2010-2019
L-Imfietaħ u l-Awtorità tas-Saċerdozju
April 2014


L-Imfietaħ u l-Awtorità tas-Saċerdozju

L-imfietaħ tas-saċerdozju jidderieġu kemm lin-nisa kif ukoll l-irġiel, u l-ordinanzi u l-awtorità tas-saċerdozju jippartjenu kemm lin-nisa kif ukoll l-irġiel.

I.

F’ din il-konferenza rajna għadd ta’ aħwa fidili jiġu mħollija, filwaqt li sostnejna s-sejħa ta’ oħrajn. B’ dan it-tibdil fis-sejħiet—tant familjari fil-Knisja—aħna ma “nwarrbux” meta niġu mħollija, u ma niġux “promossi” meta niġu msejħin. Ħadd ma jiġi “mwarrab jew promoss” fis-servizz tal-Mulej. Hemm biss “‘il quddiem jew lura” u d-differenza tiddependi minn kif aħna naċċettaw jew naġixxu meta niġu mħollija jew imsejħa. Darba jiena kont qed nippresiedi meta wieħed li kien president ta’ wited ġie mħolli mis-servizz li kien ta tant tajjeb għal disa’ snin sħaħ u issa kien jinsab kuntent bit-tħollija tiegħu u bis-sejħa l-ġdida li hu u martu kienu għadhom kif irċevew. Huma ġew imsejħa sabiex ikunu mexxejja fin-nursery tal-qasam tagħhom. Huwa biss f’ din il-Knisja li ż-żewġ sejħiet jitqiesu t-tnejn onorabbli bl-istess mod!

II.

Waqt li kienet qed tindirizza l-konferenza tan-nisa, il-president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna Linda K. Burton qalet, “Nittamaw li nnissluġo kull waħda minna xewqa akbar li nifhmu aħjar is-saċerdozju.” 1 Dan il-bżonn japplika għalina lkoll, u jiena sa nisħaq dwar dan billi nitkellem dwar l-imfietaħ u l-awtorità tas-saċerdozju. Peress li din il-ħaġa tikkonċerna kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa, jiena kuntent li din il-konferenza qed tiġi mxandra u ppubblikata għall-membri kollha tal-Knisja. Il-qawwa tas-saċerdozju tberikna lkoll. L-imfietaħ tas-saċerdozju jidderieġu kemm lin-nisa kif ukoll l-irġiel, u l-ordinanzi u l-awtorità tas-saċerdozju jippartjenu kemm lin-nisa kif ukoll l-irġiel.

III.

Il-President Joseph F. Smith iddeskriva s-saċerdozju bħala “il-qawwa ta’ Alla ddelegata lill-bniedem li permezz tagħha l-bniedem jista’ jaġixxi fid-dinja għas-salvazzjoni tal-familja umana.”2 Mexxejja oħra għallmuna li s-saċerdozju “huwa l-qawwa suprema fuq din id-dinja. Huwa l-qawwa li permezz tagħha nħolqot id-dinja.”3 L-iskrittura tgħallem li “dan l-istess Saċerdozju, li kien fil-bidu nett, għandu jkun preżenti wkoll fl-aħħar tad-dinja” (Moses 6:7). Għalhekk, is-saċerdozju huwa l-qawwa li permezz tagħha aħna nqumu mill-mewt u nipproċedu għall-ħajja eterna.

L-għarfien li aħna nfittxu li niksbu jibda b’ għarfien tal-imfietaħ tas-saċerdozju. “L-imfietaħ tas-saċerdozju huma l-awtorità li Alla ta lil dawk li jħaddnu s-saċerdozju sabiex huma jidderieġu, jikkontrollaw u jiggvernaw l-użu tas-saċerdozju Tiegħu fid-dinja.”4 Kull għemil jew ordinanza mwettqa fil-Knisja jsiru taħt id-direzzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ għal dik il-funzjoni partikolari. Kif spjega l-Presbiteru M. Russell Ballard, “Dawk li jħaddnu l-imfietaħ tas-saċerdozju … letteralment jagħmluha possibbli għal dawk kollha li jservu b’ fedeltà taħt id-direzzjoni tagħhom sabiex jeżerċitaw l-awtorità saċerdotali u jkollhom aċċess għall-qawwa tas-saċerdozju.” 5

