Konferenza Ġenerali
Moħħi Ggranfa ma’ Dan il-Ħsieb ta’ Ġesù Kristu
konferenza ġenerali April 2023


Moħħi Ggranfa ma’ Dan il-Ħsieb ta’ Ġesù Kristu

Hekk kif intom tkomplu tiggranfaw sew ma’ Ġesù Kristu, inwegħidkom li intom mhux biss ikollkom gwida divina iżda wkoll qawwa divina.

F’dan iż-żmien sabiħ tal-Għid, intenni t-talba ta’ din l-għanja mill-aqwa, “Iggwidana, O kbir Jaħweh.”1

Hemm storja meraviljuża fil-Ktieb ta’ Mormon li titkellem dwar wieħed żagħżugħ li ġej minn familja prominenti jismu Alma li l-iskrittura tiddeskrivih bħala bniedem bla fidi u jqim l-idoli.2 Hu kien raġel artikolat u li kapaċi jikkonvinċi, billi juża kliem ħelu biex jipperswadi lil ħaddieħor biex jimxu warajh. Ħaġa tal-għaġeb, deher anġlu lil Alma u sħabu. Alma waqa’ mal-art u tant ħassu bla saħħa li ma felaħx jimxi u kellhom iġorruh sad-dar ta’ missieru. Huwa baqa’ bħallikieku kien f’koma għal tlett ijiem.3 Aktar tard, huwa spjega li filwaqt li għal dawk ta’ madwaru deher mitluf minn sensih, moħħu kien qed jaħdem sew waqt li ruħu kienet fi stat ta’ niket, filwaqt li beda jaħseb dwar il-ħajja li għadda jinjora l-kmandamenti ta’ Alla. Huwa semma li moħħu kien “ittormentat bil-memorja tal-ħafna dnubiet tiegħu”4 u “ttorturat minn turment bla tmiem.”5

Fl-istat ta’ disprament li kien fih, hu ftakar li f’żogħżitu kien ġie mgħallem dwar “il-miġja ta’ wieħed jismu Ġesù Kristu, Iben Alla, biex ipatti għad-dnubiet tad-dinja.”6 Imbagħad huwa għamel din id-dikjarazzjoni mill-aktar konvinċenti: “Hekk kif moħħi ggranfa ma’ dan il-ħsieb, jiena tlabt f’qalbi: O Ġesù, Inti Bin Alla, ikollok ħniena minni.”7 Hekk kif huwa talab għall-qawwa divina tas-Salvatur, seħħet xi ħaġa mirakoluża: “Meta feġġ dan il-ħsieb,” huwa qal, “jiena ma bqajtx niftakar aktar l-uġigħ tiegħi.”8 F’daqqa waħda huwa ħass fih paċi u tama. “Ma jista’ jkun hawn xejn aktar skwiżit u ħelu mill-hena li ħassejt,”9 huwa ddikjara.

Alma “ggranfa ma’” l-verità ta’ Ġesù Kristu. Jekk nużaw il-kelma “ggranfa” f’sens fiżiku, nistgħu ngħidu, “Huwa ggranfa mal-poġġaman hekk kif kien se jaqa’,” jiġifieri huwa dlonk ħareġ idejh u żamm sew ma’ xi ħaġa li tinsab imwaħħla ma’ pedament sod.

Fil-każ ta’ Alma, kien moħħu li ggranfa u żamm sew ma’ din il-verità mill-aktar importanti tas-sagrifiċċju espjatorju ta’ Ġesù Kristu. Peress li aġixxa b’fidi skont dik il-verità, u bil-qawwa u l-grazzja ta’ Alla, huwa nħeles mid-disprament u mtela bit-tama.

Filwaqt li l-esperjenzi tagħna jafu ma jkunux drammatiċi daqs ta’ Alma, madankollu huma għandhom l-istess sinifikat etern. Moħħna wkoll “iggranfa ma’ dan il-ħsieb” ta’ Ġesù Kristu u s-sagrifiċċju ħanin tiegħu, u wara ħassejna ruħna mimlija tama u hena.

