Konferenza Ġenerali
Nafdaw fid-Duttrina ta’ Kristu
konferenza ġenerali April 2023


Nafdaw fid-Duttrina ta’ Kristu

Meta nkunu bnejna darna fuq is-sisien ta’ relazzjoni pattwali ma’ Kristu, inkunu qed nafdaw id-duttrina ta’ Kristu.

Nista’ nimmaġina lill-profeta Nefi, imdaħħal fiż-żmien, bilqiegħda mal-mejda tiegħu, il-pjanċi tad-deheb mifruxa quddiemu, bl-istilus f’idu.

Nefi kien fil-proċess li jlesti l-aħħar inċiżjoni fuq l-annali tiegħu. Huwa kiteb, “U issa, għeżież ħuti, hawn se ntemm id-diskors tiegħi.”1 Iżda ftit tal-ħin wara, l-Ispirtu talab lil Nefi biex jerġa’ jaqbad l-annali tiegħu u jikteb messaġġ tal-aħħar. Taħt l-influwenza qawwija tal-Ispirtu s-Santu, dak il-profeta kbir reġa’ qabad f’idejh l-istilus u kiteb, “Għalhekk, il-ħwejjeġ … li jiena ktibt huma biżżejjed għalija, ħlief għal ftit kliem … li jeħtieġ li ngħid dwar id-duttrina ta’ Kristu.”2

Kemm aħna eternament grati għal dak il-“ftit kliem”3 u għall-Ispirtu li wassal lil Nefi sabiex jiktbu. It-trattat ta’ Nefi dwar id-duttrina ta’ Kristu huwa teżor għal dawk li jmantnu lilhom infushom permezz tiegħu. Fih insibu dehra tal-magħmudija tas-Salvatur4 u l-leħen tal-Iben jistedinna lkoll biex nimxu warajh5 u “nagħmlu dak kollu li rajnieh jagħmel.”6 Fih insibu x-xhieda ta’ Nefi li dawk li, permezz tal-fidi fi Kristu, jindmu verament minn dnubiethom u jimxu wara s-Salvatur fl-ilmijiet tal-magħmudija “jirċievu l-Ispirtu s-Santu; iva, imbagħad tasal il-magħmudija tan-nar u tal-Ispirtu s-Santu.”7 Nisimgħu wkoll leħen il-Missier jagħti x-xhieda tiegħu: Iva, kliem il-Maħbub tiegħi huwa veru u ta’ min joqgħod fuqu. Min jibqa’ sħiħ sal-aħħar, huwa jsalva.”8

Il-President Russell M. Nelson enfasizza l-importanza mill-aktar unika tad-duttrina ta’ Kristu waqt ir-rimarki li għamel lill-mexxejja tal-missjoni li kienu għadhom kif issejħu: “Aktar minn kull ħaġa oħra, irridu li l-missjunarji tagħna … ikollhom id-duttrina ta’ Kristu mnaqqxa f’qalbhom—b’għeruqha … fil-mudullun ta’ għadamhom.”9

Preach My Gospel jsemmi ħames elementi importanti tad-duttrina ta’ Kristu. Hemm miktub: “Nistiednu oħrajn sabiex jersqu lejn Kristu billi ngħinuhom jirċievu l-evanġelju rrestawrat permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu, l-indiema, il-magħmudija, li jirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu, u li jibqgħu sħaħ sal-aħħar.”10

Iżda l-importanza tad-duttrina ta’ Kristu mhijiex biss għall-missjunarji! U hi ferm aktar profonda minn daqsxejn ta’ summarju sempliċi tal-ħames punti ewlenin tagħha. Hija tkopri l-liġi tal-evanġelju. Hija l-pjan il-kbir għall-ħajja ta’ dejjem.

Ħuti, jekk aħna naċċettaw l-istedina tal-President Nelson li naraw li d-duttrina ta’ Kristu għandha għeruqha fil-mudullun tal-għadam tagħna, jeħtieġ insaħħu l-konverżjoni tagħna għall-Mulej permezz tal-istudju, tat-talb, billi ngħixu ħajja fidila, u permezz tal-indiema kontinwa. Jeħtieġ li nistiednu l-Ispirtu s-Santu sabiex inaqqax id-duttrina ta’ Kristu fuq “it-twavel tal-laħam ta’ qalbna”11 b’mod profond u permanenti kif kienet imnaqqxa minn Nefi fuq il-pjanċi tad-deheb.