Permezz tal-kontroll tal-eżerċizzju tal-awtorità saċerdotali, il-funzjoni tal-imfietaħ tas-saċerdozju jkabbru kif ukoll jillimitaw. Ikabbru billi jagħmluha possibbli li l-awtorità u l-barkiet tas-saċerdozju jkunu disponibbli għall-ulied kollha ta’ Alla. Jillimitaw billi jidderieġu min jista’ jingħata l-awtorità tas-saċerdozju, min jista’ jħaddan l-uffiċċji tiegħu u kif jingħataw id-drittijiet u l-qawwiet tiegħu. Per eżempju, persuna li jħaddan is-saċerdozju ma jistax iħaddem l-uffiċċju jew l-awtorità tiegħu jekk huwa ma jiġix awtorizzat li jagħmel dan minn xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ. Mingħajr dik l-awtorizzazzjoni, l-ordinazzjoni tkun invalida. Dan jispjega għaliex dak li jħaddan is-saċerdozju—hu x’inhu l-uffiċċju tiegħu—ma jistax jordna xi membru tal-familja tiegħu jew jamministra s-sagrament f’ daru mingħajr l-awtorizzazzjoni minn xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ neċessarji.

Bl-eċċezzjoni tal-ħidma mqaddsa li l-aħwa nisa jwettqu fit-tempju taħt id-direzzjoni tal-imfietaħ li jħaddan il-president tat-tempju, li se niddeskrivi dalwaqt, huwa biss dak li jħaddan uffiċċju saċerdotali li jista’ jiffunzjona f’ ordinanza tas-saċerdozju. U l-ordinanzi awtorizzati kollha tas-saċerdozju jiġu rreġistrati fuq ir-reġistri tal-Knisja.

Ultimament, huwa l-Mulej Ġesù Kristu li jħaddan l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju, liema saċerdozju huwa Tiegħu. Huwa dak li jiddetermina liema mfietaħ jistgħu jiġu ddelegati man-nies mortali u kif jistgħu jintużaw dawn l-imfietaħ. Xi kultant aħna naħsbu li l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju ġew mogħtija lil Joseph Smith ġewwa t-Tempju ta’ Kirtland, iżda l-iskrittura tiddikjara li dak li ngħata hemm ġew kienu “l-imfietaħ ta’ din id-dispensazzjoni” (D&C 110:16). Fil-konferenza ġenerali bosta snin ilu, il-President Spencer W. Kimball fakkarna li hemm imfietaħ oħra saċerdotali li għadhom ma ġewx mogħtija lil bniedem fuq din id-dinja, fosthom l-imfietaħ tal-ħolqien u tal-qawmien mill-imwiet.6

In-natura divina li tillimita l-eżerċizju tal-imfietaħ tas-saċerdozju tispjega d-differenza importanti bejn deċiżjonijiet dwar affarijiet li għandhom x’ jaqsmu mal-amministrazzjoni tal-Knisja u deċiżjonijiet li jaffettwaw is-saċerdozju. L-Ewwel Presidenza u l-Kunsill tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax, li jippresiedu fuq il-Knisja, ġew mogħtija l-qawwa li jieħdu bosta deċiżjonijiet li jaffettwaw il-policies u l-proċeduri tal-Knisja—ħwejjeġ bħal fejn jinbena l-bini tal-Knisja u l-etajiet biex wieħed iservi missjoni. Iżda avolja dawn l-awtoritajiet li jippresiedu jħaddnu u jeżerċitaw l-imfietaħ kollha ddelegati lill-bniedem f’ din id-dispensazzjoni, huma mhumiex liberi li jbiddlu l-mudell li ġie ordnat b’ mod divin li jiddikkjara li huma biss l-irġiel li jistgħu jħaddnu uffiċċji fis-saċerdozju.

IV.

Issa sa nitkellem dwar l-awtorità saċerdotali. Sa nibda bit-tliet prinċipji li għadna kemm iddiskutejna: (1) is-saċerdozju huwa l-qawwa ta’ Alla ddelegata lill-bniedem biex jaġixxi għas-salvazzjoni tal-familja umana, (2)  l-awtorità saċerdotali hija ggvernata minn nies li jħaddnu s-saċerdozju li jħaddnu l-imfietaħ saċerdotali, u (3)  peress li l-iskrittura tiddikjara li “l-awtoritajiet u l-uffiċċji fil-knisja huma żjieda għal dan is-saċerdozju Melkisedeku” (D&C 107:5), dak kollu li jseħħ taħt id-direzzjoni ta’ dawk l-imfietaħ saċerdotali isir bl-awtorità tas-saċerdozju.

