Sezzjoni 100
Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta u Sidney Rigdon, ġo Perrysburg, New York, nhar it‑12 ta’ Ottubru, 1833. Iż‑żewġt aħwa, li kienu ilhom neqsin mill‑familji tagħhom għal bosta jiem, bdew jinkwetaw xi ftit dwarhom.
1–4, Joseph u Sidney għandhom ixandru l‑evanġelju għas‑salvazzjoni tal‑erwieħ; 5–8, Jingħata lilhom dak il‑ħin stess x’għandhom jgħidu; 9–12, Sidney għandu jkun il‑kelliem u Joseph għandu jkun ir‑rivelatur u bniedem setgħan fix‑xhieda tiegħu; 13–17, Il‑Mulej sejjer iqajjem poplu ta’ qalb safja, u l‑ubbidjenti se jiksbu s‑salvazzjoni.
1 Tassew, dan jgħid il‑Mulej lilkom, il‑ħbieb tiegħi Sidney u Joseph, li l‑familji tagħkom jinsabu tajbin; huma jinsabu f’idejja, u jien nagħmel minnhom dak li nħoss li hu tajjeb; għax fija tinsab kull qawwa.
2 Għalhekk, imxu warajja, u isimgħu mill‑parir li sejjer nagħtikom.
3 Araw, huma bosta n‑nies tiegħi li jinsabu f’dan il‑post, fl‑inħawi tal‑madwar; u se jinfetaħ bieb li għad iħalli l‑frott fl‑inħawi tal‑madwar f’din l‑art tal‑lvant.
4 Għalhekk, jien, il‑Mulej, ippermettejt li intom tiġu f’dan il‑post; għax rajt li kien meħtieġ li jsir dan għas‑salvazzjoni tal‑erwieħ.
5 Għalhekk, tassew ngħidilkom, semmgħu leħinkom quddiem dan il‑poplu; lissnu l‑ħsibijiet li jiena se niżvela ġewwa qalbkom, u intom ma titħawdu qatt quddiem il‑bnedmin;
6 Għax jingħata lilkom dak il‑ħin stess, iva, f’dak il‑mument, x’għandkom tgħidu.
7 Iżda jien nagħtikom kmandament, li dak kollu li intom ixxandru araw li xxandruh f’ismi, b’qalb mill‑aktar solenni, fi spirtu ta’ ħlewwa, f’kull ħaġa.
8 U jien nagħmlilkom din il‑wegħda, li jekk intom tagħmlu dan, jiena nibgħat fostkom l‑Ispirtu s‑Santu biex jagħti xhieda ta’ dak kollu li intom tgħidu.
9 U nħoss li jkun jaqbel li inti, O qaddej tiegħi Sidney, tkun kelliem quddiem dan il‑poplu; iva, tassew, jiena lilek nordnak għal din is‑sejħa, sewwasew biex tkun kelliem għall‑qaddej tiegħi Joseph.
10 U jiena lilu nagħtih il‑qawwa li jkun bniedem setgħan fix‑xhieda tiegħu.
11 U lilek nagħtik il‑qawwa li jkollok is‑setgħa li tispjega l‑iskrittura kollha, biex inti tkun tista’ titkellem għalih, u huwa jkun għalik rivelatur, sabiex inti tkun tista’ tagħraf tassew dak kollu li għandu x’taqsam mas‑saltna tiegħi fuq l‑art.
12 Għalhekk, komplu bil‑vjaġġ tagħkom u ħalluha tifraħ qalbkom; għax araw, jiena magħkom sal‑aħħar.
13 U issa se ngħidilkom xi ħaġa dwar Sijon. Sijon għad tinfeda, minkejja li lilha se nikkastiga ftit ieħor.
14 Ħutkom, il‑qaddejja tiegħi Orson Hyde u John Gould, jinsabu f’idejja; u jekk huma jħarsu l‑kmandamenti tiegħi huma jiksbu s‑salvazzjoni.
15 Għalhekk, agħmlu l‑qalb; għax kollox għad jiġi fis‑seħħ għall‑ġid ta’ dawk li jimxu bis‑sewwa, u għall‑qdusija tal‑knisja.
16 Għax jiena se nqajjem għalija poplu ta’ qalb safja, li lili jaqdi fis‑sewwa;
17 U dawk kollha li jsejħu isem il‑Mulej, u jħarsu l‑kmandamenti tiegħu, għad jiksbu s‑salvazzjoni. Hekk għandu jkun. Ammen.