Sezzjoni 101
Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is‑16 u 17 ta’ Diċembru, 1833. F’dan iż‑żmien il‑Qaddisin li kienu nġabru ġewwa Missouri kienu qed jesperjenzaw persekuzzjoni kbira. Marmalja ta’ nies keċċiethom minn djarhom ġewwa l‑Kontea ta’ Jackson; u xi wħud mill‑Qaddisin ippruvaw jissetiljaw ġewwa l‑Kontej ta’ Van Buren, Lafayette, u Ray, iżda baqgħu jiffaċċjaw il‑persekuzzjoni kull fejn marru. F’dak iż‑żmien l‑akbar grupp ta’ Qaddisin kien jinsab ġewwa l‑Kontea ta’ Clay, f’Missouri. Il‑membri tal‑Knisja rċevew bosta theddid li kienu se jinqatlu. Il‑Qaddisin fil‑Kontea ta’ Jackson spiċċaw tilfu bosta għamara tad‑dar, ilbies, annimali, u ħwejjeġ personali oħra; u ħafna mill‑prodotti tar‑raba’ tagħhom sfaw meqruda.
1–8, Il‑Qaddisin jiġu kkastigati u mgħakksin minħabba t‑trasgressjoni tagħhom; 9–15, Il‑qilla tal‑Mulej se tolqot il‑ġnus, iżda l‑poplu tiegħu se jinġabar flimkien u se jikseb il‑faraġ; 16–21, Se tiġi mwaqqfa Sijon flimkien mal‑pali tagħha; 22–31, Elenkata n‑natura tal‑ħajja waqt il‑Millennju; 32–42, Il‑Qaddisin imbagħad se jiġu mberkin u jieħdu ħlashom; 43–62, Il‑parabbola tar‑raġel nobbli u s‑siġar taż‑żebbuġ tirrappreżenta l‑gwaj u eventwalment il‑fidwa ta’ Sijon; 63–75, Il‑Qaddisin għandhom ikomplu jinġabru flimkien; 76–80, Il‑Mulej ippromulga l‑Kostituzzjoni tal‑Istati Uniti; 81–101, Il‑Qaddisin għandhom jesieġu li jingħataw kumpens għall‑ħsara li sofrew, skont il‑parabbola tal‑mara u l‑imħallef il‑ħażin.
1 Tassew ngħidilkom dan dwar ħutkom li ġew mgħakksin u ppersegwitati, u mkeċċijin mill‑art ta’ wirthom—
2 Jien, il‑Mulej, ippermettejt li huma jintlaqtu mit‑tbatija li huma esperjenzaw, minħabba t‑trasgressjoni tagħhom;
3 Madankollu lilhom se nqishom tiegħi, u huma se jkunu tiegħi fil‑jum li fih niġi biex inħejji t‑teżor tiegħi.
4 Għalhekk, jeħtieġ li huma jiġu kkastigati u ppruvati, l‑istess bħal Abraham, li ġie ordnat sabiex joffri lill‑iben il‑waħdieni tiegħu.
5 Għax dawk kollha li ma jibqgħux sħaħ waqt li qegħdin ibatu, iżda jiċħduni, mhumiex se jitqaddsu.
6 Araw, jien ngħidilkom, fosthom kien hemm bosta tilwim, u nkwiet, u għira u ġlied, u bosta ġibdiet ħżiena u regħba; hu minħabba f’hekk li huma niġġsu sehemhom.
7 Huma kienu tqal biex jisimgħu leħen il‑Mulej Alla tagħhom; għalhekk, il‑Mulej Alla tagħhom hu tqil biex jisma’ talbhom, u jwieġeb talbhom fi żmien hemmhom.
8 Fi żmien is‑sliem tagħhom huma jissottovalutaw il‑parir li jiena tajthom; iżda, fi żmien hemmhom, huma jħossu l‑ħtieġa li jfittxuni.
9 Tassew ngħidilkom, li jiena tassew inħoss għalihom minkejja dnubiethom. Jien lilhom mhux se nwarrabhom għal kollox; u f’jum il‑korla nġib quddiem għajnejja l‑ħniena.