Ottubru li għadda, il-President Nelson staqsa, “Xi tfisser li negħlbu d-dinja?” Fost affarijiet oħra, huwa qal:, “Ifisser li nafdaw fid-duttrina ta’ Kristu aktar milli fil-filosofiji tal-bnedmin.”12

Il-kelma fiduċja hi mfissra bħala “dipendenza assigurata fil-karattru, fl-abbiltà, fil-qawwa, jew fil-verità ta’ xi ħadd jew xi ħaġa.”13 Dak ix-xi ħadd huwa Ġesù Kristu, u dik ix-xi ħaġa hija d-duttrina tiegħu.

Għalhekk aħna kif nistgħu intenzjonalment nafdaw li d-duttrina ta’ Kristu tista’ tibdel il-mod kif ngħixu ħajjitna?

Jekk aħna nafdaw fid-duttrina ta’ Kristu, aħna nafdaw lil Kristu biżżejjed li ngħixu b’kull kelma tiegħu.14 Aħna ngħaddu ħajjitna nistudjaw dwar Ġesù Kristu,15 dwar il-ministeru tiegħu, it-tagħlim tiegħu, u l-Espjazzjoni infinita tiegħu li tinkludi l-Kruċifissjoni, il-mewt, il-Qawmien tiegħu. Aħna nistudjaw il-wegħdiet tiegħu u l-kundizzjonijiet li magħhom huma mogħtija dawk il-wegħdiet.16 Hekk kif nistudjaw, aħna nimtlew b’imħabba akbar għall-Mulej.

Jekk aħna nafdaw fid-duttrina ta’ Kristu, aħna mmorru kull jum quddiem Missierna fis-Smewwiet fit-talb umli u sieket, fejn nistgħu nesprimu l-gratitudni tagħna għar-rigal ta’ Ibnu u għall-barkiet kollha li Huwa tana.17 Aħna nistgħu nitolbu għas-sħubija rivelatorja tal-Ispirtu s-Santu,18 nitolbu biex nallinjaw ir-rieda tagħna ma’ tiegħu,19 nitolbu biex nirriflettu dwar il-patti tagħna u nġeddu l-impenn tagħna li nżommuhom.20 Aħna nistgħu nitlobu biex insostnu u nesprimu mħabbitna għall-profeti, veġġenti, u rivelaturi tagħna;21 nitolbu għall-qawwa li ssaffina tal-maħfra;22 u nitolbu għall-qawwa li nirreżistu t-tentazzjoni.23 Nistedinkom biex taraw li t-talb ikun ta’ priorità f’ħajjitkom, billi taraw li kuljum ittejbu l-komunikazzjoni tagħkom ma’ Alla.

Jekk aħna nafdaw fid-duttrina ta’ Kristu, aħna nwarrbu l-ħwejjeġ ileqqu tad-dinja ħalli nkunu nistgħu niffokaw fuq il-Feddej tad-dinja.24 Aħna nillimitaw jew neliminaw il-ħin li ngħaddu fuq il-midja soċjali; il-logħob diġitali; divertiment li hu ħela ta’ ħin, eċċessiv, jew mhux xieraq; l-attrazzjoni tat-teżori u l-vanità ta’ did-dinja; u kull attività oħra li tagħti lok għad-drawwiet foloz u l-filosofiji żbaljati tal-bnedmin. Fi Kristu biss nistgħu nsibu l-verità u s-sodisfazzjon dejjiem.

L-indiema sinċiera25 issir parti hienja26 minn ħajjitna—kemm biex niksbu l-maħfra għad-dnub u biex nieħdu fuqna x-xbieha ta’ Kristu.27 L-indiema b’fidi fi Kristu tagħtina aċċess għall-Espjazzjoni ta’ Kristu. Il-President Dallin H. Oaks għallem li meta s-Salvatur jaħfer, Huwa “jkun għamel ferm aktar milli naddafna mid-dnub. Huwa jagħtina wkoll qawwa ġdida.”28 Ilkoll kemm aħna neħtieġu din il-qawwa biex inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla u nġibu fis-seħħ l-għan etern ta’ ħajjitna.

F’Ġesù u fid-duttrina tiegħu, aħna nsibu l-qawwa. Huwa qal, “Tassew, tassew, ngħidilkom, li din hi d-duttrina tiegħi, u kulmin jibni fuq din jibni fuq il-blata tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhx.”29

Aħna naraw din il-wegħda tiġi fis-seħħ fil-ħajja ta’ bosta nies fidili. Kien biss ftit aktar minn sena ilu li jien kelli l-privileġġ li niltaqa’ ma’ Travis u Kacie. Huma żżewġu biċ-ċivil fl-2007. Dak iż-żmien, Travis ma kienx membru tal-Knisja. Kacie, minkejja li trabbiet ġo familja li l-membri tagħha kienu Qaddisin tal-Aħħar Żmien attivi, f’żogħżitha kienet tbiegħdet mill-fidi tagħha u ma baqgħetx ankrata mas-sisien tagħha.

