Konferenza Ġenerali
Kontroll Kristjan
konferenza ġenerali April 2023


Kontroll Kristjan

“Mbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar, Iskot. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira” (Mark 4:39).

L-aħħar darba li tkellimt fil-konferenza ġenerali, Ryan, li jiġi r-raġel tat-tifla, urieni messaġġ fuq twitter li kien jgħid, “Dan bis-serjetà? Dan veru jismu Bragg”—li tfisser “tiftaħar”—“u ma jitkellimx dwar l-umiltà? X’ħasra!” Sfortunatament, se nkompli niddiżappuntah.

Immaġni
Don Bragg bħala plejer tal-baskitbol

L-għażiż missieri kien plejer tal-baskitbol meqjus bħala wieħed mill-aqwa fl-Amerika u kien jilgħab mal-UCLA taħt il-kowċ leġġendarju John Wooden. Huma baqgħu ħbieb sakemm missieri miet, u mhux l-ewwel darba li l-Kowċ u s-Sinjura Wooden kienu jiġu d-dar tagħna għall-ikel. Hu kien jieħu gost ferm jitkellem miegħi dwar il-baskitbol jew dwar kull ħaġa oħra li li kien ikolli f’moħħi. Darba jien staqsejtu x’parir kien lest jagħtini hekk kif jiena bdejt l-aħħar sena tiegħi fl-iskola sekondarja. Dejjem lest biex jgħallem huwa qalli, “Missierek qalli li inti ngħaqadt mal-Knisja ta’ Ġesù Kristu, għalhekk jien naf li inti għandek il-fidi fil-Mulej. B’dik il-fidi ara li f’kull sitwazzjoni dejjem iżżomm il-kontroll. Kun raġel tajjeb fil-maltemp.”

Tul is-snin, qatt ma nsejt dik il-konverżazzjoni. Dak il-parir li nibqa’ kalm, trankwill, u seren f’kull sitwazzjoni, partikolarment f’mumenti ta’ avversità u stress, għamel verament effett fuqi. Stajt nara għalfejn it-timijiet ta-Kowċ Wooden kienu jilagħbu b’daqstant kontroll u għalfejn huma kisbu s-suċċess kbir li kisbu hekk kfi rebħu 10 kampjonati nazzjonali.

Iżda llum il-ġurnata ftit li xejn għadna nitkellmu dwar kontroll u bilkemm nipprattikawh f’mumenti mqanqla u ta’ nuqqas ta’ qbil. Spiss nitkellmu dwaru fl-isports—plejer li jżomm il-kontroll huwa plejer kunfidenti f’logħba missielta jew tìm jaf jitlef il-grinta tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ kontroll. Iżda din il-kwalità mill-aqwa tmur lil hinn mill-isports. Il-kontroll nistgħu napplikawh għal ferm aktar affarijiet fil-ħajja u jista’ jbierek lil ġenituri, mexxejja, missjunarji, għalliema, studenti, u lil kull min qed jiffaċċja l-maltemp tal-ħajja.

Il-kontroll spiritwali jberikna biex nibqgħu kalmi u ffokati fuq l-aktar ħwejjeġ importanti, speċjalment meta nkunu taħt pressjoni. Il-President Hugh B. Brown għallem, “Il-fidi f’Alla u fit-trijonf aħħari tas-sewwa, jikkontribwixxi għall-kontroll mentali u spiritwali meta niffaċċjaw xi diffikultà.”1