Għaliex dan japplika għan-nisa? F’ indirizz lis-Soċjetà tal-Għajnuna, il-President Joseph Fielding Smith, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, qal dan: “Filwaqt li n-nisa ma ġewx mogħtijin is-Saċerdozju, dan ma jfissirx li l-Mulej ma tahomx l-awtorità. … Persuna jista’ jkollha l-awtorità mogħtija lilha sabiex tagħmel ċerti ħwejjeġ fil-Knisja li jorbtu u huma assolutament neċessarji għas-salvazzjoni tagħna, bħall-ħidma li n-nisa jwettqu fid-Dar tal-Mulej. Huma għandhom l-awtorità mogħtija lilhom li jwettqu ċerti ħwejjeġ kbar u meraviljużi, sagri għall-Mulej, u li jorbtu lill-bnedmin daqs il-barkiet li jingħataw mill-irġiel li jħaddnu s-Saċerdozju.”7

F’ dak l-indirizz mill-aktar sinifikanti, il-President Smith reġa’ tenna li n-nisa ġew mogħtija l-awtorità. Lin-nisa qalilhom, “Intom tistgħu titkellmu b’ awtorità, għaliex il-Mulej tagħkom l-awtorità.” Huwa qal ukoll li s-Soċjetà tal-Għajnuna “ġiet mogħtija l-qawwa u l-awtorità li twettaq bosta ħwejjeġ. Il-ħidma li huma jwettqu titwettaq b’ awtorità divina.” U, bla dubju, il-ħidma tal-Knisja mwettqa kemm minn nisa kif ukoll l-irġiel, kemm jekk fit-tempju jew fl-oqsma jew fil-friegħi, titwettaq taħt id-direzzjoni ta’ dawk li jħaddnu l-imfietaħ tas-saċerdozju. Għalhekk, meta kien qed ikellem lis-Soċjetà tal-Għajnuna, il-President Smith spjega, “Il-Mulej tahom din l-organizzazzjoni kbira fejn huma għandhom l-awtorità li jservu taħt id-direzzjoni tal-isqfijiet fl-oqsma tagħhom … , iħarsu l-interessi tan-nies tagħna, kemm b’ mod spiritwali kif ukoll temporali.”8

Għalhekk, kif intqal b’ mod ġust li s-Soċjetà tal-Għajnuna mhijiex sempliċiment klassi għan-nisa iżda xi ħaġa li huma jagħmlu parti minnha—li twaqqfet b’ mod divin biex tikkumplimenta s-saċerdozju.9

Aħna m’ aħniex imdorrijin nitkellmu u ngħidu li n-nisa għandhom l-awtorità tas-saċerdozju fis-sejħiet tagħhom fil-Knisja, iżda allura x’ tip ta’ awtorità oħra tista’ tkun? Meta mara—żagħżugħa jew anzjana—tiġi distinta sabiex tippriedka l-evanġelju bħala missjunarja full-time, hija tiġi mogħtija l-awtorità saċerdotali li twettaq funzjoni saċerdotali. L-istess nistgħu ngħidu meta mara tiġi distinta sabiex tiffunzjona bħala uffiċjal jew għalliema f’ waħda mill-organizzazzjonijiet tal-Knisja taħt id-direzzjoni ta’ xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ tas-saċerdozju. Kull min jiffunzjona f’ xi uffiċċju jew sejħa li jkun irċieva minn xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ saċerdotali jkun qed jeżerċita l-awtorità tas-saċerdozju waqt li jwettaq id-doveri mogħtija lilu jew lilha.

Dawk kollha li jeżerċitaw l-awtorità saċerdotali għandhom jinsew dwar id-drittijiet tagħhom u jikkonċentraw fuq ir-responsabbiltajiet tagħhom. Dan hu prinċipju tant meħtieġ fis-soċjetà b’ mod ġenerali. Il-kittieb famuż Russu Aleksandr Solzhenitsyn ġie kkwotat li qal, “Wasal iż-żmien … li niddefendu l-obbligi umani aktar mid-drittijiet umani.”10 Il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem żgur li jagħrfu li biex nikkwalifikaw għall-eżaltazzjoni ma jiddependix daqshekk mid-drittijiet li niksbu iżda mir-responsabbilitajiet li nwettqu.