10 Jiena ħlift, u ħriġt digriet f’kmandament li tajtkom qabel, li jiena sejjer nixħet ix‑xabla tal‑qilla tiegħi f’isem il‑poplu tiegħi; u dan se jiġi fis‑seħħ kif għidt qabel.
11 Il‑qilla tiegħi dalwaqt se tissawwab bla qjies fuq il‑ġnus kollha; u jiena se nagħmel dan meta jimtela l‑kus ta’ ħżunithom.
12 U f’dak il‑jum, kull min ikun jinsab fuq it‑torri tal‑għassa, jew fi kliem ieħor, Iżrael tiegħi kollu, se jikseb is‑salvazzjoni.
13 U l‑imxerrdin kollha se jinġabru flimkien.
14 U l‑imnikktin kollha se jkunu mfarrġa.
15 U kull min ta ħajtu għal ismi se titqiegħed fuq rasu kuruna.
16 Għalhekk, agħmlu l‑qalb fejn tidħol Sijon; għax kull bniedem jinsab f’idejja; isktu, u kunu afu li jien Alla.
17 Sijon mhijiex se titqanqal minn postha, minkejja li wliedha jinsabu mxerrdin.
18 Dawk li jkun għad baqa’, u huma safja f’qalbhom, se jerġgħu lura, u huma u wliedhom se jiksbu sehemhom u se jgħannu l‑għanjiet tal‑hena ta’ dejjem, biex jibnu l‑ħrieb kollha ta’ Sijon—
19 U dan se jseħħ biex jiġi fis‑seħħ dak kollu li kitbu l‑profeti.
20 U araw, ma ngħata l‑ebda post ieħor għajr dak li jiena tajtkom; u m’għandux jingħata post ieħor għajr dak li jiena tajtkom, għall‑ħidma tal‑ġabra tal‑qaddisin tiegħi—
21 Sa meta jasal il‑jum meta ma jkunx hemm aktar wisa’ għalihom; mbagħad għandi postijiet oħra x’nagħtihom, liema postijiet għandhom jissejħu pali, għall‑purtieri jew għall‑qawwa ta’ Sijon.
22 Araw, hija r‑rieda tiegħi li dawk kollha li jsejħu ismi, u li lili jqimu skont l‑evanġelju ta’ dejjem tiegħi, għandhom jinġabru flimkien, u jieqfu f’postijiet qaddisa;
23 U għandhom jitħejjew għar‑rivelazzjoni li sejrin jingħataw, meta l‑purtiera tal‑velu tat‑tempju tiegħi, fit‑tabernaklu tiegħi, li tiksi l‑art, titneħħa, u l‑bnedmin kollha flimkien lili jaraw.
24 U kull ħaġa mniġġsa, sew jekk hijiex tal‑bniedem, jew tal‑bhejjem tal‑art, jew tal‑għasafar tas‑sema, jew tal‑ħut tal‑baħar, li tgħammar fuq wiċċ l‑art kollha, sejra tinqered;
25 U kull ħaġa li hi element sejra tinqered bin‑nar; u kollox isir ġdid, biex l‑għarfien u l‑glorja tiegħi jkunu jistgħu jgħammru fuq l‑art kollha.
26 U f’dak il‑jum, l‑animożità tal‑bniedem, u l‑animożità tal‑bhejjem, iva, l‑animożità ta’ kulħadd, se tgħib minn quddiemi.
27 U f’dak il‑jum kulma jitlob il‑bniedem jingħatalu.
28 U f’dak il‑jum Satana ma jkollu setgħa li jġarrab lil ħadd.
29 U mhu se jkun hemm l‑ebda niket għax mhu se jkun hemm l‑ebda mewt.
30 F’dak il‑jum l‑ebda tarbija mhi se tmut qabel xjuħitha; u hi se tgħix daqs siġra;
31 U meta tmut ma torqodx ġo żaqq l‑art, iżda tinbidel f’ħakka t’għajn, u tinħataf fis‑sħab, u glorjuż ikun il‑mistrieħ tagħha.
