Skrittura
3 Nefi 11


Ġesù Kristu wera lilu nnifsu lill‑poplu ta’ Nefi, hekk kif il‑miġemgħa nġabret flimkien fl‑art ta’ Kotran, u lilhom huwa beda jaqdi; u b’dan il‑mod huwa wera lilu nnifsu lilhom.

Jibda minn kapitlu 11.

Kapitlu 11

Il‑Missier jixhed dwar Ibnu l‑Maħbub—Kristu jidher lin‑nies u jħabbrilhom l‑Espjazzjoni tiegħu—In‑nies imissu l‑marki tal‑ġrieħi f’idejh, f’riġlejh, u f’ġenbejh—Huma jgħajtu Hosanna—Huwa jippreskrivi l‑mod u l‑metodu tal‑magħmudija—L‑ispirtu tat‑tilwim ġej mix‑xitan—Id‑duttrina ta’ Kristu hi li l‑bnedmin għandhom jemmnu u jitgħammdu u jirċievu l‑Ispirtu s‑Santu. Madwar 34 W.K.

1 U issa ġara li kien hemm kotra kbira ta’ nies, minn fost il‑poplu ta’ Nefi, li nġabru flimkien madwar it‑tempju li kien fl‑art ta’ Kotran; u huma bdew jistagħġbu bejniethom u jimmeraviljaw ruħhom, u bdew juru lil xulxin il‑bidla kbira u tal‑għaġeb li kienet seħħet.

2 U huma bdew ukoll jitkellmu bejniethom dwar dan Ġesù Kristu, li dwaru kienu ngħataw sinjal relatat mal‑mewt tiegħu.

3 U ġara li waqt li kienu qed jitkellmu bejniethom, huma semgħu leħen li kien qisu ġej mis‑sema; u huma bdew iħarsu madwarhom, għax ma fehmux il‑leħen li kienu semgħu; u dan ma kienx xi leħen aħrax, lanqas ma kien xi leħen għoli; madankollu, u minkejja li kien leħen sieket huwa nifed il‑qalb ta’ dawk li semgħuh, hekk li ma kien hemm ebda parti minn ġisimhom li ma bdietx titriegħed; iva, huwa nifdilhom ruħhom, u kebbsilhom qalbhom.

4 U ġara li għal darb’oħra huma reġgħu semgħu l‑leħen, u ma fehmuhx.

5 U huma reġgħu semgħu l‑leħen għat‑tielet darba, u fetħu widnejhom biex jisimgħuh; u huma xeħtu għajnejhom lejn minn fejn kien ġej il‑ħoss; u huma bdew iħarsu bla heda lejn is‑sema, minn fejn kien ġej il‑ħoss.

6 U araw, it‑tielet darba huma fehmu l‑leħen li huma semgħu; u qalilhom:

7 Dan hu Ibni l‑Għażiż, li fih sibt l‑għaxqa tiegħi, li fih jien igglorifikajt ismi—isimgħu lilu.

8 U ġara li hekk kif huma fehmu l‑leħen huma reġgħu xeħtu ħarsithom ’il fuq lejn is‑sema; u araw, huma raw Raġel nieżel mis‑sema; u hu kien liebes libsa bajda; u huwa niżel u waqaf f’nofshom; u għajnejn il‑folla daru fuqu, u huma m’azzardawx jiftħu fommhom, lanqas bejniethom, u ma setgħux jagħrfu min kien, għax huma ħasbu li kien dehrilhom xi anġlu.

9 U ġara li huwa medd idu u kellem lin‑nies, u qal:

10 Araw, jiena Ġesù Kristu, li dwari xehdu l‑profeti li għandi niġi fid‑dinja.

11 U araw, jiena d‑dawl u l‑ħajja tad‑dinja; u jiena xrobt minn dak il‑kalċi morr li tani l‑Missier, u jien tajt glorja lill‑Missier billi ħadt fuqi d‑dnubiet tad‑dinja, u b’hekk jien għamilt ir‑rieda tal‑Missier f’kull ħaġa sa mill‑bidu.

12 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem il‑folla waqgħet kollha mal‑art; għax huma ftakru li kien ġie mħabbar fosthom li Kristu kellu juri lilu nnifsu lilhom wara t‑tlugħ tiegħu fis‑smewwiet.

13 U ġara li l‑Mulej kellimhom u qal:

14 Qumu u ersqu lejja, ħalli tkunu tistgħu tqiegħdu jdejkom fuq ġenbi, u tkunu tistgħu tmissu wkoll il‑marki tal‑imsiemer f’idejja u f’riġlejja, ħalli tkunu tistgħu tagħrfu li jiena l‑Alla ta’ Iżrael, u l‑Alla tad‑dinja kollha, u li jiena ġejt maqtul għad‑dnubiet tad‑dinja.

15 U ġara li l‑folla resqet lejh, u huma qiegħdu jdejhom fuq ġenbu, u missew il‑marki tal‑imsiemer f’idejh u f’riġlejh; u huma għamlu dan, wieħed wara l‑ieħor, sakemm marru lkoll kemm huma u raw b’għajnejhom u missew b’idejhom, u għarfu tassew u taw xhieda, li hu kien sewwasew dak li dwaru kitbu l‑profeti li għandu jiġi.