V.

Il-Mulej qal li huma l-irġiel biss li għandhom jiġu ordnati għall-uffiċċji tas-saċerdozju. Iżda, kif enfassizzaw diversi mexxejja tal-Knisja, l-irġiel mhumiex “is-saċerdozju.”11 L-irġiel iħaddnu s-saċerdozju, b’ dover sagru li jużawh biex ibierku l-ulied kollha ta’ Alla.

L-akbar qawwa li Alla ta lil uliedu l-irġiel ma tistax tiġi eżerċitata mingħajr is-sħubija ta’ waħda minn uliedu, għaliex kien biss lil uliedu n-nisa li Alla tahom il-qawwa “li jkunu jistgħu joħolqu iġsma … biex jiġi fis-seħħ il-Pjan Kbir ta’ Alla.” 12 Dan huwa kliem il-President J. Reuben Clark.

Huwa kompla: “Dan huwa l-irwol tan-nisa tagħna u ta’ ommijietna fil-Pjan Etern. Huma ma jħaddnux is-saċerdozju; huma ma ġewx mitluba li jwettqu d-doveri u l-funzjonijiet tas-Saċerdozju; lanqas ma ġew mgħobbija bir-responsabbiltajiet tiegħu; huma bennejja u organizzaturi taħt il-qawwa tiegħu, u huma jgawdu wkoll mill-barkiet tiegħu, jippossedu s-sapport tal-qawwiet tas-Saċerdozju u jippossedu funzjoni li ġew imsejħin għaliha b’ mod divin, li fl-eternità hija importanti daqs is-Saċerdozju nnifsu.” 13

Permezz ta’ dak il-kliem ispirat, il-President Clark kien qed jitkellem dwar il-familja. Kif hemm iddikjarat fil-proklamazzjoni tal-familja, il-missier jippresiedi fil-familja u hu u l-omm għandhom responsabbiltajiet separati, iżda huma t-tnejn “obbligati li jgħinu lil xulxin bħala sħab indaqs.” 14 Ftit tas-snin qabel il-proklamazzjoni tal-familja, il-President Spencer W. Kimball ta din l-ispjegazzjoni spirata: “Meta nitkellmu dwar iż-żwieġ bħala sħubija, ejjew nitkellmu dwar iż-żwieġ bħala sħubija sħiħa. Ma rridux li n-nisa Qaddisin tal-Aħħar Jiem ikunu sieħba bla vuċi jew limitati f’ din il-ħidma eterna! Jekk jogħġobkom kunu sieħba li tikkontribwixxu u sħaħ mar-raġel tagħkom.”15

F’ għajnejn Alla, kemm jekk fil-Knisja jew fil-familja, in-nisa u l-irġiel huma indaqs, b’ responsabbiltajiet differenti.

Sa nagħlaq billi nsemmi xi veritajiet dwar il-barkiet tas-saċerdozju. B’ differenza mill-imfietaħ u l-ordinazzjonijiet tas-saċerdozju, il-barkiet tas-saċerdozju huma disponibbli kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel bl-istess kundizzjonijiet. Id-don tal-Ispirtu s-Santu u l-barkiet tat-tempju huma eżempju ċar ta’ din il-verità.

Fid-diskors mill-isbaħ tiegħu fil-Ġimgħa Edukattiva ġewwa BYU is-sajf li għadda, il-Presbiteru M. Russell Ballard ta dawn l-istruzzjonijiet:

“Id-duttrina tagħna tal-Knisja tpoġġi lin-nisa b’ mod ugwali iżda differenti mill-irġiel. Alla ma jħarisx lejn wieħed mis-sess bħala aħjar jew aktar importanti mill-ieħor. …

“Meta l-irġiel u n-nisa jmorru t-tempju, it-tnejn li huma jiġu addotati bl-istess qawwa, li hija l-qawwa tas-saċerdozju. … L-aċċess għall-qawwa u l-barkiet tas-saċerdozju jinsab hemm għall-ulied kollha ta’ Alla.”16