Inħarsu l-Ħsieb ta’ Ġesù Kristu

It-talba tiegħi f’dan iż-żmien tal-Għid hi li aħna kuxjenzjożament infasslu, insaħħu, u nħarsu dan il-ħsieb prominenti ta’ Ġesù Kristu fil-ġewwieni ta’ ruħna,10 u nagħtuh iċ-ċans biex jiċċirkola b’qawwa ġewwa moħħna, u jiggwidana f’dak li naħsbu u nagħmlu, u kontinwament iwasslilna l-hena ħelwa tal-imħabba tas-Salvatur.11

Li nimlew moħħna bil-qawwa ta’ Ġesù Kristu ma jfissirx li Hu huwa l-uniku ħsieb li għandna f’moħħna. Iżda jfisser li ħsibijietna huma ċirkoskritti f’imħabbtu, fil-ħajja u t-tagħlim tiegħu, u fis-sagrifiċċju espjatorju u l-Qawmien glorjuż tiegħu. Ġesù qatt ma jkun moħbi f’xi rokna, għaliex il-ħsibijiet tagħna fuqu huma dejjem preżenti u “dak kollu li hemm ġo fina lilu jqim”12 Aħna nitlobu u ntennu f’moħħna esperjenzi li ressquna eqreb tiegħu. Aħna nilqgħu f’moħħna xbihat divini, skrittura mqaddsa, u għanjiet ispirati li jkunu għalina ta’ balzmu ħelu għall-għadd kbir ta’ ħsibijiet li ta’ kuljum feġġu fil-ħajja mgħaġġla tagħna. Imħabbitna lejh ma teżentaniex mid-diqa u n-niket f’din il-ħajja mortali, iżda tagħtina ċ-ċans li nibqgħu għaddejjin qalb l-isfidi b’qawwa lil hinn mill-qawwa tagħna.

Ġesù, jekk biss naħseb fuqek

Inħoss qalbi timtela bil-ħlewwa;

Iżda ferm akbar il-ħlewwa meta nara wiċċek

U fil-preżenza tiegħek nithenna.13

Ftakru, intom ulied spirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet. Kif spjega l-Appostlu Pawlu, aħna “nisel Alla.”14 Intom għextu bl-identità individwali tagħkom żmien twil qabel ma ġejtu f’din id-dinja. Missierna fassal pjan perfett għalina biex niġu f’din id-dinja, nitgħallmu, u nerġgħu lura ħdejh. Huwa bagħat lil Ibnu l-Maħbub biex permezz tal-qawwa tal-Espjazzjoni infinita u l-Qawmien tiegħu, aħna ngħixu lil hinn mill-qabar; u hekk kif aħna lesti li neżerċitaw il-fidi fih u nindmu minn dnubietna,15 aħna niksbu l-maħfra u nirċievu t-tama tal-ħajja ta’ dejjem.16

Nagħtu Attenzjoni mill-Aktar Speċjali lil Moħħna u l-Ispirtu Tagħna

F’din il-ħajja mortali, moħħna u l-ispirtu tagħna jeħtieġu attenzjoni eċċezzjonali.17 Moħħna jagħtina ċ-ċans li ngħixu, nagħżlu, u nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin.18 L-ispirti tagħna jirċievi x-xhieda konfermattiva li Alla huwa Missierna, li Ġesù Kristu hu Iben Alla, u li t-tagħlim tagħhom huwa l-gwida tagħna għall-ferħ f’din il-ħajja u l-ħajja ta’ dejjem lil hinn mill-qabar.

Moħħ Alma ggranfa mal-ħsieb ta’ Ġesù Kristu. Dan wassal biex seħħet bidla f’ħajtu. Il-konferenza ġenerali hija żmien biex fih nifhmu x’iridna nagħmlu u nsiru l-Mulej. Huwa żmien ukoll biex nirriflettu fuq il-progress tagħna. Hekk kif l-assenjazzjonijiet tiegħi ħaduni madwar id-dinja, jien stajt nosserva qawwa spiritwali akbar fil-membri tajbin u devoti tal-Knisja.

Ħames snin ilu, aħna ġejna mitlubin biex inpoġġu lis-Salvatur f’post aktar prominenti f’dak kollu li nagħmlu billi nużaw il-veru isem tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.19 Aħna qed inlissnu ismu b’aktar ħerqa.

Erba’ snin ilu, meta naqqasna l-ħin tal-laqgħa tas-sagrament tagħna, aħna żidna l-attenzjoni tagħna fuq il-parteċipazzjoni tagħna fis-sagrament tal-Mulej. Aħna qed naħsbu aktar dwar Ġesù Kristu u qed nieħdu l-wegħda tagħna li dejjem niftakru fih b’aktar serjetà.20

Bl-iżolament tal-pandemija dinjija u bl-għajnuna ta’ Come, Follow Me, it-tagħlim tas-Salvatur qed isir aktar prominenti fi djarna, fejn qed jgħinna fil-qima tagħna tas-Salvatur matul il-ġimgħa.