32 Iva, tassew ngħidilkom, f’dak il‑jum li fih jiġi l‑Mulej, huwa sejjer jiżvela kull ħaġa—
33 Ħwejjeġ li għaddew, u ħwejjeġ moħbija li ħadd ma kien konxju minnhom, ħwejjeġ tal‑art, li minnhom hija saret, u l‑għan u l‑iskop tagħha—
34 Ħwejjeġ mill‑aktar prezzjużi, ħwejjeġ li jinsabu fil‑għoli, u ħwejjeġ li jinsabu taħt, ħwejjeġ li jinsabu fl‑art, u fuq l‑art, u fis‑smewwiet.
35 U kull min jiġi ppersegwitat minħabba fija, u jibqa’ sħiħ fil‑fidi, minkejja li jkollu jagħti ħajtu għalija, madankollu hu għad igawdi minn din il‑glorja kollha.
36 Għalhekk, la tibżgħux lanqas mill‑mewt; għax f’din id‑dinja l‑hena tagħkom mhijiex sħiħa, iżda fija l‑hena tagħkom hi sħiħa.
37 Għalhekk, tħabblux raskom għall‑ġisem, lanqas għall‑ħajja tal‑ġisem; iżda ħabblu raskom għar‑ruħ, u għall‑ħajja tar‑ruħ.
38 U fittxu dejjem wiċċ il‑Mulej, biex bis‑sabar tkunu tistgħu ssalvaw ħajjitkom, u jkollkom il‑ħajja ta’ dejjem.
39 Meta l‑bnedmin jiġu msejħa għall‑evanġelju ta’ dejjem tiegħi, u jagħmlu patt miegħi għal dejjem, jiena nqishom bħall‑melħ tal‑art li jagħti t‑togħma lill‑bnedmin;
40 Huma ġew msejħa biex jagħtu t‑togħma lill‑bnedmin; għalhekk, jekk dak il‑melħ tal‑art jitlef it‑togħma, araw, hu ma jibqa’ tajjeb għal xejn ħlief biex jintrema barra u jintrifes min‑nies.
41 Araw, dan jikkonċerna lil ulied Sijon, lil ħafna minnhom, mhux kollha, u hawn qiegħed l‑għerf; nstab li huma waqgħu fit‑trasgressjoni, għalhekk jeħtieġ li jiġu kkastigati—
42 Min jitkabbar, jiċċekken, u min jiċċekken, jitkabbar.
43 U issa se ngħidilkom parabbola, ħalli tkunu tafu r‑rieda tiegħi x’inhi fejn tidħol il‑fidwa ta’ Sijon.
44 Wieħed nobbli kellu biċċa art mill‑aqwa; u hu qal lill‑qaddejja tiegħu: Morru fl‑għalqa tiegħi, sewwasew f’din il‑biċċa art mill‑aqwa, u ħawlu tnax‑il siġar taż‑żebbuġ;
45 U qiegħdu l‑għassiesa madwarhom, u ibnu torri, minn fejn wieħed ikun jista’ jara l‑art tal‑madwar, u b’hekk ikun jista’ jgħasses minn fuq it‑torri, ħalli s‑siġar taż‑żebbuġ tiegħi ma jispiċċawx jinqerdu meta l‑għadu jiġi biex jisraq u jieħu għandu l‑frott tal‑għalqa tiegħi.
46 Issa, il‑qaddejja tar‑raġel nobbli marru u għamlu kif ordnalhom sidhom, u ħawlu s‑siġar taż‑żebbuġ, u bnew l‑ilqugħ madwarhom, u qiegħdu wkoll l‑għassiesa madwarhom, u bdew jibnu torri.
47 U waqt li kienu għadhom qed iħejju l‑pedament tiegħu, bdew jgħidu wieħed lill‑ieħor: U x’jambih sidi dan it‑torri?
48 U għaddew ħin twil jikkonsultaw bejniethom u jgħidu wieħed lill‑ieħor: X’jambih sidi dan it‑torri, meta tqis li ninsabu fi żmien ta’ paċi?
49 Dawn il‑flus ma setgħux ingħataw lis‑sarrafa? Għax dawn il‑ħwejjeġ m’hemmx bżonnhom.
50 U hekk kif ma bdewx jaqblu bejniethom huma bdew jitnikkru bil‑kbir, u ma bdewx jagħtu widen għall‑kmandamenti ta’ sidhom.