Fl-2018, Travis iltaqa’ mal-missjunarji, u tgħammed fl-2019. Travis sar il-missjunarju ta’ Kacie, li wkoll esperjenzat konverżjoni li bidlitilha ħajjitha. Huma ġew issiġillati fit-tempju, f’Settembru, 2020. Madwar sentejn wara l-magħmudija tiegħu, Travis ġie msejjaħ biex iservi fil-veskovat.

Travis għandu marda rari li kontinwament tifformalu numru ta’ tumuri fl-organi interni tiegħu. Huwa għamel diversi operazzjonijiet biex ineħħi t-tumuri li jkunu feġġew, iżda għall-marda m’hawnx fejqan. Bosta snin ilu, Travis ġie mogħti anqas minn 10 snin ħajja.

Kacie għandha retinitis pigmentosa, marda ġenetika rari li tikkawża djuqija irriversibbli fil-viżjoni tagħha sakemm twassalha biex titlef għal kollox id-dawl t’għajnejha.

Kacie kellmitni dwar il-futur tagħha. Hi antiċipat iż-żmien, mhux daqstant fil-bogħod, meta hija se tkun armla, bla dawl, mingħajr sapport finanzjarju, u weħidha biex trabbi erbat itfal li għadhom qed jitrabbew. Jiena staqsejt lil Kacie kif setgħet timmanniġja futur daqstant skoraġġanti. Hi tbissmet b’mod trankwill u qalet, “Qatt ma niftakarni aktar kuntenta u aktar mimlija tama daqs illum. Aħna nafdaw fil-wegħdiet li rċevejna fit-tempju.”

Travis illum huwa l-isqof. Xahrejn ilu huwa għamel operazzjoni oħra serja. Iżda huwa ottimist u trankwill. Il-viżjoni ta’ Kacie marret għall-agħar. Issa hija għandha kelb li jiggwidaha u mhijiex kapaċi ssuq. Iżda hija kuntenta, trabbi lil uliedha u sservi bħala kunsillier fil-presidenza tat-Tfajliet.

Travis u Kacie qed jibnu d-dar tagħhom fuq il-blat. Travis u Kacie jafdaw fid-duttrina ta’ Kristu u fil-wegħda li Alla “se jikkonsagra l-hemm tagħhom għall-aħjar tagħhom.”30 Fil-pjan perfett ta’ Alla, it-tbatija b’fidi fi Kristu hija marbuta mal-proċess tagħna li niġu pperfezzjonati fi Kristu.31 Bħar-raġel għaref fil-parabbola li beda daru fuq blata,32 meta tinżel ix-xita, u jiġu l-widien, jqumu l-irwiefen u jħabbtu fuq id-dar li bnew Travis u Kacie, hija ma tiġġarrafx għax ikollha s-sisien tagħha fuq il-blat.33

Ġesù ma tkellimx dwar il-possibbiltà ta’ xita u widien u rwiefen f’ħajjitna; Huwa tkellem dwar iċ-ċertezza li se jqum il-maltemp. Il-varjabbli f’din il-parabbola mhuwiex jekk se jqumx il-maltemp iżda kif aħna nwieġbu għall-istedina kollha mħabba tiegħu li nisimgħu u nagħmlu dak li Huwa għallem.34 M’hawn l-ebda triq oħra biex insalvaw.

Meta nkunu bnejna djarna fuq is-sisien ta’ relazzjoni pattwali ma’ Kristu, aħna nkunu qed nafdaw fid-duttrina ta’ Kristu, u hekk kif nersqu lejh, ikollna l-wegħda tiegħu tal-ħajja ta’ dejjem. In-nies li jafdaw fid-duttrina ta’ Kristu jibqgħu mexjin ’il quddiem bla heda u jżommu sħaħ sal-aħħar. M’hemmx mod ieħor kif “nistgħu nsalvaw fis-saltna tas-smewwiet.35

Jiena naqsam ix-xhieda personali tiegħi tar-realtà tal-Mulej Ġesù Kristu mqajjem mill-imwiet. Jiena nixhed li Alla Missierna tant ħabb id-dinja li bagħat lil Ibnu biex jifdina mid-dnub36 u jfejjaqna min-niket.37 Nixhed li Huwa sejjaħ profeta ta’ Alla fi żmienna, sewwasew lill-President Russell M. Nelson, li permezz tiegħu Huwa jkellimna u jiggwidana.

B’qalbi kollha, nistedinkom biex tafdaw fid-duttrina ta’ Kristu u tibnu ħajjitkom fuq il-blata tal-Feddej. Huwa qatt mhu se jiddiżappuntakom. F’isem Ġesù Kristu, ammen.