Kapitlu 21
Iżrael se jinġabar flimkien meta jiġi ppubblikat il‑Ktieb ta’ Mormon—Il‑Ġentili se jgħammru fl‑Amerika bħala poplu ħieles—Jekk huma jemmnu u jobdu huma jsalvaw; jekk le, huma jiġu mwarrba u meqruda—Iżrael sejjer jibni l‑Ġerusalemm il‑Ġdida, u t‑tribujiet mitlufa se jerġgħu lura. Madwar 34 W.K.
1 U tassew ngħidilkom, jiena nagħtikom sinjal, fejn intom tkunu tafu meta jkunu se jseħħu dawn il‑ħwejjeġ—fejn jiena se niġbor flimkien lill‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael, wara daqstant żmien imxerred, u se nerġa’ nwaqqaf mill‑ġdid il‑Sijon tiegħi fosthom;
2 U araw, din hi l‑ħaġa li jiena se nagħtikom bħala sinjal—fejn tassew ngħidilkom li meta dawn il‑ħwejjeġ, li jiena qed inxandrilkom, u li minn issa ’l quddiem se nxandrilkom permezz ta’ fommi u permezz tal‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu li se tingħata lilkom mill‑Missier, meta huma se jiġu żvelati lill‑Ġentili biex huma jkollhom għarfien ta’ dan il‑poplu, li hu fdal tad‑dar ta’ Ġakobb, u tal‑poplu tiegħi li se jiġi mxerred minnhom;
3 Tassew, tassew, ngħidilkom, meta dawn il‑ħwejjeġ se jiġu żvelati lilhom mill‑Missier, u li se jaslu għandhom mill‑Missier, u mingħandhom għal għandkom;
4 Għax huwa għerf fil‑Missier li huma jibdew jgħammru f’din l‑art, u jagħmlu dan bħala poplu ħieles bil‑qawwa tal‑Missier, biex dawn il‑ħwejjeġ ikunu jistgħu jgħaddu mingħandhom għal għand fdal ta’ nisilkom, biex il‑patt tal‑Missier ikun jista’ jiġi fis‑seħħ, il‑patt li huwa għamel mal‑poplu tiegħu, O dar ta’ Iżrael;
5 Għalhekk, meta dawn il‑ħwejjeġ u l‑ħwejjeġ li se jitwettqu fostkom minn issa ’l quddiem, se jiġu mwettqa mill‑Ġentili, fost in‑nisel tagħkom, li ftit, ftit se jispiċċa jitlef il‑fidi minħabba l‑ħażen;
6 Għax hija r‑rieda tal‑Missier li dan jiġi fis‑seħħ mill‑Ġentili, ħalli huwa jkun jista’ juri l‑qawwa tiegħu lill‑Ġentili, biex b’hekk il‑Ġentili, jekk ma jwebbsux qalbhom, u jindmu u jiġu għandi u jitgħammdu f’ismi u jitgħallmu l‑punti vera tad‑duttrina tiegħi, huma jkunu jistgħu jingħaddu fost il‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael;
7 U meta dawn il‑ħwejjeġ jiġu fis‑seħħ u nisilkom jibda jagħraf dawn il‑ħwejjeġ—dan se jkun sinjal għalihom biex huma jkunu jafu li diġà bdiet titwettaq il‑ħidma tal‑Missier ħalli jiġi fis‑seħħ il‑patt li huwa għamel man‑nies li ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael.
8 U meta jasal dak il‑jum, se jiġri li s‑slaten se jispiċċaw b’ħalqhom magħluq; għax huma għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet; u għad jifhmu dak li qatt ma semgħu bih.
9 Għax f’dak il‑jum, minħabba fija l‑Missier se jwettaq ħidma, li se tkun ħidma kbira u tal‑għaġeb li hu se jwettaq fosthom; u fosthom se jkun hemm min mhuwiex se jemmen dan, minkejja li xi ħadd se jgħarrafhom b’dan.
10 Iżda araw, il‑ħajja tal‑qaddej tiegħi se tkun f’idejja; għalhekk lilu mhu se jagħmlulu xejn, minkejja li huwa se jitħassar minħabba fihom. Madankollu lilu jiena se nfejjaq, għax jien se nurihom li l‑għerf tiegħi huwa akbar mill‑ħażen tax‑xitan.
