Konferenza Ġenerali
L-Ikbar Ġrajja tal-Għid Qatt Irrakkontata
konferenza ġenerali April 2023


L-Ikbar Ġrajja tal-Għid Qatt Irrakkontata

Ħarsu lejn il-Ktieb ta’ Mormon f’dawl ġdid u ikkonsidraw ix-xhieda profonda li jagħti ta’ Kristu mqajjem mill-mewt.

Ittra tal-Ewwel Presidenza dwar l-Għid

Aktarx li intom tiftakru l-mument meta smajtu ittra mill-Ewwel Presidenza tinqara fil-qasam jew il-fergħa tagħkom bosta ġimgħat ilu. Dik l-ittra ħabbret li l-Ħadd li ġej—Ħadd il-Għid—l-oqsma u l-fergħat kollha għandhom jiltaqgħu għal-laqgħa tas-sagrament biss, u hekk iħallu iktar ħin għall-qima fid-dar bħala familji sabiex jikkommemoraw din l-iktar festa importanti.1

L-ittra tal-Ewwel Presidenza ġibditli l-attenzjoni u ġegħilitni nirrifletti fuq il-mod li bih il-familja tagħna ċċelebrat l-Għid matul is-snin. Iktar ma ħsibt dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tagħna, iktar ma bdejt nistaqsi lili nnifsi jekk aħniex bla ma nintebħu nnaqqsu mis-sinifikat veru ta’ din il-festa, tant ċentrali għal dawk kollha li jemmnu f’Ġesù Kristu.

It-Tradizzjonijiet tal-Milied u l-Għid

Dawn il-ħsibijiet wassluni biex nixtarr dwar id-differenza bejn il-mod li bih iċċelebrajna l-Milied meta mqabbel mal-Għid. Matul Diċembru, b’xi mod jirnexxielna ninkorporaw il-ferħ ta’ “Jingle Bells,” il-kalzetta tal-Milied, u rigali flimkien ma’ affarjiet oħra u iktar sinifikattivi—bħal ngħidu aħna li nindokraw lil dawk li huma fil-bżonn, inkantaw il-kanzunetti u l-għanjiet favoriti tagħna, u naturalment niftħu l-iskrittura u naqraw l-istorja tal-Milied f’Luqa 2. Kull sena hekk kif naqraw din l-istorja għażiża minn Bibbja kbira u antika, aħna fil-familja tagħna nagħmlu dak li probabbli jagħmlu l-familji tagħkom—rasna u spallejna mgeżwrin b’xugamani u bil-ġagagi tal-banju taparsi Ġużeppi, Marija, u l-bosta li marru biex iqimu lit-tarbija Ġesù, aħna nirreċtaw l-istorja tant sabiħa tal-Milied dwar it-twelid tas-Salvatur.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid fil-familja tagħna, madanakollu, huma kemmxejn differenti. Inħoss li l-familja tagħna baqgħet iktar fuq “li mmorru l-knisja” dak nhar ta’ Ħadd speċjali biex tagħti l-parti sinifikattiva, u ċċentrata fuq Kristu, tal-Għid; u mbagħad, bħala familja, aħna nġbarna biex nipparteċipaw fi tradizzjonijiet oħra relatati mal-Għid. Kemm ħadt gost nara lil uliedi u issa lin-neputijiet tagħna jfittxu l-bajd tal-Għid u jqallbu fil-basktijiet tal-Għid.

Imma l-ittra tal-Ewwel Presidenza kienet sejħa ta’ twissija. Mhux talli stiednu lilna lkoll biex nassiguraw li ċ-ċelebrazzjoni tagħna tal-iktar avveniment importanti li qatt seħħ f’din id-dinja—l-Espjazzjoni u l-Qawmien mill-Mewt ta’ Ġesù Kristu—tinkludi r-reverenza u rispett li jixraqlu l-Mulej, talli wkoll tawna iktar ħin mal-familja u l-ħbieb tagħna f’Ħadd il-Għid biex nagħmlu dan.

Immaġni
Is-Salvatur imqajjem mill-imwiet

Dan il-kliem tal-Profeta Joseph Smith ikompli jagħti iktar kuntest lis-sinifikat tal-avvenimenti tal-ġrajja tal-Għid: “Il-prinċipji fundamentali tar-reliġjon tagħna huma t-testimonjanza tal-Appostli u l-Profeti, dwar Ġesù Kristu, li Huwa miet, ġie midfun, u reġa’ qam fit-tielet jum, u tela’ s-sema; u kull ħaġa oħra marbuta mar-reliġjon tagħna hija biss żieda ma’ dan.”2

Lesa u jien iddiskutejna modi kif il-familja tagħna tista’ tqatta’ aħjar l-istaġun tal-Għid. Forsi l-mistoqsija li staqsejna lilna nfusna hija waħda li aħna lkoll nistgħu nikkontemplaw: Kif nimmudellaw it-tagħlim u ċ-ċelebrazzjoni tal-Qawmien mill-Mewt ta’ Ġesù Kristu, il-ġrajja tal-Għid, bl-istess bilanċ, milja, u t-tradizzjoni reliġjuża rikka tat-twelid ta’ Ġesù Kristu, il-ġrajja tal-Milied?

