Konferenza Ġenerali
Ħaġa Waħda fi Kristu
konferenza ġenerali April 2023


Ħaġa Waħda fi Kristu

Huwa biss fil-lealtà u permezz tal-lealtà individwali tagħna lejn Ġesù Kristu u l-imħabba tagħna lejh li nistgħu nittamaw li nkunu ħaġa waħda.

Kif semma l-President Dallin H. Oaks, illum Ħadd il-Palm, il-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa, fejn infakkru d-daħla trijonfali f’Ġerusalemm, it-tbatija tiegħu fil-Ġetsemani u l-mewt tiegħu fuq is-salib ftit jiem wara, u l-Qawmien glorjuż tiegħu f’Ħadd il-Għid. Ejjew niddeċiedu li qatt ma ninsew minn xiex għadda Kristu biex jifdina.1 U ejjew qatt ma nitilfu l-hena mill-aktar kbira li nerġgħu nħossu għal darb’oħra fil-Għid hekk kif nikkontemplaw dwar ir-rebħa tiegħu fuq il-qabar u r-rigal tar-resurrezzjoni universali.

Il-lejla ta’ qabel il-ġuri u l-kruċifissjoni li kellu jgħaddi minnhom, Ġesù ngħaqad mal-Appostli tiegħu għall-ikla tal-Għid. Fi tmiem din l-Aħħar Ikla, waqt Talba ta’ Interċessjoni mill-aktar sagra, Ġesù talab lil Missieru permezz ta’ dan il-kliem: “Missier qaddis, ħares f’ismek l-Appostli tiegħi, dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna.”2

Imbagħad, bil-ħlewwa, is-Salvatur estenda t-talba tiegħu biex jinkludi l-fidili kollha:

“Miniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom;

“Li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.”3

Li nkunu ħaġa waħda hija tema rikurrenti fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u fl-interazzjoni ta’ Alla ma’ wliedu. B’rispett għall-belt ta’ Sijon fi żmien Ħenok, jingħad li “huma kienu ta’ qalb waħda u moħħ wieħed.”4 Dwar il-Qaddisin tal-ewwel żminijiet fil-Knisja primittiva ta’ Ġesù Kristu, it-Testment il-Ġdid jgħid, “Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda.”5

Fid-dispensazzjoni tagħna, l-Mulej widdeb, “Jiena ngħidilkom, kunu ħaġa waħda; u jekk m’intomx ħaġa waħda m’intomx tiegħi.”6 Fost ir-raġunijiet li l-Mulej ta għalfejn il-Qaddisin tal-ewwel żminijiet f’Missouri ma rnexxilhomx jistabbilixxu post ta’ Sijon kien li huma “mhumiex magħqudin skont l-għaqda meħtieġa bil-liġi tas-saltna ċelestjali.”7

Fejn Alla jiddomina fi qlubna u f’moħħna, il-poplu hu deskritt bħala “ħaġa waħda, ulied Kristu.”8

Meta s-Salvatur imqajjem mill-imwiet deher lin-nies tal-qedem fil-Ktieb ta’ Mormon, Huwa nnota b’disapprovazzjoni li fil-passat il-poplu kien beda jargumenta dwar il-magħmudija u ħwejjeġ oħra. Huwa ordnalhom:

“M’għandu jkun hemm l-ebda argument bejnietkom, kif diġà kien hemm; lanqas m’għandu jkun hemm argumenti bejnietkom dwar ċerti punti tad-duttrina tiegħi, kif diġà kien hemm.

“Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, dak li għandu l-ispirtu tat-tilwim mhuwiex tiegħi, iżda tax-xitan, li hu missier it-tilwim.”9

Fid-dinja mill-aktar kontenzjuża tagħna, kif nistgħu niksbu l-għaqda, speċjalment fil-Knisja, fejn jeħtieġ li jkollna “Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda”?10 Pawlu jgħidilna x’inhu s-sigriet:

“Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu.

“Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.”11

Aħna lkoll differenti f’ħafna affarijiet u xi kultant hemm wisq ħwejjeġ li ma naqblux dwarhom biex ningħaqdu ħaġa waħda flimkien taħt xi kappa oħra jew taħt xi isem ieħor. Huwa biss f’Ġesù Kristu li aħna verament nistgħu nkunu ħaġa waħda.