Il-President Russell M. Nelson huwa eżempju mill-aqwa tal-kontroll spiritwali. Darba waħda, waqt li dak li kien Dott. Nelson kien qed jagħmel operazzjoni bypass tal-arterja koronarja, il-pazjent niżillu demmu f’daqqa. Dott. Nelson bil-kalma studja sewwa s-sitwazzjoni u identifika li wieħed mill-membri tat-tìm b’mod aċċidentali kien neħħa klamp. Dan ġie mibdul f’ħin qasir, u Dott. Nelson farraġ lill-membru ta’ dak it-tìm, billi qallu, “Xorta għadni nħobbok,” u mbagħad b’ċajta qallu, “Xi drabi nħobbok aktar minn drabi oħra!” Huwa wera kif kellek iġġib ruħek waqt emerġenza—billi żżomm il-kontroll, tiffoka biss fuq l-aktar ħwejjeġ importanti—tindirizza l-emerġenza. Il-President Nelson qal: “Huwa każ ta’ awtodixxiplina estrema. Ir-reazzjoni naturali tiegħek hi, ‘Ħallini nitlaq, kowċ! Irrid immur id-dar.’ Iżda bla dubju ma tistax tagħmel hekk. Hemm ħajja li tiddependi għal kollox fuq tìm sħiħ kirurġiku. Għalhekk jeħtieġ li tibqa’ kalm u rilassat u alert daqskemm kont qabel.”2

Bla dubju, is-Salvatur huwa l-akbar eżempju ta’ wieħed li jżomm il-kontroll.

Fil-Ġnien tal-Ġetsemani, f’agunija inimmaġinabbli, hekk kif “l-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm,”3 Huwa wriena kif għandna nżommu l-kontroll divin permezz ta’ dikjarazzjoni sempliċi iżda majestuża, “Tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.”4 Taħt pressjoni mill-aktar kbira biex iwassal is-salvazzjoni lill-umanità kollha, Ġesù wriena tliet kundizzjonijiet importanti li jgħinuna nifhmu l-kontroll kbir tiegħu. L-ewwel, Huwa kien jaf min Hu u kien leali lejn il-missjoni divina tiegħu. Imbagħad, Hu kien jaf li kien hemm pjan kbir ta’ ferħ. U finalment, kien jaf li permezz tal-Espjazzjoni infinita tiegħu, dawk kollha li b’fedeltà jorbtu lilhom infushom miegħu billi jagħmlu u jħarsu patti sagri li jirċievu permezz tal-ordinanzi tas-saċerdozju jsalvaw, kif ġejna mgħallmin illum b’mod mill-aktar sabiħ mill-Presbiteru Dale G. Renlund.

Biex naraw il-kuntrast li hemm bejn li nitilfu l-kontroll u li nżommuh, aħsbu ftit x’ġara hekk kif Kristu u l-Appostli tiegħu telqu mill-Ġnien tal-Ġetsemani. Meta affrontat mis-suldati li kienu qed jippruvaw jarrestaw lil Ġesù, ir-reazzjoni ta’ Pietru kienet li tilef il-kontroll tiegħu nnifsu u sar vjolenti billi qata’ widnet Malku, il-qaddej tal-qassis il-kbir. Ir-reazzjoni ta’ Ġesù Kristu, mill-banda l-oħra, kienet li jżomm il-kontroll tiegħu nnifsu u jġib lura l-kalma f’sitwazzjoni ta’ tensjoni billi fejjaq lil Malku.5

U għal dawk fostna li jsibuha diffiċli jżommu l-kontroll u forsi anke bdew jaqtgħu qalbhom, ikkunsidraw ftit il-kumplament tal-istorja ta’ Pietru. Ftit wara dan l-inċident u l-mument ta’ qsim il-qalb meta huwa ċaħad li kien jaf lil Kristu,6 Pietru waqaf quddiem dawk l-istess mexxejja reliġjużi li kkundannaw lis-Salvatur, u b’kontroll mill-aqwa taħt skrutinju mill-aktar intens huwa qasam testimonjanza elokwenti dwar id-divinità ta’ Ġesù Kristu.7

Kun Af Min Int u Kun Leali lejn l-Identità Divina Tiegħek

Ejjew nikkunsidraw l-elementi tal-kontroll Kristjan. L-ewwel ħaġa, li nkunu nafu min aħna u nkunu leali lejn l-identità divina tagħna jwasslilna l-kalma. Il-kontroll Kristjan jeħtieġ li nevitaw li nqabblu lilna nfusna ma’ ħaddieħor jew li nippretendu li aħna dak li m’aħniex.8 Joseph Smith għallem, “Jekk il-bnedmin ma jifhmux il-karattru ta’ Alla, huma ma jifhmux lilhom infushom.”9 Mhux possibbli li jkollna kontroll divin mingħajr ma jkollna l-għarfien li aħna wlied divini ta’ Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba.