Jidher li lkoll kemm aħna qed nippruvaw. Qed nosserva sforz li qed jiżdied fost Qaddisin tal-Aħħar Żmien lejn Għid iktar iċċentrat fuq Kristu. Dan jinkludi għarfien aħjar u iktar profond ta’ Ħadd il-Palm u tal-Ġimgħa l-Kbira kif prattikati minn xi wħud mill-kuġini Kristjani tagħna. Nistgħu naddottaw ukoll tradizzjonijiet xierqa tal-Għid li huma ċċentrati fuq Kristu u misjuba f’kulturi u drawwiet minn pajjiżi madwar id-dinja kollha.

L-istudjuż tat-Testment il-Ġdid, N. T. Wright, issuġġerixxa: “Jeħtieġ li nieħdu passi biex niċċelebraw l-Għid b’modi kreattivi ġodda: fl-arti, letteratura, logħob tat-tfal, poeżiji, mużika, żfin, festivals, qniepen, kunċerti speċjali. … Dan hu l-ikbar festival tagħna. Aqta’ l-Milied, u f’termini bibbliċi titlef żewġ kapitli mill-bidu ta’ Mattew u Luqa, u xejn iżjed. Aqta’ l-Għid, u m’għandekx Testment il-Ġdid; m’għandekx Kristjanità.”3

L-Għid, il-Bibbja u l-Ktieb ta’ Mormon

Aħna ngħożżu l-Bibbja għal dak kollu li tgħallimna dwar it-twelid, il-ministeru, il-Kruċifissjoni, u l-Qawmien mill-Mewt ta’ Ġesù Kristu. L-ebda tliet kelmiet ma jħaddnu fihom iktar tama u konsegwenza eterna għall-umanità kollha minn dawk li qal l-anġlu tas-smewwiet fl-għodwa tal-Għid ħdejn il-Qabar tal-Ġnien: “Għax huwa qam.”4 Aħna ninsabu profondament grati għall-iskrittura tat-Testment il-Ġdid li tippreserva l-ġrajja tal-Għid u l-ministeru tal-Għid tas-Salvatur fil-Lhudija u l-Galilija.

Hekk kif Lesa u jien komplejna nixtarru u nfittxu modi kif nespandu ċ-ċelebrazzjoniiet tal-Għid tal-familja tagħna biex dawn ikunu iktar iċċentrati fuq Kristu, aħna ddiskutejna liema tradizzjoni ta’ qari nistgħu forsi nintroduċu mal-familja tagħna—il-Luqa 2 ekwivalenti għall-Għid, biex ngħidu hekk.

U mbagħad kellna din l-epifanija tas-smewwiet: Apparti l-versi dwar l-Għid fit-Testment il-Ġdid, aħna l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien aħna ddotati b’rigal tal-Għid mill-aqwa! Rigal ta’ xhieda unika, testment ieħor tal-miraklu tal-Għid li ġo fih insibu dak li aktarx huwa l-ikbar skrittura tal-Għid fil-Kristjanità kollha. Qed nirreferi ovvjament għall-Ktieb ta’ Mormon, u iktar speċifikament, għan-narrattiva ta’ kif Ġesù Kristu deher lil abitanti tad-Dinja l-Ġdida, fil-glorja tiegħu bħala esseru mqajjem mill-imwiet.

Il-Profeta Joseph Smith iddeskriva l-Ktieb ta’ Mormon bħala “l-aktar korrett fost kwalunkwe ktieb”5 u minn 3 Nefi 11, jitkellem dwar il-ġrajja manifika taż-żjara ta’ Kristu mqajjem mill-mewt fost in-Nefiti, il-ministeru tal-Għid tas-Salvatur. Din l-iskrittura tal-Għid, tagħti xhieda tal-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej Ġesù Kristu.

