoni tal‑Qaddisin fl‑artijiet tagħhom ġewwa l‑Kontea ta’ Jackson.

1–4, Għalfejn il‑Mulej ippermetta li l‑Qaddisin fil‑Kontea ta’ Jackson jiġu ppersegwitati; 5–10, Il‑Qaddisin għad jegħlbu l‑isfidi tagħhom jekk huma jħarsu l‑kmandamenti; 11–20, Il‑fidwa ta’ Sijon se tiġi fis‑seħħ permezz tal‑forza, u l‑Mulej se jkun qed imexxi lill‑poplu tiegħu; 21–28, Il‑Qaddisin għandhom jinġabru f’Sijon, u min jagħti ħajtu għad isibha; 29–40, Ħafna mill‑aħwa jiġu msejħa biex jorganizzaw il‑Kamp ta’ Sijon u biex imorru ġewwa Sijon; jiġu mwiegħda li huma għad joħorġu rebbieħa jekk jibqgħu fidili.

Tassew ngħidilkom, ħbieb tiegħi, araw, jiena se nagħtikom rivelazzjoni u kmandament, biex intom tkunu tafu kif għandkom taġixxu fit‑twettiq ta’ dmirijietkom b’relazzjoni mas‑salvazzjoni u l‑fidwa ta’ ħutkom, li spiċċaw imxerrdin mal‑art ta’ Sijon;

Fejn huma ġew mġiegħla jaħarbu u spiċċaw imsawta mill‑għedewwa tiegħi, li fuqhom jiena se nsawwab il‑korla tiegħi bla qjies meta nħoss li jkun il‑waqt.

Għax jiena bqajt nissapportihom sa issa, ħalli jkunu jistgħu jilħqu l‑milja ta’ ħżunithom, biex b’hekk il‑kalċi tagħhom ikun jista’ jimtela’ sax‑xifer;

U biex dawk li jissejħu b’ismi jkunu jistgħu jiġu kkastigati għal ftit żmien b’kastig kbir u iebes, għaliex huma ma obdewx bi sħiħ il‑preċetti u l‑kmandamenti li jiena tajthom.

Iżda tassew ngħidilkom, li jiena ħabbart digriet li n‑nies tiegħi għandhom jilqgħu jekk minn issa stess huma jagħtu widen għall‑parir li jien, il‑Mulej Alla tagħhom, sejjer nagħtihom.

Araw, minn issa stess huma għandhom jibdew jirbħu lill‑għedewwa tiegħi, u dan hu d‑digriet li jien ħabbart.

U jekk huma jaraw li josservaw il‑kliem kollu li jien, il‑Mulej Alla tagħhom, sejjer ngħidilhom, huma ma jonqsu qatt li jkunu rebbieħa, sal‑jum meta s‑saltniet tad‑dinja jitrażżnu taħt riġlejja, u l‑art tingħata lill‑qaddisin, biex tagħhom tkun għal dejjem ta’ dejjem.

Iżda jekk huma ma jħarsux il‑kmandamenti tiegħi, u ma jarawx li josservaw il‑kliem kollu tiegħi, is‑saltniet tad‑dinja jispiċċaw jegħlbuhom.

Għax kien mistenni minnhom li huma jkunu ta’ dawl għad‑dinja, kif ukoll salvaturi tal‑bnedmin;

10 U jekk huma mhumiex salvaturi tal‑bnedmin, huma sewwasew bħall‑melħ li qata’, u b’hekk mhuwa tajjeb għal xejn ħlief biex jintrema barra u jintrifes min‑nies.

11 Iżda tassew ngħidilkom, jiena ħabbart li ħutkom, li spiċċaw imferrxin, sejrin jerġgħu lura fl‑artijiet ta’ wirthom, u huma sejrin jibnu l‑ħrieb kollha ta’ Sijon.

12 Għax kif għidtilkom fil‑kmandament ta’ qabel, wara daqstant tbatija tasal il‑barka.

13 Araw, din hi l‑barka li jiena wegħidt li se tingħataw wara t‑tbatija li intom kif ukoll ħutkom sejrin tesperjenzaw—il‑fidwa tagħkom, u l‑fidwa ta’ ħutkom, sewwasew ir‑restawrazzjoni tagħhom fl‑art ta’ Sijon, li għandha tiġi mwaqqfa biex qatt aktar ma tiġi megħluba.

14 Madankollu, jekk huma jniġġsu wirthom huma jisfaw megħluba; għax jiena ma neħlisha lil ħadd minnhom, jekk huma jniġġsu wirthom.

15 Araw, jien ngħidilkom li l‑fidwa ta’ Sijon jeħtieġ li tiġi fis‑seħħ permezz tal‑forza;

16 Għalhekk, jiena sejjer inqajjem raġel fost il‑poplu tiegħi, li lilhom sejjer imexxi kif Mosè mexxa lil ulied Iżrael.

17 Għax intom ulied Iżrael, u intom ġejjin min‑nisel ta’ Abraham, u jeħtieġ li titmexxew lil hinn mill‑jasar bil‑forza, u permezz tad‑driegħ merfugħ.