16 U meta huma marru lkoll u raw b’għajnejhom, huma għajtu lkoll f’daqqa u qalu:

17 Hosanna! Imbierek l‑isem ta’ Alla l‑Għoli! U huma nxteħtu f’riġlejn Ġesù, u bdew iqimuh.

18 U ġara li huwa kellem lil Nefi (għax Nefi kien jinsab fost il‑folla) u ordnalu biex jersaq lejh.

19 U Nefi qam u resaq lejh, u miel quddiem il‑Mulej u bieslu riġlejh.

20 U l‑Mulej ordnalu biex iqum. U huwa qam u waqaf quddiemu.

21 U l‑Mulej qallu: Jien nagħtik il‑qawwa li inti tgħammed lil dawn in‑nies meta jiena nitla għal darb’oħra fis‑smewwiet.

22 U l‑Mulej sejjaħ ukoll oħrajn, u qalilhom l‑istess ħaġa; u huwa tahom il‑qawwa li jgħammdu. U hu qalilhom: Dan hu l‑mod kif intom għandkom tgħammdu; u m’għandu jkun hemm l‑ebda tilwim fostkom.

23 Tassew ngħidilkom, li dawk li jindmu minn dnubiethom permezz ta’ kliemkom, u juru x‑xewqa li jitgħammdu f’ismi, b’dan il‑mod intom għandkom tgħammduhom—Araw, intom għandkom tinżlu u tieqfu fl‑ilma, u għandkom tgħammduhom f’ismi.

24 U issa araw, dan hu l‑kliem li intom għandkom tgħidu, fejn għandkom issejħulhom b’isimhom, u tgħidu:

25 Bl‑awtorità mogħtija lili minn Ġesù Kristu, jiena ngħammdek fl‑isem tal‑Missier, u tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

26 U mbagħad għandkom tgħaddsuhom fl‑ilma, u terġgħu toħorġuhom ’il barra mill‑ilma.

27 U b’dal‑mod intom għandkom tgħammdu f’ismi; għax araw, tassew ngħidilkom, li l‑Missier, u l‑Iben, u l‑Ispirtu s‑Santu huma ħaġa waħda; u jiena ninsab fil‑Missier, u l‑Missier jinsab fija, u l‑Missier u jiena ħaġa waħda.

28 U bil‑mod li ordnajtilkom jien intom għandkom tgħammdu. U m’għandhomx iqumu argumenti fostkom, kif s’issa kien hemm; lanqas m’għandhom iqumu argumenti fostkom dwar xi punti tad‑duttrina tiegħi, kif s’issa kien hemm.

29 Tassew, tassew ngħidilkom, dak li għandu fih l‑ispirtu tat‑tilwim mhuwiex ġej minni, iżda mix‑xitan, li huwa missier it‑tilwim, u huwa jqanqal qlub il‑bnedmin sabiex jitlewmu b’għadab bejniethom.

30 Araw, din mhijiex id‑duttrina tiegħi li nqanqal qlub il‑bnedmin bil‑għadab, wieħed kontra l‑ieħor; iżda din hi d‑duttrina tiegħi, li ħwejjeġ bħal dawn għandhom jieqfu.

31 Araw, tassew, tassew, ngħidilkom, jiena se nxandrilkom id‑duttrina tiegħi.

32 U din hi d‑duttrina tiegħi, li hi d‑duttrina li tani l‑Missier; u jien nixhed għall‑Missier, u l‑Missier jixhed għalija, u l‑Ispirtu s‑Santu jixhed għall‑Missier u għalija; u jien nixhed li l‑Missier ordna lil kulħadd, ġej minn fejn hu ġej, sabiex jindem u jemmen fija.

33 U dawk li jemmnu fija u jitgħammdu, huma dawk li jsalvaw; u dawn huma dawk li sejrin jirtu s‑saltna ta’ Alla.

34 U dawk li ma jemmnux fija, u ma jitgħammdux, se jiġu kkundannati.

35 Tassew, tassew, ngħidilkom, li din hi d‑duttrina tiegħi, u jien nixhed li ġejja mingħand il‑Missier; u min jemmen fija jemmen ukoll fil‑Missier; u l‑Missier jixhed miegħu għalija, għax lilu huwa jżur bin‑nar u bl‑Ispirtu s‑Santu.

36 U b’hekk jixhed għalija l‑Missier, u l‑Ispirtu s‑Santu jixhed għall‑Missier u għalija; għax il‑Missier, u jien, u l‑Ispirtu s‑Santu ħaġa waħda.

37 U għal darb’oħra ngħidilkom, jeħtieġ li intom tindmu, u ssiru bħal tifel ċkejken, u titgħammdu f’ismi, għax inkella ma tistgħu bl‑ebda mod tirċievu dawn il‑ħwejjeġ.

38 U għal darb’oħra ngħidilkom, jeħtieġ li intom tindmu u titgħammdu f’ismi, u ssiru bħal tifel ċkejken, għax inkella bl‑ebda mod ma tistgħu tirtu s‑saltna ta’ Alla.

39 Tassew, tassew, ngħidilkom, li din hi d‑duttrina tiegħi, u dawk li jibnu fuqha jkunu qed jibnu fuq il‑blata tiegħi, u s‑setgħat tal‑infern ma jegħlbuhomx.

40 U kull min ixandar iżjed jew anqas minn hekk, u jxandru bħala d‑duttrina tiegħi, dan ikun ġej mill‑ħażen, u ma jkunx qed jibni fuq il‑blata tiegħi; iżda huwa jkun qed jibni fuq pedament tar‑ramel, u s‑setgħat tal‑infern jinsabu lesti biex jilqgħu lil min hu bħalu meta jiġu l‑għargħar u jħabbtu fuqhom l‑irwiefen.

41 Għalhekk, morru għand dan il‑poplu, u xandru l‑kliem li jiena għidt, sa truf l‑art.