Aħna nistgħu nsiru ħaġa waħda fi Kristu wieħed wieħed—nibdew ilkoll bina nfusna. Aħna magħmulin kemm mill-ġisem kif ukoll mill-ispirtu u xi kultant inkunu fi gwerra magħna nfusna. Kif qal Pawlu:

“Skont il-bniedem ta’ ġewwa togħġobni l-liġi ta’ Alla;

“Iżda nilmaħ fil-membri ta’ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-liġi ta’ moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo ġismi.”12

Ġesù kien ukoll magħmul mill-ġisem u l-ispirtu. Huwa għadda minn prova; Huwa jifhem; Hu jista’ jgħinna niksbu l-għaqda magħna nfusna.13 Għalhekk bl-għajnuna tad-dawl u l-grazzja ta’ Kristu, aħna nippruvaw inħallu l-ispirtu tagħna—u l-Ispirtu s-Santu—jiddomina fuq il-ġisem tagħna. U meta niżbaljaw, Kristu, permezz tal-Espjazzjoni tiegħu, tana r-rigal tal-indiema u l-opportunità li nergħu nippruvaw.

Jekk kull wieħed minna b’mod individwali “jilbes lil Kristu,” mela flimkien nistgħu nittamaw li nsiru ħaġa waħda, kif qal Pawlu, “il-ġisem ta’ Kristu.”14 Li “nilbsu lil Kristu” ċertament jinkludi li nagħmlu “l-ewwel u l-akbar kmandament” tiegħu15 l-ewwel u l-akbar kmandament tagħna, u jekk inħobbu ’l Alla, inħarsu l-kmandamenti tiegħu.16

L-għaqda ma’ ħutna fil-ġisem ta’ Kristu tikber hekk kif nagħtu widen għat-tieni kmandament—li hu marbut b’mod inseparabbli mal-ewwel—li nħobbu lil ħaddieħor bħalna nfusna.17 U nimmaġina li aħna jkollna fostna għaqda aktar perfetta jekk nimxu wara l-espressjoni ogħla u eqdes ta’ dan it-tieni kmandament—li nħobbu lil xulxin mhux biss kif inħobbu lilna nfusna iżda kif Huwa jħobbna.18 F’kelma waħda, qed ngħidu li “kull bniedem ifittex l-interess ta’ għajru, u jagħmel kollox b’ħarstu fissa fuq il-glorja ta’ Alla.”19

Il-President Marion G. Romney, li kien kunsillier fl-Ewwel Presidenza, fl-ispjegazzjoni tiegħu dwar kif nistgħu niksbu l-paċi u l-għaqda dejjiema, qal:

“Jekk persuna waħda, li taqa’ għal Satana, tkun iddominata mill-għemejjel tal-ġisem, hija tkun fi gwerra magħha nnifisha. Jekk jaqgħu għalih tnejn, it-tnejn li huma jkunu fi gwerra magħhom infushom u jiġġieldu bejniethom. Jekk ħafna nies jaqgħu għalih, il-ħsad li taħsad is-soċjetà jkun stress kbir u ħafna tilwim. Jekk il-mexxejja ta’ pajjiż jaqgħu għalih, ikun hawn tilwim madwar id-dinja.”

Il-President Romney kompla: “Kif l-għemejjel tal-ġisem iħallu effett universali, l-istess l-evanġelju tal-paċi. Jekk bniedem wieħed jgħix skont l-evanġelju, hu jkollu l-paċi fih innifsu. Jekk tnejn min-nies jgħixu skont l-evanġelju, it-tnejn ikollhom il-paċi fihom infushom u bejniethom. Jekk iċ-ċittadini jgħixu skont l-evanġelju, il-ġens ikollu l-paċi domestika. Meta jkun hemm biżżejjed ġnus li qed igawdu l-frott tal-Ispirtu biex jikkontrollaw l-affarijiet tad-dinja, hemmhekk, u hemmhekk biss, ma jtambrux aktar fuq it-tnabar tal-gwerra, u l-bnadar tal-battalja huma jgeżwru. … (Ara Alfred Lord Tennyson, “Locksley Hall,” The Complete Poetical Works of Tennyson, ed. W. J. Rolfe, Boston: Houghton-Mifflin Co., 1898, p. 93, linji 27–28.)”20