51 U billejl wasal l‑għadu, u ġarraf l‑ilqugħ; u qamu l‑qaddejja tar‑raġel nobbli, u mtlew bil‑biża’, u ħarbu; u l‑għadu qered ix‑xogħol kollu li kienu għamlu u s‑siġar taż‑żebbuġ.
52 Issa, araw, ir‑raġel nobbli, sid il‑għalqa, sejjaħ lill‑qaddejja tiegħu u qalilhom, Il‑għala! għalfejn dal‑ħażen kollu?
53 Ma kellkomx tagħmlu dak li ordnajtilkom jien, u—wara li tħawlu l‑għalqa, u tibnu l‑ilqugħ mal‑madwar, u tqiegħdu l‑għassiesa fuq il‑ħitan tagħhom—tibnu wkoll torri, u tqiegħdu fuqu għassies, u tibqgħu tħarsu l‑għalqa tiegħi, bla ma tmorru torqdu, ma jmurx jaħbat għalikom l‑għadu?
54 U araw, l‑għassies fuq it‑torri żgur li kien jilmaħ lill‑għadu waqt li kien għadu ’l bogħod; u mbagħad intom stajtu tlestu ruħkom u żżommu l‑għadu milli jeqred l‑ilqugħ ta’ madwarha, u b’hekk kontu tipproteġu l‑għalqa tiegħi minn idejn il‑qerried.
55 U sid il‑għalqa qal lil wieħed mill‑qaddejja tiegħu: Mur u iġbor flimkien il‑kumplament tal‑qaddejja tiegħi, u ġib miegħek il‑forza ta’ dari, li huma l‑gwerriera tiegħi, iż‑żgħażagħ tiegħi, kif ukoll lil dawk fost il‑qaddejja tiegħi li huma ta’ mezza età, li huma l‑forza ta’ dari, minbarra dawk li jien ordnajtilhom biex jibqgħu hemmhekk;
56 U morru minnufih lejn l‑art fejn tinsab l‑għalqa tiegħi, u ħudu lura l‑għalqa tiegħi; għax dik hi l‑għalqa tiegħi; jien xtrajtha bi flusi.
57 Għalhekk, itilqu minnufih lejn l‑art tiegħi; eqirdu l‑ħitan tal‑għedewwa tiegħi; u ħottu t‑torri tagħhom, u ferrxu l‑għassiesa tagħhom.
58 U jekk huma jinġabru flimkien biex jiġġieldu kontrikom, araw li titħallsu mill‑għedewwa tiegħi, biex f’qasir żmien inkun nista’ niġi flimkien mal‑kumplament ta’ dari u nieħu l‑art f’idejja.
59 U l‑qaddej qal lil sidu: Dan meta se jseħħ?
60 U huwa qal lill‑qaddej tiegħu: Meta jiena nħoss li huwa l‑waqt; mur minnufih, u agħmel dak kollu li ordnajtlek jien;
61 U dan se jkun is‑siġill u l‑barka li jien se nsawwab fuqek—qaddej fidil u għaqli fil‑qalba ta’ dari, mexxej f’saltnati.
62 U l‑qaddej tiegħu telaq minnufih, u mar jagħmel dak kollu li ordnalu sidu; u wara bosta jiem kollox ġie fis‑seħħ.
63 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, jien se nurikom l‑għerf tiegħi fejn jidħlu l‑knejjes kollha, diment li huma lesti li jiġu ggwidati b’mod sewwa u xieraq għas‑salvazzjoni tagħhom—
64 Biex il‑ħidma tal‑ġabra tal‑qaddisin tiegħi tkun tista’ tkompli, ħalli jiena nkun nista’ nwassalhom biex huma jistagħnew fil‑postijiet qaddisa għall‑ġieħ tiegħi; għax żmien il‑ħsad wasal, u l‑kelma tiegħi jeħtieġ li tiġi fis‑seħħ.