Fid-diskors tiegħu “Għażliet għall-Eternità,” il-President Nelson għallem dawn il-veritajiet eterni dwar min aħna: aħna wlied Alla, aħna wlied tal-patt, u aħna dixxipli ta’ Kristu. Imbagħad Huwa wiegħed, “Hekk kif intom tħaddnu dawn il-veritajiet, Missierna fis-Smewwiet jgħinkom tilħqu l-għan aħħari tagħkom li tgħixu għal dejjem fil-preżenza mqaddsa tiegħu.”10 Aħna verament esseri spiritwali divini li qed nesperjenzaw esperjenza mortali. Li nkunu nafu min aħna u li nkunu leali lejn dik l-identità divina huma s-sisien tal-iżvilupp tal-kontroll Kristjan.

Kun Af li Hemm Pjan Divin

It-tieni, li niftakru li hemm pjan grandjuż jagħtina l-kuraġġ u l-kontroll f’kundizzjonijiet diffiċli. Nefi seta’ “jmur u jagħmel”11 kif ordnalu l-Mulej “mingħajr ma kien jaf minn qabel”12 x’kien dak li kellu jagħmel għax hu kien jaf li kien se jiġi mmexxi mill-Ispirtu, fit-twettiq tal-pjan etern ta’ Missier fis-Smewwiet kollu mħabba. Il-kontroll niksbuh meta naraw l-affarijiet minn perspettiva eterna. Il-Mulej talab lid-dixxipli tiegħu biex jerfgħu għajnejhom”13 u “jħallu moħħom jinħakem mis-solennitajiet tal-eternità.”14 Jekk inħarsu lejn mumenti diffiċli minn perspettiva eterna, il-pressjoni li jkollna ssir privileġġ li nħobbu, inservu, ngħallmu, u mbierku. Perspettiva eterna tagħtina ċ-ċans li jkollna kontroll Kristjan.

Agħraf il-Qawwa Abilitanti ta’ Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni Tiegħu

U finalment, il-qawwa abilitanti ta’ Kristu, li saret possibbli permezz tas-sagrifiċċju espjatorju tiegħu, tagħtina l-qawwa li nibqgħu nżommu sħiħ u noħorġu rebbieħa. Grazzi għal Ġesù Kristu aħna nistgħu nagħmlu patt ma’ Alla u niksbu l-qawwa li nħarsu dak il-patt. Aħna nistgħu nintrabtu mas-Salvatur b’mod hieni u kalm, minkejja ċ-ċirkustanzi temporali tagħna.15 Alma kapitlu 7 nitgħallmu b’mod sabiħ dwar il-qawwa abilitanti ta’ Kristu. Minbarra li jifdina mid-dnub, is-Salvatur jista’ jsaħħaħna fid-dgħufija, fil-biżgħat, u fl-isfidi tagħna f’din il-ħajja.

Hekk kif aħna niffokaw fuq Kristu, aħna nistgħu nsikktu l-biżgħat tagħna, hekk kif għamel il-poplu ta’ Alma ġewwa Ħelam.16 Hekk kif bdiet riesqa armata li riedet teqridhom, dawk id-dixxipli fidili ta’ Kristu baqgħu jżommu l-kontroll. Il-Presbiteru David A. Bednar għallem: “Alma talab lill-fidili biex jiftakru fil-Mulej u fil-ħelsien li Hu biss seta’ jwasslilhom (ara 2 Nefi 2:8). U l-għarfien li l-Mulej jinsab iħarishom u jipproteġihom wassal lin-nies sabiex isikktu l-biżgħat tagħhom.”17 Dan huwa eżempju ċar ta’ kif iżżomm il-kontroll.