F’dawn il-kapitli, Kristu jsejjaħ tnax-il appostlu, jgħallem kif għamel fid-Diskors tiegħu tal-Muntanja, iħabbar li fih ġiet fis-seħħ il-liġi ta’ Mosè, u jħabbar dwar il-ġabra ta’ Iżrael fl-aħħar żmien. Huwa jfejjaq lill-morda u jitlob għall-poplu b’mod tant glorjuż li “l-ebda lsien ma jista’ jlissen, lanqas ma jista’ jinkiteb minn xi ħadd, lanqas ma jistgħu qlub il-bnedmin jifhmu ħwejjeġ daqstant kbar u tal-għaġeb bħalma aħna rajna kif ukoll smajna lil Ġesù jlissen; u ħadd ma jista’ jifhem l-hena li mliet lil qalbna f’dak il-waqt li smajnieh jitlob għalina lill-Missier.”6

Immaġni
Ġesù Kristu jidher lin-Nefiti

Dan l-Għid, il-familja tagħna se tiffoka fuq l-ewwel 17-il vers ta’ 3 Nefi 11, li magħhom intom familjari. Tiftakru l-ġemgħa kbira miġbura madwar it-tempju fl-art ta’ Kotran li semgħet leħen Alla l-Missier u rat lil Ġesù Kristu nieżel mis-smewwiet biex jagħtina l-isbaħ stedina tal-Għid:

“Qumu u ejjew lejja, … sabiex tkunu tistgħu tħossu s-sinjali tal-imsiemer f’idejja u f’riġlejja, ħalli tkunu tafu li jiena … l-Alla tad-dinja kollha, u ġejt maqtul għad-dnubiet tad-dinja.

“U … il-miġemgħa marret għandu, … wieħed wieħed … u huma raw b’għajnejhom u ħassew b’idejhom, … u taw xhieda li kien verament hu, …

“U … ilkoll għajtu b’skont wieħed, u qalu:

“Hosanna! Imbierek l-isem ta’ Alla l-Għoli! U ntefgħu f’riġlejn Ġesù, u bdew iqimuh.”7

Immaġinaw: in-Nefiti fit-tempju sewwasew missew idejn il-Mulej imqajjem mill-mewt! Aħna nittamaw li nagħmlu dawn il-kapitli fi 3 Nefi parti mit-tradizzjoni tagħna tal-Għid daqs kemm Luqa 2 hu fit-tradizzjoni tagħna tal-Milied. Fir-realtà, il-Ktieb ta’ Mormon jaqsam magħna l-ikbar ġrajja tal-Għid qatt irrakkontata. Ejjew ma nħalluhiex issir l-ikbar ġrajja tal-Għid li qatt ma ġiet irrakkontata.

Iżda jien nistedinkom li tħarsu lejn il-Ktieb ta’ Mormon f’dawl ġdid u tikkonsidraw ix-xhieda profonda li jagħti ta’ Kristu mqajjem mill-mewt kif ukoll ir-rikkezza u l-profondità tad-duttrina ta’ Krsitu.

Il-Ktieb ta’ Mormon hu Xhieda ta’ Ġesù Kristu

Forsi nistgħu nistaqsu, Kif jista’ l-qari fil-Għid tal-iskrittura tal-Ktieb ta’ Mormon iberkilna ħajjitna u l-ħajja ta’ dawk li nħobbu b’mod sinifikattiv? Ħafna iktar milli wieħed jista’ jissoponi. Kull darba li naqraw u nistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon għandna nistennew eżitu straordinarju.

Riċentament, Lesa u jien attendejna l-funeral ta’ ħabiba għażiża, mara ta’ fidi li ħajjitha intemmet f’qasir il-għomor minħabba l-mard. Inġbarna flimkien mal-familja tagħha u ħbieb tal-qalb, u qsamna flimkien memorji għeżież ta’ din ir-ruħ twajba li tant kienet arrikitilna ħajjitna.

Hekk kif kont bilwieqfa ftit bogħod mit-tebut nitħaddet ma’ oħrajn, innutajt żewġ itfal bniet ta’ età tal-Primarja jersqu lejn it-tebut u jogħlew fuq ponot subgħajhom—b’għajnejhom kemm jilħqu it-tarf tiegħu—sabiex jagħtu l-aħħar tislima lill-maħbuba zijithom. Peress li ma kien hemm ħadd viċin, Lesa resqet lejhom u niżlet kokka ħdejhom biex tagħtihom il-faraġ u tgħallimhom. Staqsiethom kif kienu qed iħossuhom u jekk kenux jafu fejn kienet issa zijithom. Qasmu magħha n-niket tagħhom, imma mbagħad dawn il-bniet prezzjużi ta’ Alla, b’ħarsa mimlija kunfidenza, qalu li kienu jafu li zijithom kienet issa kuntenta, u li setgħet kienet ma’ Ġesù.