65 Għalhekk, jeħtieġ li niġbor flimkien lill‑poplu tiegħi, skont il‑parabbola tal‑qamħ u s‑sikrana, biex il‑qamħ ikun jista’ jiġi mħares fl‑imħażen biex jikseb il‑ħajja ta’ dejjem, u jiġi mogħni bil‑glorja ċelestjali, meta jiena niġi fis‑saltna ta’ Missieri biex inrodd lil kull bniedem skont għemilu;
66 Filwaqt li s‑sikrana tispiċċa tintrabat qatta qatta, b’irbit mill‑aktar b’saħħtu, biex tkun tista’ tinħaraq b’nar li ma jintefiex.
67 Għalhekk, jiena nordna lill‑knejjes kollha biex ikomplu jinġabru flimkien fil‑postijiet li jien għażilt.
68 Madankollu, kif għidtilkom f’kmandament li tajtkom qabel, araw li l‑ġabra tagħkom ma ssirx b’għaġla, jew b’ħeffa; iżda araw li tħejju dak kollu li hu meħtieġ minn qabel.
69 U biex intom tkunu tistgħu tħejju dak kollu li hu meħtieġ minn qabel, araw li tħarsu l‑kmandament li jiena tajtkom dwar dawn il‑ħwejjeġ—
70 Li jgħid, jew li jgħallem, li intom għandkom tixtru l‑artijiet kollha bil‑flus, dawk li jistgħu jinxtraw bil‑flus, li hemm fl‑inħawi ta’ madwar l‑art li jiena tajtkom biex tkun l‑art ta’ Sijon, biex fiha jibdew jinġabru l‑qaddisin tiegħi;
71 Sewwasew kull art li tista’ tinxtara fil‑kontea ta’ Jackson, u fil‑kontej tal‑madwar, u l‑kumplament ħalluh f’idejja.
72 Issa, tassew ngħidilkom, jeħtieġ li l‑knejjes kollha jiġbru l‑flus kollha tagħhom; araw li dan kollu jseħħ meta jkun il‑waqt, iżda araw li ma jseħħx b’għaġġla; u araw li tħejju dak kollu meħtieġ minn qabel.
73 U jeħtieġ li taħtru rġiel nobbli, sewwasew irġiel għorrief, u ibgħatuhom biex jixtru dawn l‑artijiet.
74 U meta l‑knejjes li hemm fl‑inħawi tal‑lvant jistabbilixxu ruħhom, jekk jagħtu widen għal dan il‑parir, huma jistgħu jixtru l‑artijiet fejn ikunu jistgħu jinġabru flimkien; u b’dal‑mod ikunu jistgħu jistabbilixxu ’l Sijon.
75 Bħalissa diġà hawn riżorsi biżżejjed, iva, anzi hawn bil‑kotra, biex Sijon tiġi mifdija, u biex jinbnew il‑ħrieb kollha tagħha u qatt aktar ma jiġu megħluba, jekk il‑knejjes, li jġibu ismi, huma lesti li jisimgħu minni.
76 U għal darb’oħra ngħidilkom, li hija r‑rieda tiegħi li dawk li ġew mxerrdin mill‑għedewwa tagħhom għandhom ikomplu jesieġu li jingħataw kumpens minn dawk li ġew magħżula biex ikunu mexxejja tagħkom u li għandhom is‑setgħa fuqkom—
77 Skont il‑liġijiet u l‑kostituzzjoni tal‑poplu, li jiena rajt li tiġi mwaqqfa, u li għandha tiġi mħarsa għad‑drittijiet u l‑protezzjoni ta’ kulħadd, skont prinċipji ġusti u qaddisa;
78 Biex fejn tidħol id‑duttrina u l‑prinċipji li jaffettwaw il‑ġejjieni, kull bniedem ikun jista’ jaġixxi skont il‑volontà morali li ġiet mogħtija lilu, biex f’jum il‑ħaqq kull bniedem ikun jista’ jwieġeb għal dnubietu.
79 Għalhekk, mhux sew li bniedem ikun ilsir ta’ bniedem ieħor.
80 U għal dan il‑għan jiena waqqaft il‑Kostituzzjoni ta’ din l‑art, permezz ta’ nies għorrief li jien ħejjejt għal dan il‑għan, u kien għalhekk li jiena ħadt lura din l‑art permezz tat‑tixrid tad‑demm.