Jekk nimxu wara l-parir tal-President Russell M. Nelson biex “nisimgħuh,”21 aħna nirraffinaw l-abbiltà tagħna li nagħrfu l-leħen sieket tal-Ispirtu s-Santu u naraw id il-Mulej f’ħajjitna.

Bit-tħabbira u t-tlestija ta’ għexieren ta’ tempji, aħna qed nidħlu aktar ta’ spiss fid-dar tal-Mulej u nirċievu l-barkiet imwiegħda tiegħu. Aħna qed inħossu b’aktar qawwa s-sbuħija traxxendenti tas-Salvatur u l-Feddej tagħna.

Il-President Nelson qal: “Mhix xi ħaġa faċli jew awtomatika li aħna nsiru dixxipli mimlijin qawwa. Jeħtieġ li aħna nkunu ffokati sewwa fuq is-Salvatur u l-evanġelju Tiegħu. Hemm bżonn ta’ sforz mentali min-naħa tagħna biex aħna nibqgħu dejjem inħarsu lejh f’ kull ħsieb.”22

Jekk niffokaw l-attenzjoni tagħna fuq Ġesù Kristu, kull ħaġa oħra madwarna—minkejja li tkun għadha hemm—nibdew inħarsu lejha permezz tal-imħabba tagħna lejh. Distrazzjoni oħra anqas importanti tibda’ tgħib, u aħna nwarrbu dawk il-ħwejjeġ li mhumiex f’armonija mad-dawl u l-karattru tiegħu. Hekk kif intom tkomplu tiggranfaw sew ma’ dan il-ħsieb ta’ Ġesù Kristu, tafdaw fih, u tħarsu l-kmandamenti tiegħu, inwegħidkom li intom mhux biss ikollkom gwida divina iżda wkoll qawwa divina—qawwa li ssaħħaħ aktar il-patti tagħkom, twasslilkom il-paċi waqt id-diffikultajiet tagħkom, u l-hena fil-barkiet tagħkom.

Ftakru f’Ġesù Kristu

Ftit tal-ġimgħat ilu, jien u Kathy morna nżuru d-dar ta’ Matt u Sarah Johnson. Mal-ħajt kien hemm ritratt tal-familja prezzjuża tagħhom, immaġni sabiħa tas-Salvatur, u stampa tat-tempju.

L-erbat ibniet tagħhom, Maddy, Ruby, Claire, u June tkellmu bil-ferħ dwar kemm kienu jħobbu lil ommhom.

Għal aktar minn sena Sarah għamlet appuntament biex kull nhar ta’ Sibt il-familja tagħha jattendu t-tempju flimkien ħalli t-tfal ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-magħmudijiet għall-membri tal-familja li kienu jgħixu qabel.

F’Novembru tas-sena l-oħra, Sarah għamlet appuntament it-tempju għall-aħħar ġimgħa ta’ Diċembru, fil-jum tal-Ħamis minflok is-Sibt. “Nittama li mhux problema għalik,” qalet lil Matt.

Sarah qalulha li għandha kanċer, iżda t-tobba antiċipaw li hija kienet se tgħix xi sentejn jew tliet snin oħra. Waqt il-laqgħa tas-sagrament, Sarah qasmet it-testimonjanza qawwija tagħha, li fiha qalet li jkun xi jkun il-futur għaliha, hija tħobb lis-Salvatur b’qalbha kollha, u li “r-rebħa diġà ntrebħet” minnu. Hekk kif Diċembru beda jgerbeb, bla mistenni s-saħħa ta’ Sarah f’kemm ili ngħidlek marret lura, u hi ddaħħlet l-isptar. Fl-għodwa bikrija tal-Ħamis, 29 ta’ Diċembru, hija fis-skiet temmet l-esperjenza mortali tagħha. Matt għadda l-lejl kollu ħdejn Sarah.

B’qalbu maqsma, u maħkum kompletament minn għajja fiżika u emozzjonali, huwa wasal lura d-dar, maħkum minn diqa kbira flimkien ma’ wliedu. Hekk kif Matt ħares lejn il-mowbajl tiegħu, innota li beda jfakkru dwar l-appuntament mhux tas-soltu għall-Ħamis li Sarah kienet għamel mat-tempju għal aktar tard f’dak il-jum. Matt qal,”Hekk kif rajtu, għidt lili nnifsi, Żgur li dan mhux il-mument.”

Iżda mbagħad moħħ Matt ggranfa ma’ dan il-ħsieb: “Is-Salvatur jgħix. M’hawnx post aħjar li nistgħu nkunu fih bħala familja mid-dar imqaddsa tiegħu.”