18 U kif missirijietkom ġew immexxija l‑ewwel darba, bl‑istess mod se tiġi fis‑seħħ il‑fidwa ta’ Sijon.

19 Għalhekk, la taqtgħux qalbkom, għax jiena m’iniex se ngħidilkom dak li għidt lil missirijietkom: Se jkun anġlu tiegħi li se jkun qed imexxikom, mhux se nkun jiena.

20 Iżda lilkom ngħidilkom: L‑anġli tiegħi se jkunu qed imexxukom, imma l‑istess jiena, u maż‑żmien intom se tieħdu f’idejkom l‑art fertili.

21 Tassew, tassew, ngħidilkom, li l‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., huwa r‑raġel li jiena xebbaħt mal‑qaddej li lilu kellem Sid il‑għalqa fil‑parabbola li rrakkontajtilkom.

22 Għalhekk, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., jgħid lill‑forza ta’ dari, lill‑ġuvintur u ’l dawk ta’ mezza età—Inġabru flimkien fl‑art ta’ Sijon, fuq l‑art li jiena xtrajt bil‑flus li ġew kkonsagrati lili.

23 U jeħtieġ li l‑knejjes kollha jibagħtu l‑irġiel għorrief tagħhom bi flushom, u jixtru l‑artijiet kif ordnajtilhom jien.

24 U jekk l‑għedewwa tiegħi jiġu biex jeħduha kontrikom ħalli jkeċċukom mill‑art fertili tiegħi, liema art ikkonsagrajtha biex tkun l‑art ta’ Sijon, iva, jiġu biex ikeċċukom minn artijietkom, wara x‑xhieda kontrihom li intom qsamtu miegħi, araw li tisħtuhom;

25 U lil min tisħtu, jiena nisħet, u araw li tagħmlu ħaqq mill‑għedewwa tiegħi.

26 U jiena nkun magħkom meta intom tagħmlu ħaqq mill‑għedewwa tiegħi, sat‑tielet u r‑raba’ ġenerazzjoni ta’ dawk li jobogħduni.

27 Araw li ħadd ma jibża’ jagħti ħajtu għalija; għax min jagħti ħajtu għalija għad isibha mill‑ġdid.

28 U min mhuwiex lest li jagħti ħajtu għalija mhuwiex dixxiplu tiegħi.

29 Hija r‑rieda tiegħi li l‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon isemma’ leħnu fil‑kongregazzjonijiet fl‑inħawi tal‑lvant, biex huwa jħejji l‑knejjes ħalli huma jħarsu l‑kmandamenti li jiena tajthom fejn tidħol ir‑restawrazzjoni u l‑fidwa ta’ Sijon.

30 Hija r‑rieda tiegħi li l‑qaddej tiegħi Parley P. Pratt u l‑qaddej tiegħi Lyman Wight ma jerġgħux lura fl‑art ta’ ħuthom qabel ma l‑ewwel jaraw li jorganizzaw grupp ta’ nies biex jitilgħu fl‑art ta’ Sijon, b’xi wħud minnhom fi gruppi ta’ għaxra, jew għoxrin, jew ħamsin, jew mija, sakemm ilaħħqu l‑ħames mija, minn fost il‑forza ta’ dari.

31 Araw, din hi r‑rieda tiegħi; itolbu u taqilgħu; iżda n‑nies mhux dejjem jagħmlu r‑rieda tiegħi.

32 Għalhekk, jekk ma jirnexxilkomx tiġbru ħames mija, araw li jekk jista’ jkun tiġbru tliet mija.

33 U jekk ma jirnexxilkomx tiġbru tliet mija, araw li jekk jista’ jkun tiġbru mija.

34 Iżda tassew ngħidilkom, jiena nordnalkom biex ma titilgħux fl‑art ta’ Sijon qabel ma tiġbru flimkien mitt raġel mill‑forza ta’ dari, biex jitilgħu magħkom fl‑art ta’ Sijon.

35 Għalhekk, kif diġà għidtilkom, itolbu u taqilgħu; itolbu bil‑ħerqa biex, jekk jista’ jkun, il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun. ikun jista’ jiġi magħkom, u jkun hu li jippresedi f’nofs il‑poplu tiegħi, u jorganizza s‑saltna tiegħi fuq l‑art ikkonsagrata, u jara li wlied Sijon ikunu sostnuti permezz tal‑liġijiet u l‑kmandamenti li ngħataw u li se jingħataw lilkom.

36 Intom għad tkunu għal dejjem rebbieħa u għad tiksbu kull glorja permezz tad‑diliġenza, tal‑fedeltà, u tat‑talb ta’ fidi tagħkom.

37 Jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Parley P. Pratt jitlaq minn hawn flimkien mal‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun.

38 Jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Lyman Wight jitlaq minn hawn flimkien mal‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon.

39 Jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Hyrum Smith jitlaq minn hawn flimkien mal‑qaddej tiegħi Frederick G. Williams.

40 Jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Orson Hyde jitlaq minn hawn flimkien mal‑qaddej tiegħi Orson Pratt, u jmorru flimkien fejn jgħidilhom il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., u jaraw li jwettqu l‑kmandamenti li jiena tajtkom, u l‑kumplament ħalluh f’idejja. Hekk għandu jkun. Ammen.