Meta “nilbsu ’l Kristu,” ikun possibbli għalina li nirrisolvu jew inpoġġu fil-ġenb id-differenzi, in-nuqqas ta’ qbil, u l-argumenti tagħna. Eżempju pjuttost drammatiku kif negħlbu l-firda nsibuh fl-istorja tal-Knisja tagħna. Il-Presbiteru Brigham Henry Roberts (magħruf aħjar bħala B. H. Roberts), li twieled fl-Ingilterra fl-1857, serva bħala membru tal-Ewwel Kunsill tas-Sebgħin—dak li llum nirreferu għalih bħala l-Presidenza tas-Sebgħin. Il-Presbiteru Roberts kien difensur kapaċi u ħabrieki tal-evanġelju rrestawrat u tal-Knisja f’wieħed mill-aktar żminijiet diffiċli tagħha.

Immaġni
Young B. H. Roberts

Fl-1895, madankollu, is-servizz tal-Presbiteru Roberts fil-Knisja kien fil-periklu minħabba t-tilwim. B. H. kien inħatar bħala delegat fil-konvenzjoni li kitbet l-ewwel draft tal-kostituzzjoni ta’ Utah meta dan sar stat. Wara, huwa ddeċieda li jsir kandidat għall-Kungress tal-Istati Uniti iżda ma nnotifikax jew ma ġabx permess mill-Ewwel Presidenza. Il-President Joseph F. Smith, kunsillier fl-Ewwel Presidenza, iċċensura lil B. H. għal dak in-nuqqas f’laqgħa ġenerali tas-saċerdozju. Il-Presbiteru Roberts tilef l-elezzjoni u ħass li t-telfa kienet l-aktar minħabba d-dikjarazzjonijiet tal-President Smith. Huwa beda jikkritika lill-mexxejja tal-Knisja f’ċerti taħdidiet u intervisti politiċi. Huwa ma baqax aktar attiv fis-servizz tiegħu fil-Knisja. Waqt laqgħa twila li saret fit-Tempju ta’ Salt Lake mal-membri tal-Ewwel Presidenza u l-Kunsill tat-Tnax, B.H. baqa’ jipprova jiġġustifika lilu nnifsu. Aktar tard, “Il-President Wilford Woodruff ta lill-Presbiteru Roberts tliet ġimgħat biex jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu. Jekk hu jibqa’ ma jindimx, huma kienu se jeżonerawh mis-Sebgħin.”21

F’laqgħa privata li saret wara mal-Appostli Heber J. Grant u Francis Lyman, B. H. għall-ewwel ma riedx iċedi, iżda finalment l-imħabba u l-Ispirtu s-Santu ttrijonfaw. Għajnejh imtlew bid-dmugħ. Iż-żewġ Appostli kienu kapaċi jwieġbu għal numru ta’ affarijiet u offiżi perċepiti li kienu qed jinkwetaw lil B. H., u huma telqu minn hemm b’talba mqanqla għar-rikonċiljazzjoni. L-għada filgħodu, wara talba twila, il-Presbiteru Roberts bagħat nota lill-Presbiteri Grant u Lyman li hu kien lest li jingħaqad mill-ġdid ma’ ħutu.22

Meta aktar tard huwa ltaqa’ mal-Ewwel Presidenza, il-Presbiteru Roberts qal, “Jiena mort għand il-Mulej u rċevejt id-dawl u l-istruzzjoni permezz tal-Ispirtu tiegħu biex nissottometti ruħi għall-awtorità ta’ Alla.”23 Immotivat mill-imħabba tiegħu lejn Alla, B.H. Roberts baqa’ fidil u mexxej tal-Knisja mill-aktar kapaċi sat-tmiem ta’ ħajtu.24