Jiena nagħti x-xhieda tiegħi dwar il-qawwa u l-barkiet tas-saċerdozju ta’ Alla, li huma disponibbli kemm għal uliedu irġiel kif ukoll nisa. Jiena nixhed dwar l-awtorità tas-saċerdozju, li tiffunzjona fl-uffiċċji kollha u fl-attivitajiet kollha tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Jiena nixhed dwar il-funzjoni mmexxija b’ mod divin tal-imfietaħ tas-saċerdozju, li huma mħaddna u eżerċitati fil-milja sħiħa tagħhom mill-profeta/president, Thomas S. Monson. Finalment u l-aktar importanti, jiena nixhed dwar il-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, li dan is-saċerdozju huwa Tiegħu u li aħna qaddejja Tiegħu, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Linda K. Burton, “Priesthood: ‘A Sacred Trust to Be Used for the Benefit of Men, Women, and Children’” (Brigham Young University indirizz waqt Konferenza tan-Nisa, 3 ta’ Mejju , 2013), 1; ce.byu.edu/cw/womensconference/transcripts.php.

  2. Joseph F. Smith, Gospel Doctrine, 5-il ed. (1939), 139.

  3. Boyd K. Packer, “Priesthood Power in the Home” (laqgħa tat-tmexxija dinjija, Frar. 2012); lds.org/broadcasts; ara wkoll James E. Faust, “Power of the Priesthood,” Ensign, Mejju 1997, 41–43.

  4. Handbook 2: Administering the Church (2010), 2.1.1.

  5. M. Russell Ballard, “Men and Women in the Work of the Lord,” New Era, Apr. 2014, 4;Liahona, Apr. 2014, 48; ara wkoll Daughters in My Kingdom: The History and Work of Relief Society (2011), 138.

  6. Ara Spencer W. Kimball, “Our Great Potential,” Ensign, Mejju 1977, 49.

  7. Joseph Fielding Smith, “Relief Society—an Aid to the Priesthood,” Relief Society Magazine, Jan. 1959, 4.

  8. Joseph Fielding Smith, “Relief Society—an Aid to the Priesthood,” 4, 5; ara wkoll Teachings of Presidents of the Church: Joseph Fielding Smith (2013), 302.

  9. Ara Boyd K. Packer, “The Relief Society,” Ensign, Mejju 1998, 72; ara wkoll Daughters in My Kingdom, 138.

  10. Aleksandr Solzhenitsyn, “A World Split Apart” (indirizz tal-ftuħ mogħti fl-Università ta’ Harvard, Ġunju 8, 1978); ara wkoll Patricia T. Holland, “A Woman’s Perspective on the Priesthood,” Ensign, Lulju 1980, 25; Tambuli, Ġunju 1982, 23; Dallin H. Oaks, “Rights and Responsibilities,” Mercer Law Review, vol. 36, no. 2 (xitwa 1985), 427–42.

  11. Ara James E. Faust, “You Are All Heaven Sent,” Ensign jew Liahona, Nov. 2002, 113; M. Russell Ballard, “This Is My Work and Glory,” Ensign jewLiahona, Mejju 2013, 19; Dallin H. Oaks, “Priesthood Authority in the Family and the Church,” Ensign jewLiahona, Nov. 2005, 26. Xi kultant aħna ngħidu li s-Soċjetà tal-Għajnuna hija “sieħba tas-Saċerdozju.” Inkunu aktar korretti jekk ngħidu li fil-ħidma tal-Mulej is-Soċjetà tal-Għajnuna u n-nisa tal-Knisja huma “seħbin mal-irġiel li jħaddnu s-saċerdozju.”

  12. J. Reuben Clark Jr., “Our Wives and Our Mothers in the Eternal Plan,” Relief Society Magazine, Diċ. 1946, 800.

  13. J. Reuben Clark Jr., “Our Wives and Our Mothers,” 801.

  14. “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Ensign jew Liahona, Nov. 2010, 129.

  15. Spencer W. Kimball, “Privileges and Responsibilities of Sisters,” Ensign, Nov. 1978, 106.

  16. M. Russell Ballard, New Era, Apr. 2014, 4;Liahona, Apr. 2014, 48; ara wkoll Sheri L. Dew, Women and the Priesthood (2013), speċjalment kapitlu 6, għal elaborazzjoni siewja tad-duttrina msemmija.