11 Għalhekk għad jiġri li kull min ma jemminx fil‑kliem li ngħid jiena, Ġesù Kristu, liema kliem il‑Missier se jordnalu biex jieħdu għand il‑Ġentili, u li huwa jagħtih il‑qawwa li jwasslu fost il‑Ġentili, (dan se jseħħ sewwasew kif qal Mosè) huwa se jinqata’ minn fost il‑poplu tiegħi li huwa l‑poplu tal‑patt.
12 U l‑poplu tiegħi, li huwa fdal ta’ Ġakobb, se jmur fost il‑Ġentili, iva, se jmur fosthom bħal iljun qalb il‑bhejjem tal‑foresta, bħal ferħ ta’ ljun fost il‑merħliet tan‑nagħaġ, li meta jgħaddi, jgħaffeġ u jqatta’, u ħadd ma jeħlisha minn taħt idejh.
13 Ħa tintrefa’ jdejhom kontra min jeħodha magħhom, u jintemmu l‑għedewwa kollha tagħhom.
14 Iva, ħażin ikun għalihom il‑Ġentili jekk huma ma jindmux; għax għad jiġri f’dak il‑jum, jgħid il‑Missier, li jiena ntemm iż‑żwiemel tiegħek minn ġo nofsok, u neqred il‑karrijiet tiegħek;
15 U ntemm il‑bliet ta’ pajjiżek, u nġarraf is‑swar tiegħek kollha;
16 U ntemm kull seħer minn artek, u bassara ma jkollokx iżjed;
17 Jiena nkisser ix‑xbihat minquxa u l‑istatwi tiegħek minn ġo nofsok, u l‑għemejjel ta’ jdejk ma tqimx aktar;
18 U l‑imsaġar tiegħek inqaċċat minn nofsok; u neqred ukoll blietek.
19 U jiġri li għad jgħib kull gideb, u qerq, u għira, u ġlied, u kull frodi saċerdotali, u żína.
20 Għaliex għad jiġri, jgħid il‑Missier, li dakinhar kull min ma jindimx u ma jersaqx lejn Ibni l‑Għażiż, lilu jiena nwarrab minn fost il‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael;
21 U b’korla u saħna kbira jien nitħallas minnhom, l‑istess bħalma nitħallas mill‑ġnus, b’mod li bih ħadd ma sema’ qabel.
22 Iżda jekk huma jindmu u jagħtu widen għal kliemi, u ma jwebbsux qalbhom, jiena nwaqqaf il‑knisja tiegħi fosthom, u huma jidħlu fil‑patt u jiġu magħduda fost dan il‑fdal ta’ Ġakobb, li lilu jiena tajt din l‑art bħala wirtu;
23 U huma se jkunu ta’ għajnuna għall‑poplu tiegħi, il‑fdal ta’ Ġakobb, kif ukoll għal dawk kollha li se jiġu hawn minn fost id‑dar ta’ Iżrael; ħalli huma jkunu jistgħu jibnu belt li se jkun jisimha Ġerusalemm il‑Ġdida.
24 U mbagħad huma se jkunu ta’ għajnuna għall‑poplu tiegħi biex huma, li jinsabu mxerrdin ma’ wiċċ l‑art kollha, jinġabru f’Ġerusalemm il‑Ġdida.
25 U mbagħad il‑qawwa tas‑smewwiet tinżel fosthom; u jiena wkoll inkun ninsab f’nofshom.
26 U mbagħad f’dak il‑jum jingħata bidu għall‑ħidma tal‑Missier, sewwasew meta dan l‑evanġelju jiġi mxandar fost il‑fdal ta’ dan il‑poplu. Tassew ngħidilkom, li f’dak il‑jum jingħata bidu għall‑ħidma tal‑Missier fost in‑nies tiegħi kollha li jinsabu mferrxin, iva, sewwasew fost it‑tribujiet li ntilfu, li l‑Missier mexxa ’l barra minn Ġerusalemm.
27 Iva, il‑Missier se jagħti bidu għal ħidma fost in‑nies tiegħi kollha li jinsabu mferrxin sabiex huwa jħejji mod kif huma jkunu jistgħu jiġu għandi, biex huma jkunu jistgħu jitolbu lill‑Missier f’ismi.
28 Iva, u mbagħad jingħata bidu għall‑ħidma tal‑Missier fost il‑ġnus kollha biex huwa jħejji mod kif in‑nies tiegħu jkunu jistgħu jinġabru f’darhom ġewwa l‑art ta’ wirthom.
29 U huma se jitilqu minn fost il‑ġnus kollha; u la se jitilqu b’għaġla, u lanqas bil‑ħarba, għax quddiemhom jiena se nimxi, jgħid il‑Missier, u warajhom jiena se nkun.