F’dik l-età tenera, huma sabu l-paċi fil-pjan kbir ta’ kuntentizza u, bil-mod tagħhom ta’ tfal, taw xhieda tar-realtà profonda u l-ġmiel sempliċi tal-Qawmien mill-imwiet tas-Salvatur. Kienu jafu dan f’qalbhom minħabba t-tagħlim tajjeb tal-ġenituri, tal-familja, u tal-mexxejja tal-Primarja li jħobbuhom, li jiżirgħu ż-żerriegħa ta’ fidi f’Ġesù Kristu u l-ħajja eterna. Peress li għorrief iktar minn mistenni fl-età tagħhom, ħafna mill-veritajiet li fehmu dawn il-bniet waslu għandna permezz tal-messaġġ tal-Għid u tal-ministeru tas-Salvatur imqajjem mill-imwiet u kliem il-profeti kif jingħad fil-Ktieb ta’ Mormon.

Jien osservajt lil meta l-President Russell M. Nelson jagħti bħala rigal il-Ktieb ta’ Mormon lil xi ħadd mhux tal-fidi tagħna, inkluż mexxejja internazzjonali, huwa spiss jiftaħ 3 Nefi u jaqralhom dwar id-dehra ta’ Kristu mqajjem mill-imwiet lin-Nefiti. Huwa u jagħmel dan, il-profeta ħaj huwa essenzjalment qed jagħti xhieda ta’ Kristu ħaj.

Ma nistgħux nieqfu bħala xhieda ta’ Ġesù Kristu jekk m’aħniex lesti li nixhdu għalih. Il-Ktieb ta’ Mormon huwa xhieda oħra ta’ Ġesù Kristu għaliex tul il-paġni sagri tiegħu, profeta wara l-ieħor jagħtu testimonjanza mhux biss li Kristu għandu jiġi, iżda li hu fil-fatt ġie.

Minħabba Fih

F’idi għandi kopja tal-ewwel edizzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon. Dan dejjem jemozzjonani. Matul il-maġġorparti tal-ħajja adulta tiegħi, jien kont u għadni affaxxinat, imsaħħar, u impressjonant bil-kbir b’dak li għamel it-tfajjel Joseph Smith biex dan il-ktieb sagru jiġi tradott u ppubblikat. Il-mirakli li kellhom iseħħu jgħaġġbuk meta tikkontemplahom.

Imma din mhix ir-raġuni għala dal-ktieb jemozzjonani. Ir-raġuni hija għaliex dan il-ktieb, iktar minn kull wieħed ieħor li qatt ġie ppubblikat f’din id-dinja, jagħti xhieda tal-ħajja, tal-ministeru, tat-tagħlim, tal-Espjazzjoni, u tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu. Għeżież ħuti, li tistudjaw b’mod regolari minn dan il-ktieb dwar Ġesù Kristu jibdlilkom ħajjitkom. Jiftħilkom għajnejkom għal possibbiltajiet ġodda. Iżidilkom it-tama tagħkom u jimliekom bil-karità. Fuq kollox, jibni u jsaħħaħ il-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu u jberikkom b’għarfien ċert li Hu u Missierna jafukom, iħobbukom, u jridukom issibu t-triq lura lejn id-dar, b’kapitali D.

Ħuti, wasal iż-żmien, imbassar mill-profeti tal-qedem, “meta l‑għarfien ta’ Salvatur sejjer jinfirex ma’ kull ġens, tribù, ilsien u poplu.”8 Aħna qed naraw din il-profezija tiġi fis-seħħ quddiem għajnejna stess, permezz tax-xhieda ta’ Ġesù Kristu kif insibuha fil-Ktieb ta’ Mormon.

Immaġni
Il-Mulej Ġesù Kristu

L-ebda ktieb ma jagħmel iktar biex juri li:

  • Grazzi għal Ġesù Kristu, kollox inbidel.

  • Bis-saħħa tiegħu, kollox huwa aħjar.

  • Bis-saħħa tiegħu, il-ħajja hija maniġġabbli—speċjalment f’mumenti ta’ tbatija.

  • Bis-saħħa tiegħu, kollox huwa possibbli.

Iż-żjara tiegħu bħala s-Salvatur imqajjem mill-mewt, introdott minn Alla l-Missier, huwa messaġġ tal-Għid mill-iktar glorjuż u trijonfanti. Din tgħin il-membri tal-familja tagħna stess jiksbu testimonjanza personali ta’ Ġesù Kristu bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna, li kisser irbit il-mewt.

Nagħlaq bit-testimonjanza tiegħi tal-verità tal-Ktieb ta’ Mormon u ta’ Ġesù Kristu bħala Iben Alla l-ħaj. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara l-Ittra tal-Ewwel Presidenza, 15 ta’ Frar, 2023.

  2. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 49; enfażi miżjuda.

  3. N. T. Wright, Surprised by Hope: Rethinking Heaven, the Resurrection, and the Mission of the Church (2008), 256.

  4. Mattew 28:6.

  5. Teachings: Joseph Smith, 64.

  6. 3 Nefi 17:17.

  7. Ara 3 Nefi 11:1-17.

  8. Mosija 3:20.