Is-Setgħan fil-Maltemp

Noè għallimna ħafna dwar is-sabar fil-maltemp, iżda s-Salvatur kien l-akbar għalliem dwar kif nibqgħu għaddejjin fil-maltemp. Huwa s-setgħan fil-maltemp. Wara jum sħiħ jgħallem mal-Appostli tiegħu, is-Salvatur ħass il-ħtieġa li jistrieħ xi ftit u ssuġġerixxa li huma jaqsmu bid-dgħajsa lejn in-naħa l-oħra tal-Baħar tal-Galilija. Hekk kif is-Salvatur kien qiegħed jistrieħ, qamet maltempata kbira. Hekk kif ir-riħ u l-mewġ poġġew id-dgħajsa fil-periklu li setgħet tegħreq, l-Appostli bdew jibżgħu li jitilfu ħajjithom. U tinsewx li ħafna minn dawk l-Appostli kienu sajjieda li kienu mdorrijin sewwa bil-maltemp fuq dak il-baħar! Madankollu, huma bdew jinkwetaw,18 u qajmu lill-Mulej u staqsewh, “Mulej, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” Mbagħad, b’kontroll mill-aktar eżemplari, is-Salvatur “qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar, Iskot! U r-riħ waqaf u waqgħet … kalma kbira.”19

U mbagħad lill-Appostli tiegħu għallimhom lezzjoni importanti dwar il-kontroll. Hu qalilhom, “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”20 Hu kien qed ifakkarhom li Hu kien is-Salvatur tad-dinja, u li Hu kien mibgħut mill-Missier biex iġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna ta’ wlied Alla. Bla dubju, Bin Alla żgur li ma kienx se jegħreq fuq dgħajsa. Hu kien eżempju perfett ta’ kontrol divin għax kien jaf dwar id-divinità tiegħu u kien jaf li kien hemm pjan tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni u kemm kienet se tkun essenzjali l-Espjazzjoni tiegħu għas-suċċess etern ta’ dak il-pjan.

Hu permezz ta’ Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu li niksbu kull ħaġa tajba f’ħajjitna. Hekk kif niftakru min aħna, nagħrfu li hemm pjan ta’ ħniena divin, u nagħmlu l-kuraġġ fil-qawwa tal-Mulej, aħna kapaċi nagħmlu kollox. Aħna niksbu l-kalma. Aħna nkunu nisa u rġiel twajba f’kwalunkwe maltempata.

Jalla aħna nfittxu l-barkiet tal-kontroll Kristjan, mhux biss biex ngħinu lilna nfusna fi żminijiet diffiċli, iżda biex inbierku lil oħrajn u ngħinuhom waqt il-maltemp f’ħajjithom. Illum lejlet Ħadd il-Palm, jiena nixhed b’ferħ dwar Ġesù Kristu. Huwa Qam. Jiena nixhed dwar il-paċi, il-kalma, u l-kontroll divin li Hu biss jista’ jwasslilna f’ħajjitna u nagħmel dan f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Hugh B. Brown, f’Conference Report, Ott. 1969, 105.

  2. Ara Sheri Dew, Insights from a Prophet’s Life: Russell M. Nelson (2019), 66–67.

  3. Joseph Smith Translation, Luqa 22:44 (f’ Luqa 22:44, nota f’qiegħ il-paġna b).

  4. Luqa 22:42.

  5. Ara Luqa 22:50–51; Ġwanni 18:10–11.

  6. Ara Mattew 26:34–35, 69–75.

  7. Ara Atti 4:8–10; Neal A. Maxwell, “Content with the Things Allotted unto Us,” Ensign, Mejju 2000, 74; Liahona, Lulju 2000, 89: “Meta nkunu allinjati spiritwalment, aħna nistgħu nuru l-kontroll anke meta ma nkunux nafu ‘t-tifsira ta’ kull ħaġa’ (1 Nefi 11:17).”