81 Issa, lil ulied Sijon, ma’ xiex inxebbahom? Inxebbahom mal‑parabbola tal‑mara u l‑imħallef il‑ħażin, għax il‑bnedmin għandhom jitolbu dejjem bla ma jaqtgħu, li tgħid—
82 Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd.
83 F’dik il‑belt kien hemm waħda armla, li marret għandu u qaltlu: Agħmilli ħaqq kontra l‑għadu tiegħi.
84 Hu ma riedx, u dam ħafna hekk, iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min‑nies, imma għax din l‑armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.
85 B’dal‑mod jiena nxebbah lil ulied Sijon.
86 Jeħtieġ li huma jmorru jittallbu f’riġlejn l‑imħallef;
87 U jekk huwa ma jagħtix kashom, għandhom imorru jittallbu f’riġlejn il‑gvernatur;
88 U jekk il‑gvernatur ma jagħtix kashom, għandhom imorru jittallbu f’riġlejn il‑president;
89 U jekk il‑president ma jagħtix kashom, imbagħad iqum il‑Mulej u joħroġ mill‑moħba tiegħu, u fis‑saħna tiegħu jgħakkes lill‑ġens;
90 U meta f’mument ta’ għadab u qilla mill‑aktar kbira jħoss li jkun il‑waqt, huwa jqaċċat lill‑amministraturi kollha ħżiena u bla fidi, u jagħtihom sehemhom fost dawk ta’ wiċċ b’ieħor u li ma jemmnux;
91 Sewwasew fil‑post li hemm ’il barra fid‑dlam, fejn hemm il‑biki, u t‑tinwiħ, u t‑tgħażżiż tas‑snien.
92 Itolbu, għalhekk, biex huma jiftħu widnejhom għat‑talb tagħkom, sabiex jiena jkolli ħniena minnhom, biex huma ma jispiċċawx jintlaqtu minn dawn il‑ħwejjeġ.
93 Dak kollu li jiena għidtilkom jeħtieġ li jiġi fis‑seħħ, biex ħadd ma jkollu skuża;
94 Biex l‑għorrief u l‑mexxejja jkunu jistgħu jisimgħu, u jkunu konxji minn ħwejjeġ li qatt ma kkunsidraw qabel;
95 Biex jiena nkun nista’ nerġa’ nġib fis‑seħħ l‑opra tiegħi, l‑opra misterjuża tiegħi, u nwettaq il‑ħidma tiegħi, il‑ħidma misterjuża tiegħi, biex il‑bnedmin ikunu jistgħu jagħrfu bejn min hu tajjeb u min hu ħażin, jgħid Alla tagħkom.
96 U għal darb’oħra, jien ngħidilkom, hija ħaġa li tmur kontra l‑kmandament tiegħi u r‑rieda tiegħi li l‑qaddej tiegħi Sidney Gilbert ibigħ il‑maħżen tiegħi, li jiena tajt lill‑poplu tiegħi, lill‑għedewwa tiegħi.
97 La tħallux lill‑għedewwa tiegħi jniġġsu dak li ġie mogħti minni, bil‑kunsens ta’ dawk li jissejħu b’ismi;
98 Għax dan huwa dnub mill‑aktar serju u gravi kontrija, u kontra l‑poplu tiegħi, u li jwassal għal dawk il‑ħwejjeġ li jiena ddikjarajt u li dalwaqt sejrin jolqtu lill‑ġnus.
99 Għalhekk, hija r‑rieda tiegħi li l‑poplu tiegħi jkollu dritt u jkun intitolat għall‑propjetà li jiena tajtu, minkejja li mhuwiex se jitħalla jgħammar fiha.
100 Madankollu, m’iniex ngħid li huma m’għandhomx jgħammru fiha; għax jekk huma jipproduċu frott u għemejjel xierqa għas‑saltna tiegħi huma jkunu jistgħu jgħammru fiha.
101 Huma jibnu bini li ħadd aktar ma jgħammar fih; huma jħawlu d‑dwieli, u jieklu frotthom. Hekk għandu jkun. Ammen.