Immaġni
Il-Presbiteru B. H. Roberts

F’dan l-eżempju nistgħu naraw ukoll li l-għaqda ma tfissirx li sempliċiment naqblu li kulħadd għandu jagħmel li jrid jew imur għal għonq triqtu. Ma nistgħux inkunu ħaġa waħda jekk aħna ma ningħaqdux fl-isforzi kollha tagħna għall-istess kawża. Fi kliem B.H. Roberts dan ifisser li nissottomettu ruħna għall-awtorità ta’ Alla. Aħna membri differenti tal-ġisem ta’ Kristu, li nwettqu funzjonijiet differenti f’ħinijiet differenti—il-widna, l-għajn, ir-ras, l-id, ir-riġel—madankollu aħna kollha ġisem wieħed.25 Għalhekk, l-għan tagħna hu li “ma jkunx hemm firda fil-ġisem, imma l-membri kollha jaħsbu f’xulxin.”26

L-għaqda ma teħtieġx li kulħadd ikun l-istess, iżda teħtieġ l-armonija. Aħna nistgħu ninsġu qlubna flimkien b’imħabba, inkunu ħaġa waħda fil-fidi u d-duttrina, u xorta nappoġjaw timijiet differenti, ma naqblux fuq ħwejjeġ politiċi, niddibattu dwar ċerti għanijiet u l-aħjar mod kif niskbuhom, u ħafna ħwejjeġ oħra. Iżda m’għandna qatt nitlewmu bejnietna biex nuru n-nuqqas ta’ qbil tagħna. Is-Salvatur qal:

“Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, dak li għandu fih l-ispirtu tat-tilwim mhux ġej minni, iżda mix-xitan, li huwa missier it-tilwim, u huwa jqanqal qlub il-bnedmin sabiex jitlewmu bir-rabja ma’ xulxin.

“Araw, din mhux id-duttrina tiegħi, li nqanqal qlub il-bnedmin bir-rabja, wieħed mal-ieħor; iżda d-duttrina tiegħi hija din, li dan għandna nbegħduh minna.”27

Sena ilu, il-President Russell M. Nelson permezz ta’ dan il-kliem qalilna: “Ħadd minna ma jista’ jikkontrolla l-ġnus jew l-għemejjel ta’ ħaddieħor jew saħansitra lill-membri tal-familji tagħna. Iżda aħna nistgħu nikkontrollaw lilna nfusna. L-appell tiegħi llum, għeżież ħuti, hu li ttemmu l-kunflitt li jinsab għaddej fil-qalb tagħkom, fid-dar tagħkom, u fil-ħajja tagħkom . Idfnu kull inklinazzjoni li tweġġgħu lil ħaddieħor—sew jekk dik l-inklinazzjoni hi t-temperiment, ilsien iniggeż, jew riżentiment għal xi ħadd li weġġagħkom. Is-Salvatur talabna biex indawru wiċċna n-naħa l-oħra [ara 3 Nefi 12:39], inħobbu lil għedewwa tagħna, u nitolbu għal dawk li jżebilħuna [see 3 Nefi 12:44].”28

Se nerġa’ ntenni li huwa biss fil-lealtà u permezz tal-lealtà individwali tagħna lejn Ġesù Kristu u l-imħabba tagħna lejh li nistgħu nittamaw li nkunu ħaġa waħda—ħaġa waħda magħna nfusna, ħaġa waħda f’darna, ħaġa waħda fil-Knisja, u eventwalment ħaġa waħda f’Sijon, u fuq kollox, ħaġa waħda mal-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Se mmur lura għall-ġrajjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u t-trijonf aħħari tal-Feddej tagħna. Il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu jagħtina x-xhieda tad-divinità tiegħu u li Hu għeleb kull ħaġa. Il-Qawmien tiegħu jagħti xhieda li, jekk inkunu marbutin miegħu permezz ta’ patt, aħna wkoll nistgħu negħlbu kull ħaġa u nsiru ħaġa waħda. Il-Qawmien tiegħu jagħti xhieda li permezz tiegħu, l-immortalità u l-ħajja eterna huma realtajiet.

Dalgħodu, jiena nagħti xhieda tal-Qawmien litterali tiegħu u dak kollu li jimplika, f’isem Ġesù Kristu, ammen.