  8. Ara John R. Wooden, Wooden on Leadership (2005), 50: “Jiena niddefinixxi kontroll bħala li tkun leali lejk innifsek, ma titħawwadx, ma ċċedix, jew titlef il-bilanċ, minkejja ċ-ċirkustanzi jew is-sitwazzjoni. Din taf tinstama’ bħala xi ħaġa faċli, iżda Kontroll jaf ikun kwalità mill-aktar elużiva f’mumenti diffiċli. Il-mexxejja li neqsin mill-kontroll jitħawdu meta jkunu taħt pressjoni.

    “Il-kontroll ifisser li żżomm sod ma’ dak li temmen u taġixxi skont li temmen, minkejja kemm taf tkun ħażina jew tajba s-sitwazzjoni. Il-kontroll ifisser li tevita li toqgħod tippoża jew tippretendiha, li tevita tqabbel lilek innifsek ma’ ħaddieħor, u li tevita taġixxi ta’ xi ħadd li m’intix. Il-kontroll ifisser li jkollok qalb qalbiena f’kull ċirkustanza.”

  9. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 40.

  10. Russell M. Nelson, “Choices for Eternity” (devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 15 ta’ Mejju, 2022), broadcasts.churchofJesusChrist.org.

  11. 1 Nefi 3:7.

  12. 1 Nefi 4:6.

  13. Ġwanni 4:35.

  14. Doctrine and Covenants 43:34; ara wkoll James E. Faust, “The Dignity of Self,” Ensign, Mejju 1981, 10: “Id-dinjità tagħna nfusna tissaħħaħ ferm billi nħarsu lejn is-smewwiet fit-tfittxija tagħna għall-qdusija. Bħas-siġar ġganteski, jeħtieġ li dejjem inħarsu ’l fuq lejn id-dawl. L-aktar sors importanti ta’ dawl li nistgħu niskopru huwa d-don tal-Ispirtu s-Santu. Huwa s-sors tal-qawwa u l-paċi ta’ ġo fina.”

  15. Ara Russell M. Nelson, “Il-Ferħ u s-Sopravivenza Spiritwali,” Liahona, Nov. 2016, 82: “Għeżież ħuti, il-ferħ li nħossu ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda jiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ħajjitna.”

  16. Ara Mosija 23:27–28.

  17. David A. Bednar, “Għalhekk Huma Siktu l-Biżgħat Tagħhom,” Liahona, Mejju 2015, 46–47.

  18. Ara Jeffrey R. Holland, Our Day Star Rising: Exploring the New Testament with Jeffrey R. Holland (2022), 61–62: “Barra minn hekk, miegħu kien hemm nies ta’ esperjenza—ħdax mit-Tnax oriġinali kienu mill-Galilija (Ġuda l-Iskarjota biss kien mill-Lhudija). U sitta minn dawk il-ħdax kienu sajjieda. Huma kienu jgħixu fuq dan il-lag. Huma kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom billi jistadu fih. Kienu ilhom hemm minn meta kienu tfal. Missirijiethom kienu jqabbduhom jirranġaw ix-xbiek u jsewwu d-dgħajsa meta kienu għadhom żgħar ħafna. Kienu jafuh sew dan il-baħar; kienu jafu l-irjieħ u l-mewġ. Huma nies ta’ ċerta esperjenza—madankollu huma mimlijin biża’. U jekk huma qed jibżgħu, din hi maltempata ta’ vera.”

  19. Ara Mark 4:35–39.

  20. Mark 4:40.