Immaġni
Il-familja Johnson

Matt, Maddy, Ruby, Claire, u June waslu t-tempju għall-appuntament li Sarah kienet għamlet għalihom. Bid-dmugħ niżel ma’ ħaddejh, Matt wettaq il-magħmudijiet flimkien ma’ wliedu. Huma ħassew b’qawwa mħabbithom għal Sarah u r-rabta eterna tagħhom magħha, u ħassew l-imħabba immensa u l-paċi li tfarraġ tas-Salvatur. Matt bil-ħlewwa qal, “Filwaqt li qed inħoss fija niket u dulur mill-aktar kbir, jiena qed ngħajjat bil-ferħ, għax naf bil-pjan meraviljuż tas-salvazzjoni ta’ Missieri.”

F’dan iż-żmien tal-Għid, jiena nagħti x-xhieda tiegħi dwar il-verità sħiħa u assoluta tas-sagrifiċċju espjatorju tas-Salvatur u tal-Qawmien glorjuż tiegħu. Hekk kif moħħkom jibqa’ ggranfat b’qawwa u għal dejjem mal-ħsieb ta’ Ġesù Kristu, u hekk kif intom tkomplu tiffokaw ħajjitkom b’mod aktar sħiħ fuq is-Salvatur, inwegħidkom li intom tħossu fikom it-tama tiegħu, il-paċi tiegħu, u l-imħabba tiegħu. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. “Guide Us, O Thou Great Jehovah,” Hymns, no. 83.

  2. Ara Mosija 27:8.

  3. Ara Alma 36:10.

  4. Alma 36:17.

  5. Alma 36:12.

  6. Alma 36:17.

  7. Alma 36:18. Id-darba l-oħra fejn “ggranfa” tintuża fil-Ktieb ta’ Mormon hu meta qed jirreferi għal dawk li “ggranfaw ma’ tarf il-bastun tal-ħadid” (1 Nefi 8:24, 30).

  8. Alma 36:19.

  9. Alma 36:21.

  10. “L-akbar battalja tal-ħajja tiġġilduha fis-skiet tal-ġewwieni ta’ ruħkom” (David O. McKay, f’Conference Report, Apr. 1967, 84).

  11. “Il-ħsibijiet iħaddmu kull għemil. Ħsibijietna huma s-switchboard, il-control panel li jmexxi għemilna” (Boyd K. Packer, That All May Be Edified [1982], 33).

    Il-President Dallin H. Oaks għallem: “Aħna nistgħu nissopressaw ix-xewqat ħżiena u minflokhom inħaddnu dawk tajbin. Dan jinvolvi l-edukazzjoni u l-prattika. Il-President Joseph F. Smith għallem li “l-edukazzjoni … tax-xewqat tagħna hija waħda ta’ importanza ferm kbira’” (Pure in Heart [1988], 149).

  12. “Praise to the Lord, the Almighty,” Hymns, no. 72.

  13. “Jesus, the Very Thought of Thee,” Hymns, no. 141.

  14. Atti 17:29.

  15. Ara Doctrine and Covenants 58:42–43.

  16. Ara Doctrine and Covenants 14:7.

  17. “M’hawn ħadd ħlief Alla li jaf ħsibijietek u l-intenzjonijiet ta’ qalbek” (Doctrine and Covenants 6:16).

  18. “Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm” (Luqa 6:45).

  19. Ara Russell M. Nelson, “L-Isem Korrett tal-Knisja,” Liahona, Nov. 2018, 87–89.

  20. Il-patti tagħna kull ġimgħa fit-talb tas-sagrament hu li aħna “dejjem niftakru fih” (Moroni 4:3; Doctrine and Covenants 20:77). Il-Ktieb ta’ Mormon iħeġġiġna billi juża din il-kelma darbtejn, waħda wara l-oħra: “ftakru, ftakru” (Mosija 2:41; Alma 37:13; Ħelaman 5:9). Aħna nistgħu niftakru spiritwalment permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu: U “Hu jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom” (Ġwanni 14:26).

  21. Russell M. Nelson, “Isimgħuh,” Liahona, Mejju 2020, 90.

  22. Russell M. Nelson, “Nirċievu l-Qawwa ta’ Ġesù Kristu f’Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2017, 41. Il-President Nelson qal ukoll, “L-hena li [l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien] jħossu ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda jiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ħajjitna” (“Il-Ferħ u s-Sopravivenza Spiritwali,” Liahona, Nov. 2016, 82).